Hekk ħierġa? – Tanja Cilia

Hekk ħierġa? – Tanja Cilia

L-esaġerazzjoni f’kollox ħażina.

Kulħadd jafhom l-istejjer tal-Imperatur li kien mingħalih liebes il-ħwejjeġ, imma fil-fatt kien vittma ta’ ċajta goffa ta’ tnejn min-nies li kien jafda, u dik tal-ġuvni li biex salva lil missieru, mar quddiem is-Sultan liebes xibka, għax dan qallu biex imur quddiemu ‘liebes, iżda għarwien’.

Illum, dawn l-istejjer qed narawhom li saru verità; ħwejjeg li mhux ħwejjeġ, bħal xi par leggings qishom impittra, mhux milbusin, u flokkijiet trasparenti u qliezet imċarrta u mtaqqba’ li iżjed għandhom toqob milli drapp.

Kien hemm żmien meta l-ħwejjeġ kienu jpaxxuk, minbarra li jipproteġu d-dinjità ta’ min jilbishom; ilbies mirqum li jżomm id-dekor u d-dixxiplina. Ħadd ma kien jażżarda jmur il-knisja bla kmiem, jew bil-flipflops, jew b’qalziet jew dublett ‘il fuq mill-irkoppa.

Kien hemm kodiċi mhux miktuba dwar x’hinu aċċettabbli, u x’mhuwiex, u kien hemm sfilati tal-moda msejħin “Mary-like” għax il-ħwejjeġ kienu puliti, sbieħ, u jibżgħu għall-pudur ta’ min jilbishom. Daż-żmien, jgħidulek li meta eleganti kuljum, tkun ‘klassist’ u ‘elitist’.

Jekk tixtri qalziet u jiġik twil, u xxammarlu l-keffa, issib min jidhaq bik. Jekk ikollok jeans li jkun beda jitfi, jgħidulek biex tiekol inqas, sabiex tfaddal u tixtri ieħor. Morna minn qalziet bit-tinja spjanata, għal ħwejjeg li lanqas naffar ma jkun iridhom, kieku seta’ jagħżel.

Bl-iskuża tal-moda, iżda, hawn min jinsa li l-ġisem huwa tempju tal-Ispirtu s-Santu, u li aħna maħluqin fuq ix-xbiha t’Alla. L-ironija hi li lit-tfal inlibbsuhom qishom adulti żgħar, u l-adulti jilbsu qishom tfal li ma jixjieħu qatt, u n-nies li suppost jagħtu eżempju jilbsu ħwejjeġ li mingħalihom ser jagħmluhom popolari mal-pubbliku.

X’gost fih qalziet li qisu mtebba’ bit-tajn jew mikul mil-kamla, jew li qisu kien tan-nannu?

Hawn min jgħidlek li biex tkun komdu, ‘ma tistax’ tkun ‘diċenti’, għax il-kmiem u l-qliezi jsaħħnu u ma tkunx tista’ tiċċaqlaq. Jinsew li l-ħwejjeġ suppost li jipproteġu l-ġisem, kemm fiżikament u kemm moralment. Jgħidulek li jilbsu ‘qishom’ bl-addoċċ biex juru li mhumiex vanitużi, u fl-istess ħin, jiftaħru kemm nefqu flus fuq dak il-flokk li qisu mtebba’, u fuq qalziet li fih ħames tiċritiet. Jgħidulek li issa hekk moda, u li dak hu l-istil personali tagħhom, bla ma jindunaw li qed imeru lilhom innifishom.

Ħajjata prima ddum iddawwar id-drapp li jkun fih disinn, biex dan bl-ebda mod ma jiġbed l-attenzjoni lejn postijiet suġġestivi; iżda disinjatur tal-moda jara kif jagħmel u jesponihom, biex jagħmel furur.

Biex l-ilbies ikun modest, u moralment jew soċjalment aċċettabbli, m’għandux għalfejn ikun qisu kutra li tgeżwrek minn rasek sa saqajk. L-esaġerazzjoni f’kollox ħażina.

Wirja Kollettiva ta’ Arti b’risq Smiling with Jerome

Wirja Kollettiva ta’ Arti b’risq Smiling with Jerome

Nhar is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Mejju se tkun miftuħa għall-pubbliku wirja kollettiva ta’ arti fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta, b’risq Smiling with Jerome.

Dwar din il-wirja tkellimna ma’ Josette Frendo, omm Jerome li għalih hija msemmija l-NGO Smiling with Jerome.

Għaliex isir il-ġbir ta’ fondi?

Aħna ngħinu u nappoġġjaw mijiet ta’ persuni li jkollhom dijanjosti ta’ mard serju: prinċipalment dawk li jkollhom il-kanċer.

Aħna NGO żgħira, u għaldaqstant m’għandniex fondi biex norganizzaw maratoni fuq it-TV. Għal dawn ikunu meħtieġa eluf ta’ ewro biex jitħalsu terzi, fosthom stazzjonijiet tat-TV, u l-personnel involuti fil-ġbid tal-filmati, l-editjar, eċċ.

Smiling with Jerome tgħin u tappoġġja tfal li għandhom mard rari, jew diżabbiltà, jew kundizzjonijiet severi. Aħna nemmnu li hu meħtieġ li tgħin lill-familja kollha, u mhux biss lill-pazjent, għax li jkun hemm, jaffettwa lil kulħadd u mhux lill-individwu biss. Għaldaqstant, norganizzaw avvenimenti kontinwament matul is-sena. Dawn kollha jkunu bla ħlas, u għal kulħadd.

Xi avvenimenti oħra li organizzajtu?

Aħna dejjem nippruvaw inferrħu lil dawn il-familji. Ix-xahar li għadda, ngħidu aħna, offrejna PhotoShoots tal-Familja b’xejn, kif ukoll trattamenti tas-sbuħija b’xejn, għal dawn il-familji.

Matul is-sajf noffrulhom, dejjem b’xejn, vjaġġi bid-dgħajsa, ikliet, u anke ġranet mal-pixxina, jew f’xi Lido. Nagħtuhom ukoll ġranet f’farmhouses, kunċerti, spettakli, festi, sessjonijiet ta’ kif jinħadem il-fuħħar, rigali personalizzati għat-tfal, sfilati tal-moda, ħarġiet u taħditiet edukattivi… figolli u bajd tal-Għid għal kull tifel u tifla, u rigali oħrajn.

Ta’ min isemmi l-grupp True Heroes li diġà għandu aktar minn 300 membru. Il-membri kollha ta’ dan il-grupp għandhom lil xi ħadd maħbub li għandu mard serju jew rari, jew diżabbilità jew xi kundizzjoni. Norganizzaw dawn l-avvenimenti tant sbieħ għal dawn il-familji b’mod regolari.

Għaliex iddeċidejtu li torganizzaw din il-wirja kollettiva?

Din l-idea ġiet ippreżentata lilna mis-Sur Kris Debono, li huwa l-organizzatur ewlieni tal-Old School Studios, Malta. Qalilna li lest jgħin lill-NGO tagħna; għandna wkoll is-support tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.
Id-dħul kollu minn dan l-avveniment se jkun b’risq l-inizjattiva tagħna ta’ Chemo Bags of Hope. Dawn huma basktijiet li jingħataw lill-pazjenti kollha tal-canċer, żgħar u kbar, li qegħdin fis-SAMOC (Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo), kif ukoll lil dawk riferuti lilna minn Malta Hospice.

Din l-inizjattiva ġiet introdotta minna għall-ewwel darba f’Malta fl-2019. Il-Chemo Bags of Hope ikollhom fihom għadd ta’ oġġetti speċjalizzati, kollha approvati mill-Infermiera tal-Onkoloġija, li jkunu ta’ sostenn għall-persuni li għandhom il-kanċer, matul dawk is-sigħat ta’ kura twal ħafna, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija.
Il-kimoterapija u trattamenti oħra huma importanti, iżda daqstant ieħor hu l-Benessri Pożittiv tas-Saħħa Mentali. Kull borża jkollha valura ta’ iżjed minn €60, iżda tingħata b’xejn lil kull pazjent fis-Swali 1 u 2, Rainbow Ward, Palliative Care, u Haematology Ward.

Din il-wirja, kif ser tkun differenti mill-wirjiet tal-arti tas-soltu?

F’din il-wirja tal-arti ser jieħdu sehem aktar minn 50 esebitur. Għandna artisti professjonali, kif ukoll dawk li jaħdmu l-artiġjanat; ġojjellerija, injam, ċeramika, bizzilla Maltija, ġebel, u xemgħa. Ser jkun hemm ukoll grupp ta’ studenti, u fotografi professjonali juru r-ritratti li ħadu.

L-oġġetti kollha se jkunu esposti għall-wiri, jistgħu jinxtraw minn dawk li jżuru l-wirja. Għalkemm bħala NGO niddependu ħafna mid-donazzjonijiet, napprezzaw il-fatt li biex jinħolqu x-xogħlijiet tal-arti, jieħdu ħafna ħin, passjoni, u spejjeż. Ilħaqna ftehim mal-esebituri kollha, li għal kull oġġett mibjugħ, jagħtuna mill-inqas 20% fuq il-bejgħ b’risq Smiling with Jerome.

Tkellimna wkoll mal-artista Judith Dingli, waħda mill-artisti li se jieħdu sehem f’din il-wirja.

Meta ħassejt ix-xewqa li tibda’ tpitter?

Ma kinitx xewqa jew deċiżjoni. Jien twelidt artista.

Minn tfuliti, kull fejn immur, dejjem inġorr miegħi lapsijiet u karti. Barra minn hekk, kont niddisinja l-ħwejjeġ fuq il-fidda tas-sigaretti li kont nieħu mill-pakketti li kien ikollu missieri Angelo, magħruf bħala Ġolinu. Hu kien artist ukoll, u iva, kont inħoss ġibda kbira lejn ix-xogħol artistiku tiegħu.

Ta’ età bikrija kont inħit il-ħwejjeġ għalija, u nagħmel it-tapizzeriji. Meta kont għadni l-iskola, ipparteċipajt f’diversi kompetizzjonijiet tal-arti.

Ħadt sehem f’wirja fil-Finlandja u ġejt l-ewwel fost 57 parteċipant; ingħatajt il-midalja tad-deheb, u diploma. Attendejt diversi korsijiet fost il-MCAST, u l-Malta Society of Arts.

Dawn l-aħħar għaxar snin iddedikajt aktar ħin lit-talent tiegħi. Ħadt sehem f’diversi wirjiet f’Malta u f’Għawdex, u ipparteċipajt f’għadd ta’ wirjiet kollettivi. S’issa kelli wkoll żewġ wirjiet solo; l-ewwel wirja kien jisimha Shadow. Kienet iddedikata lill-mibki missieri, għax hu kien, u dejjem ser jibqa’, id-dell tiegħi. Għalkemm m’għadux miegħi fiżikament, għadni nħoss il-preżenza tiegħu meta nkun qed inpinġi. It-tieni wirja kienet kienet Ġuditta. Ġuiditta hija jiena, u l-pitturi esebiti fil-wirja kienu kollha ritratti ta’ nisa. Kull ritratt kien jirrappreżenta xi episodju ta’ ħajti.

Għandek xi medium jew xi stil preferuti?

Jien artista versatili. Esperimentajt b’diversi media – l-akwarell, l-akriliku, iż-żejt, il-pinna u l-linka, il-lapes, l-impasto, il-faħam tal-kannol, u anke materjal riċiklat. Bħalissa qed naħdem aktar bl-akriliku u l-impasto. Inpitter kemm en plein air, u fl-istudju; kemm still life, ritratti, u pajsaġġi. Naħdem fuq it-tila, l-injam, u materjal ieħor.

Jien persuna kreattiva ħafna. Il-kuluri huma ħajti, u jimlewni bl-enerġija. Il-pitturi kollha tiegħi huma vibranti u ikkuluriti ħafna. Il-forte tiegħi huwa pitturi semi astratti.

X’kien li ser tieħu sehem f’din il-wirja għall-karita?

Rajt l-avviż tal-avveniment ta’ Smiling with Jerome fuq Facebook. Meta jkun hemm avveniment speċifikament għall-karità, nappoġġjah b’qalbi kollha. Nemmen li l-kuntentizza tiġi meta ngħinu lil xulxin.

Kelma tal-aħħar?

Il-motto tiegħi huwa “Qatt tinsa minn fejn bdejt”.

Id-dħul għal din il-wirja huwa b’xejn.

Ħinijiet: Is-Sibt 27 ta’ Mejju: 9.00a.m. – 12.00a.m. u 5.00p.m – 8.30p.m.Il-Ħadd 28 ta’ Mejju: 10.00a.m. – 6.00p.m.

It-Tupperware – Għadda żmienu? – Tanja Cilia

It-Tupperware – Għadda żmienu? – Tanja Cilia

Kenwood. Biro. Thermos. Hoover. Tupperware.

Meta isem ta’ ditta jsir in-nom li bih ikunu magħrufa l-oġġetti kollha li jagħmlu l-istess xogħol, allavolja ma jkunux ta’ dik id-ditta, mela allura forsi nkunu nistgħu ngħidu li dik id-ditta hija l-iżjed waħda importanti f’dik is-sezzjoni tas-suq bl-imnut.

Tant hu hekk, li forsi hawn żgħażagh li jiskantaw jekk ngħidulhom li mhux kull kontenitur tal-plastik huwa tad-ditta Tupperware, għax għalihom, dik il-kelma, hekk tfisser.

Ta’ min jgħid li kien bott taż-żebgħa li 75 sena ilu, nibbet il-kunċett tat-Tupperware. Earl Tupper, li kien propjament kimiku, irraġuna li kieku joħloq kontenituri li kellhom siġill bħal tal-bottijiet taż-żebgħa, ma kinux iħallu l-arja u l-ilma jidħlu fihom, u jitħassar l-ikel.

It-Tupperware kien beda’ jinbigħ fid-djar, fil-famużi Tupperware Parties, bħal ma llum nixtru d-diterġenti, kożmetiċi, ġojjelli, ħwejjeġ, u affarijiet oħra, wara l-gwerra, fl-Istati Uniti. Dak iż-żmien, mhux kulħadd kellu friġġ, u l-ħela tal-ikel, filwaqt li qatt mhi tajba, fi żminijiet tal-għaks, tinħass iżjed.

Meta beda t-Tupperware, kien meqjus bħala soluzzjoni maġika, għax ma kienx hawn bħalu fis-suq. Illum, iżda, hawn għadd ta’ ditti li jipprovdu prodotti simili, li huma ħafna irħas.

Għaldaqstant, naqas ħafna l-bejgħ tat-Tupperware, tant li hemm għajdut li l-kumpanija x’aktarx li ser ikollha tagħlaq jekk ma ssibx investimenti biex tiffinanzja ruħha, u terġa’ tagħti spinta lill-bejgħ tal-prodotti tagħha.

Ta’ min jgħid li f’suq mifqugħ, ħadd mhu ser jixtri kontenituri għoljin f’laqgħat fid-dar ta’ xi ħadd, meta, jekk tassew iridu minnhom, jistgħu jordnawhom online. M’għadux iż-żmien li l-ħarġa tal-mara tkun biex taħli sagħtejn tisma’ kif tippriżerva l-frott, bi pjaċir lil xi ħabiba, sempliċiment biex min stedinha jieħu l-commission.

Forsi d-ditta Tupperware damet ma ħasbitha biex timxi maż-żminijet. Trid tikkompeti ma’ ditti oħra li għandhom prodotti li jidħlu dritt fil-forn mill-freezer u xorta huma tajbin għal-microwave u d-dishwasher. Dan huwa importanti, meta ħafna jfittxu li jiffrankaw il-ħin, u l-flus, u l-enerġija… u jekk jista’ jkun, jieklu mill-kontenitur li jkun ġie msaħħan fih l-ikel, biex jiffrankaw fil-ħasil tal-platti, ukoll.

L-ironija hi li filwaqt li suppost li neħilsu mill-plastik, it-Tupperware u ditti oħra tal-kontentituri tal-plastik jibqgħu jinsistu li l-prodotti tagħhom huma bżonnjużi f’kull dar.

Ta’ min jgħid li min kien jorganizza l-festini tat-Tupperware, kien ikollu d-dħul minnu, fi żmien fejn in-nisa ma tantx kienu joħorġu jaħdmu. Fl-eqqel tal-Covid 19, dawn il-festini bdew isiru online, għax kien hemm il-ħtieġa li dak li jkun ma joħroġx għalxejn mid-dar, imqar biex jixtri, u għalhekk it-tisjir fid-dar, u l-ippriżervar tal-ikel reġa’ ħa l-importanza.

Min jaf kif ser tispiċċa l-biċċa?

X’naqbad nagħmel? – Tanja Cilia

X’naqbad nagħmel? – Tanja Cilia

… Kultant, nofs l-inkwiet li jkollok huwa żejjed…

“Xi tridni nagħmel?” nistaqsu, meta jinqalalna xi ħaġa li tidher li se tisirqilna l-paċi.

Imma għaliex inħallu lil ħaddieħor jgħidilna x’għandna nagħmlu? Id-deċiżjoni li jieħu ħaddieħor għalina mhux bilfors li tkun l-aħjar waħda għas-sitwazzjoni tagħna. Li titlob parir, dejjem tajjeb, iva, iżjed u iżjed jekk ikun mingħand xi ħadd professjonali, imma int biss trid tkun li tagħżel x’inhu l-aħjar għalik.

Hemm ħafna x’tagħmel biex tipprova twitti s-sitwazzjoni, jew tiġġieled l-ansjetà jew dipressjoni u sentimenti oħra negattivi, imma importanti li ma tikkompromettix l-integrità tiegħek sempliċement biex teħles mill-inkwiet.

L-inkwiet jixref f’ħafna okkażjonijiet; familjari, akkademiċi, atletiċi, interpersonali, xogħol, eċċ. Ma tistax iġġib ruħek bl-istess mod f’kull sitwazzzjoni. Insiha li tistaqsi lill-imġarrab, għax l-ebda’ stejjer ma jkunu eżatt l-istess, u mhux kulħadd jiffaċċja d-dwejjaq, it-tensjoni, in-nervi, u l-ansjetà bl-istess mod.

Ikteb il-problema fuq karta. Madwarha, ikteb dawk li taħseb li huma s-soluzzjonijiet, li waħda minnhom tkun ‘xejn’. Meta tara xi ħaġa miktuba, x’aktarx li tifhimha iżjed milli meta toqgħod tberhen fuq l-istess ħsibijiet.

Kultant, nofs l-inkwiet li jkollok huwa żejjed – nuqqas ta’ fiduċja f’ħaddieħor u nuqqas ta’ kunfidenza fik innifsek, preġudizzju, suspetti, ħsibijiet dwar affarijiet li jistgħu ma jiġrux…

Kultant tajjeb li tħalli kollox għaddej – u kultant, tajjeb li tmur aktar fil-fond. Li hemm fid-deher mhux l-istampa kollha. Imma billi tgerger u tagħmel ix-xenati mhux se titjieb is-sitwazzjoni. Ħu passi biex tbiddel li qed jiġri – inkella ma jkollokx dritt tilmenta li ‘kollox baqa’ l-istess’.

Moħħok mhux qiegħed biex ilaħħaq ma’ kollox. Kultant, trid tieħu brejk; u dan irid ikun ‘il bogħod minn kull skrin li għandek. Trid tqis, tifhem, tapprezza, tirrispetta, u taċċetta lil ħaddieħor – imma tara l-bżonnijiet tiegħek innifsek, ukoll.

Ara x’inhu inevitabbli u innegabbli, u imxi minn hemm. L-affarijiet huma lil hinn mill-kontroll tiegħek, arahom fl-aħħar nett. Ħafna tibdil f’daqqa probabbli li ma jkunx sostenibbli, u jwasslek biex taqta’ qalbek.

Jista’ jkun li ma ssibx soluzzjoni għax dejjem tħammem fuq l-istess affarijiet. Ipprova żviluppa l-ħiliet soċjali tiegħek. Forsi ssib żvog li minnu nnifsu jikkalmak, u forsi tiltaqa’ ma’ xi persuna jew sitwazzjoni li ttaffilek l-inkwiet.

Forsi kellek esperjenzi bikrija ta’ ċaħda li jġiegħluk, b’mod awtoprotettiv, tiżola lilek innifsek minn oħrajn. Forsi kbirt f’dar fejn il-kbar ma kinux kapaċi jagħmlu dmirhom u int kont tieħu ħsieb lil ħutek iżgħar minnek, jew issa qiegħed fi stat fejn trid tagħmilha ta’ ġenitur ma’ ġenituri.

Ifred ħaġa minn oħra. Ħares lejn kull ma qed jiġri bħallikieku int terza persuna. X’kont tgħid kieku int tlabt parir?

Telfa ta’ tarbija – Tanja Cilia

Telfa ta’ tarbija – Tanja Cilia

Jgħidulek li meta ma tkunx taf x’ser taqbad tgħid, aħjar ma tgħid xejn milli tgħid xi ħaġa banali, jew mhux f’postha.

Qatt ma kien hemm parir siewi daqs dan, li jgħodd meta mara titlef tarbija, jew meta ma tkunx għadha twieldet, jew ftit wara.

Forsi tħoss li l-kelma “jiddispjaċini” hi sempliċi wisq, u tipprova żżejinha bi kliem ieħor.

Trid tagħraf li n-niket m’għandux limitu ta’ żmien, u li mhux kulħadd iħossu u jesprimih l-istess. Il-fatt hu li t-tarbija tagħhom mietet, u m’għandux x’jaqsam kemm kien hemm ġimgħat ta’ tqala, jew jekk twelditx, jew jekk hemmx ulied oħrajn fil-familja.

Irridu nidraw inliġġmu lsienna, u maa ngħaddux kummenti bħal “Il-Bambin hekk ried” – bħallikieku Alla hu xi tirann li l-ewwel iferrħek bi tqala, imbagħad iċaħħdek minn tarbija.

Min tilef tarbija, ma jimpurtaħx li xi ħaġa hekk tiġri ta’ spiss. Huma t-tarbija tagħhom riedu, mhux l-eluf l-oħrajn li jintilfu.

Ma tistax taqbad u toffri pariri, iżjed u iżjed jekk dawn ikunu tat-tip “issa erġa pprova tafx…” għax il-ġenituri lil dik it-tarbija li ntilfet iridu, mhux lis-sitta li jista’ jkollhom warajha “għax għadhom żgħar”.

Evita għal kollox il-kliem ‘oqgħod attenta’, u anqas għandek tagħti pariri dwar ikel, ħruġ u eżerċizzju, għax dan jista’ jiġi interpretat li l-mara ma mxietx sew waqt it-tqala, u tilfet it-tarbija “għax kienet traskurata”.

Jista’ jagħti l-każ li int jidhirlek li koppja ma tantx ħaduha bi kbira li tilfu t-tarbija. Din mhux affarik, anqas. Forsi għandhom ir-raġunijiet tagħhom għax mhux qed iġarrbu t-telfa kif jidhirlek li għandhom iġarrbuha, int.

Tistaqsix jekk it-tqala kinitx ippjanata, jew jekk ridux tifel jew tifla jew kinux lesti jerġgħu jibdew irabbu, jew jekk it-tarbija kinitx f’saħħitha.

Korriment joħloq xita ta’ emozzjonijiet, kemm jekk it-tabija tkun mixtieqa u ppjanata, kif ukoll jekk le.

M’għandekx għalfejn issemmi nisa oħra li korrew, u wara kellhom għadd ta’ tfal; hawn min wara korriment, ma jkunx jixtieq jerġa’ jipprova, jew saħansitra ma jkunx jista’ jkollu tfal iżjed.

Issemmix lit-tfal li jista’ jkollha din il-mara stess, wara t-telfa tat-tarbija; għax kif għedna, forsi ma tkunx trid terġa’ tipprova, jew ma tkunx tista’ toħroġ tqila. U wara kollox, hi lit-tarbija li tilfet tkun trid.

Is-soltu, mara tistenna tnax-il ġimgħa qabel ma tgħid li hi tqila; hawn min jitlef tarbija fi żmien bikri, u anqas biss ikun jaf. Imma hawn min tant ikun ferħan, li jitkellem qabel. Qatt u qatt m’għandek tgħid b’dan lil min tilef it-tarbija, u qatt m’għandek tistaqsi ta’ kemm il-ġimgħa kienet it-tqala, jekk ma jgħidulekx huma.

Min iġarrab korriment irid jistenna li ġismu jerġa’ jiġi f’loku. Mela taqbadx u tistieden lill-ħabiba biex, ngħidu aħna, tmorru tixtru jew tmorru l-gym flimkien “biex idderrilha”. Staqsi lilha xi trid tagħmel.

Bniedma li jkollha qalbha maqsuma, forsi ma tkunx trid tara nies. Imma billi ċċempel u tistaqsiha tridx dixx lażanja, ma jkun ġara xejn.

Enable Notifications OK No thanks