Select Page
Wirja tal-arti li tirrappreżenta l-effetti ta’ diżinformazzjoni mill-midja dwar il-gwerra

Wirja tal-arti li tirrappreżenta l-effetti ta’ diżinformazzjoni mill-midja dwar il-gwerra

Inaction is a Weapon of Mass Destruction huwa proġett tal-arti, bi pjan li jixħet dawl fuq kif il-proċessi tal-midja użati sabiex iferxu informazzjoni dwar il-gwerra u l-effetti tagħha fuq min qiegħed isegwi.

Ix-xogħol jirrifletti l-preokkupazzjoni tal-artist bil-bdil, editjar jew manipulazzjoni tal-informazzjoni li tasal għand in-nies li jinsabu ‘l barra miż-żona ta’ kunflitt. Il-perikli li jinħolqu minħabba informazzjoni ħażina mferxa mill-midja, huma serji. Dan għaliex joħolqu impatt qawwi fuq l-opinjoni pubblika fuq kwistjonijiet ta’ għajnuna umanitarja u interventi militari bbażati fuq gideb u nofs veritajiet.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jipprovoka lill-ispettaturi permezz ta’ numru ta’ xogħolijiet analitiċi, ironiċi u kultant anke permezz ta’ xogħol ċiniku bbażat fuq sitwazzjonijiet fattwali; stampi fittizzji u anke xogħol teoretiku. Esperti differenti mill-oqsma tal-ġurnaliżmu, films, arti, edukazzjoni u mix-xena militari qegħdin jikkontribwixxu ukoll f’dan il-proġett, permezz ta’ taħditiet u workshops.

Din il-wirja mill-artist Darren Tanti, u kurazzjoni ta’ Melanie Erixon, qed tittella’ ġewwa Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta u ġewwa l-Kamra ta’ Fuq, l-Imqabba, sal-4 ta’ Diċembru.

YFES – Wirja tal-arti mill-artista Jo Dounis

YFES – Wirja tal-arti mill-artista Jo Dounis

YFES se tkun wirja li fiha wieħed se jara xogħlijiet ta’ arti ġodda u fi stili differenti milli s-soltu Jo Dounis toħloq.

YFES, hija kelma Griega li tfisser tessuti. L-użu ta’ din il-kelma tirrifletti s-snin twal li l-artista għexet il-Greċja u permezz ta’ din il-wirja qiegħda tenfasizza triq ġdida fil-karriera artistika tagħha.

Dounis tuża metodi sottili, mexxejja, toħloq sens fluwidu permezz tal-arti tagħha, li hi popolari għalih. Iżda f’din il-wirja se ttina sorpriża għax se naraw teknika kompletament differenti.

F’din il-kollezzjoni l-ġdida, l-artista se tesplora varjetà ta’ tessuti sabiex toħloq xogħol inkredibbli li wieħed ikollu jmiss sabiex japprezza u jesperjenza postijiet idilliċi jew spazji fi żmien partikolari. Mhux se naraw figuri umani, u dawn il-postijiet mhux mittifsa, jekk huma pajsaġġi, xeni tal-baħar, spazji u atmosferi, huma kollha maħluqa mill-immaġiazzjoni profonda u armonjuża tal-artista. Manipulazzjoni ta’ kuluri u ta’ dwal, li jittrażmettu ħsus surreali, ħsus li qiegħed tiġi trasportat f’dinja alternattiva, dinja Utopiku.

Din il-wirja hija kkurata minn Melanie Erixon u qed tittella’ ġewwa Gemelli Art Gallery, Ta’ Qali Crafts Village, u għandha miftuħa għall-pubbliku sas-26 ta’ Novembru 2022.

Ħinijiet tal-ftuħ:
Mit-Tnejn Sal-Ġimgħa: mis-7:00 sat-15:00
Is-Sibt: mid-9:00 sa nofsinhar.

It’s 5 o’clock Somewhere – Wirja tal-arti li tesplora pjaċiri li jqanqlu sens ta’ ħtija

It’s 5 o’clock Somewhere – Wirja tal-arti li tesplora pjaċiri li jqanqlu sens ta’ ħtija

Din il-wirja ġewwa Boco ddur mat-tema ta’ guilty pleasures, pjaċiri li jqanqlu sens ta’ ħtija. Dawn il-pjaċiri huma attivitajiet personali u intimi jew drawwiet li wieħed m’għandux jagħmel jew jastjeni milli jagħmel, iġibu ferħ iżda fl-istess ħin sens ta’ ħtija u mistħija. Jaf ikunu kemxejn ta’ ħsara, u mhux aċċettabbli mis-soċjetà.

Inħossuna nitilfu l-kontroll tagħna nfusna f’dawn is-sitwazzjonijiet u kulħadd għandu minn dawn il-pjaċiri, jistgħu jkunu wieħed jew aktar. Għalkemm kultant, wieħed isibha diffiċli li jammettihom.

Il-lista ta’ dawn il-pjaċiri, guilty pleasures, hija infinita, imma jekk wieħed kellu jsemmi ftit minn dawk li huma l-aktar komuni u preferuti, faċli nibdew: mill-iffingar fiċ-ċikkulata, konsum t’alkoħol (speċjalment f’ħinijiet mhux tas-soltu), fantasiji sesswali, meta teħel ma’ programm televiżivi intriganti (binge-watching), xamm tal-kotba, xiri eċċessiv minn fuq l-internet… u ħafna aktar.

L-isem ta’ din il-wirja tal-arti, It’s 5 o’clock Somewhere, ġej mill-frażi famuża li wieħed juża bħala skuża meta jkun jixtieq xarba alkoħolika f’ħin li mhux komuni li jinxtorob l-alkoħol; bħal ngħidu aħna, fl-10 ta’ filgħodu. Din toħloq sens ta’ ħtija fil-kuxjenza, u għaldaqstant wieħed iserraħ kemm kemm il-kuxjenza billi jikkonsla li għalkemm għalih ikun filgħodu, xi mkien fid-dinja saru l-5 ta’ flgħaxija. Il-5 ta’ flgħaxija huwa l-ħin użat għax huwa ħin komuni għal ħafna li fih tispiċċa il-ġurnata tax-xogħol u l-ħin li fih bosta bars joffru l-Happy Hour.

L-artisti li qegħdin jieħdu sehem f’din il-wirja ġew mistiedna juru mumenti ta’ dawn il-pjaċiri li
jqanqlu sens ta’ ħtija. Setgħu jkunu f’mumenti solitarji, mumenti li ltaqgħu magħhom jew kwalunkwe fantasiji mill-immaġiazzjoni tal-artist.

Dwn il-mumenti ta’ sodisfazzjon jagħmlu l-ħajja iktar ta’ pjaċir, speċjalment waqt mumenti ta’ stress u għaldaqstant din il-wirja trid toħloq sens ta’ ċelebrazzjoni permezz ta’ dawn il-pjaċiri

Din il-wirja għandha miftuħa sas-26 t’Ottubru u qed tittella’ ġewwa BOCO Boutique Hotel, Bormla.

L-artisti li qegħdin jieħdu sehem f’din il-wirja, ikkurata minn Melanie Erixon, huma Aaron Bezzina, Daniel Borg, Roderick Camilleri, Debbie Caruana Dingli, Rupert Cefai, Antoine Farrugia, Karl Froman, Lawrence Pavia, Amelia Saint George, Mario Sammut, Darren Tanti.

Thread – Wirja tal-arti – Miftuħa sas-17 ta’ Ottubru

Thread – Wirja tal-arti – Miftuħa sas-17 ta’ Ottubru

Thread hija wirja tal-arti mill-artisti Ebru Çinar, Stefan Spiteri u Bernice Vassallo, b’xogħlijiet b’użu partikolari u esperimentali tal-ħajt. Mal-użu tal-ħajt, f’xogħolhom jidher ċar kif jassimilaw miegħu l-involviment tan-natura u forom organiċi, li dan kollu jwassal għar-riżultati li ppreżentaw.

Thread hawn għandha żewġ tifsiriet. Il-ħajt huwa l-materja prinċiparjament użata f’dawn ix-xogħlijiet. Li tgħin biex twassal il-ħadma organika maħluqa f’sens figurattiv tal-weraq u drabi oħra tirrappreżenta serje ta’ passaġġi maħluqa fil-konxju jew fis-subkonxju li jwasslu għal laberinti ifframmentati. Kollha joħolqu armonija tanġibbli u mhux tanġibbli, spazji reali imma surreali.

Ebru Çinar permezz ta’ xogħolha turina kompożizzjonijiet figurattivi u kumplessi. Grazzi għall-użu tal-ħajt tirrappreżenta perspettiva fuq firxa ċatta u f’qisien li jaf ikunu skomdi imma li jaffaxxinaw lil min qiegħed japprezzahom. Dan kollu jagħmel lin-narrattiva ħafna iktar intriganti u tal-ħolm.

Min-naħa l-oħra, ix-xogħol ta’ Bernice Vassallo huwa astratt u juru l-għarfien li għandha fix-xogħol ta’ ħjata u kif wieħed jista’ jesperimenta f’dan il-qasam. Il-kompożizzjonijiet kważi tal-vini tal-moħħ jew passaġġi li jitgħaqdu u jsaħħru daqs labirint fl-għanqbut, delikat imma jista’ jkun b’saħħtu.

Stefan Spiteri qiegħed jesebixxi sensiela ta’ xogħlijiet bit-titlu ta’ Lost Trail. Għalkemm f’xogħlu ma narawx l-użu tal-ħajt, xorta waħda naraw kif permezz ta’ xogħlu joħloq relazzjoni bejn xogħlu u xogħol iż-żewġ artisti l-oħra li qegħdin jagħmlu parti minn din l-esebizzjoni.

Naraw l-enfasi fuq l-organiku, bl-użu ta’ weraq u l-faxxinu għal-lineari, imwassal permezz taż-żebgħa taż-żejt, dan kollou joħloq djalogu bejn ix-xogħlijiet kollha. Spiteri jipperċepixxi x-xogħlijiet tiegħu bħala biċċiet minn netwerk kumpless ta’ passaġġi bla rotta preċiża.

Din il-wirja, li għandha miftuħa sas-17 ta’ Ottubru, qed tittella’ ġewwa Il-Kamra ta’ Fuq u qed tiġi kkurata minn Art Sweven.

Noli – Wirja tal-Arti mill-artista Anabel Cordina – Miftuħa sat-13 ta’ Ġunju

Noli – Wirja tal-Arti mill-artista Anabel Cordina – Miftuħa sat-13 ta’ Ġunju

Noli (bħall-isem tal-logħba) hija kollezzjoni ta’ woodcut monoprints fejn l-artista tesplora l-arti permezz ta’ dan il-proċess. Dan iseħħ meta bħallikieku qiegħda tilgħab il-logħba; biċċa xogħol tgħaddi minn proċess ta’ kxif ta’ dak li hu moħbi u ssir tfittxija għal dak li mhux ovvju. Noli hija metafora għal enerġija moħbija li tkun preżenti f’mumenti ta’ introspettiva f’solitudni, jinħolqu ħsus ġodda sabiex tfittex dak li hemm mistur.

Forom ġodda jfeġġu u b’logħob jitħaltu u jingħaqdu permezz ta’ labirinti ta’ velaturi u strati, sakemm dak li hemm moħbi taħt il-wiċċ iħeġġiġna biex insibu kenn, nitqabdu fina nfusna u nerġgħu nħeġġu dik il-kurżità ġewwinija u l-bżonn għat-tfittxija.

Din il-logħba permezz tal-arti, tkompli bis-saħħa ta’ kull individwu li qiegħed japprezza
x-xogħlijiet. Kwalunkwe ħaġa li jiskopri u tifsiriet ġodda li joħloq isiru parti mill-biċċiet t’arti
nfushom.

Il-wirja Noli qed tittella’ ġewwa Il-Kamra ta’ Fuq, l-Imqabba u għandha miftuħa sat-13 ta’ Ġunju.

Għal aktar informazzjoni dwar l-artista Anabel Cordina: Anabel Cordina More Info | Art Sweven

Għal aktar informazzjoni dwar il-wirja: NOLI

Enable Notifications OK No thanks