BIL-FILMAT: “Fis-2 ta’ filgħodu, iċċempilli anzjana biex ngħinha għax waqgħet” – Silvio Parnis

BIL-FILMAT: “Fis-2 ta’ filgħodu, iċċempilli anzjana biex ngħinha għax waqgħet” – Silvio Parnis

Silvio Parnis deskritt minn ħafna bħala bniedem ġentlom.

Fil-fatt dan jixhdu filmat li sibna f’wieħed mill-programmi ta’ Xarabank.

Silvio Parnis kien irrakkonta kif waqt li kien rieqed, iċċempillu anzjan għall-għajnuna. Din l-anzjana kienet waqgħet u malli sema’ l-karba tagħha qabad u biddel u mar biex jgħinha.

Din l-anzjana, li kien fiha mhux ħażin, tkaxkrek biex newlitlu ċ-ċavetta mil-letterbox. Silvio Parnis fetaħ u ġabarha minn mal-art. L-isbaħ biċċa kienet li fil-waqt li rringrazzjatu, qaltlu ċempilt lilek għax mhux sew inċempel lit-tifel għax għada jrid iqum kmieni għax-xogħol.

Filmat: WE Media

“Fiżikament m’intix hawn imma l-ispirtu tiegħek qed jgħix f’kull wieħed minna li ħallejt warajk”

“Fiżikament m’intix hawn imma l-ispirtu tiegħek qed jgħix f’kull wieħed minna li ħallejt warajk”

Bħal-lum sena, eluf ta’ nies tbikkmu hekk kif tħabbret il-mewt tal-Konsulent tant maħbub, Victor Calvagna, fl-età ta’ 63 sena.

Dr. Victor Calvagna kien ħafna aktar minn tabib għall-pazjenti tiegħu u l-familji tagħhom, għaliex fih kienu jsibu wkoll pilastru li jagħtihom sapport morali, li fi żmien diffiċli wieħed tant ikollu bżonn.

Fost diversi rwoli oħra, Dr. Victor Calvagna kien ukoll missier. F’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu, permezz ta’ kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, bintu Francesca qasmet ftit mill-uġigħ li ġabet magħha t-telfa ta’ missierha kif ukoll dwar ir-realtà tagħha u tal-familja kollha, illum, sena wara.

Għaddiet sena. Bħal-lum sena kont tlift kull tama li nerġa’ nkellmek, li nerġa’ narak. Bħal-lum sena qalulna li l-pressjoni tiegħek qiegħda m’ogħla s-smewwiet u ma tantx baqalek magħna. Bħal-lum sena stennejna barra fil-waiting room sakemm l-infermiera daru miegħek u ppreparawk għall-aħħar tislijiet mingħandna. Bħal-lum sena rajthom ineħħuk minn fuq il-magni u mill-fond ta’ qalbi ħassejt għajta kbira trid toħroġ u twerżaq ma’ kulħadd, “le, le! Ġibuh lura! Qtajtu qalbkom?? Le! Tridu ġġibuh lura! ISSA!” …imma kont naf li dik l-għajta kienet ġejja minn uġigħ indeskrivibbli u bla raġuni għaliex kont naf li int kont diġà tlaqtna. Bħal-lum sena rajt dlam biss, ħassejt rabja biss, u ma flaħtx nisma’ iktar fuq dak kollu li kien ġara. Ridtha tkun ħolma kerha li kont ħa nqum minnha. Imma ma qomtx.
Francesca Calvagna, bint Dr. Victor Calvagna

Iżda sena wara, għal Francesca u dawk kollha li Dr. Victor Calvagna huwa għażiż għalihom, il-ħolma kerha għadha realtà.

Kien hemm żmien fejn lil Alla kont tlabtu li tieqaf id dinja. U meta ma semax talbi, iġġelidt miegħu. “Kif? Kif ħadtli lil missieri u l-ħajja għadha għaddejja? X’jiġifieri?! Ħa tħallina ngħixu ġo dinja fejn missieri ma jeżistix! Missieri kien parti kbira minn ħajti! Daqshekk jimpurtak?…però malajr weġibni u smajt dan il-kliem..”Jekk inwaqqaf id-dinja inti tibqa’ fid-dlam ta’ dak kollu li qed tħoss bħalissa u m’intix ħa tħalli l-ebda dawl ġdid jerġa’ jidħol ġo ħajtek. U għalhekk id-dinja ma tiqafx, imma trid tibqa’ għaddejja biex int terġa’ tara u tħoss id-dawl. Għax il-ħajja ma tiqafx hawn u t-tajjeb ma għebx għal kollox.”
Francesca Calvagna, bint Dr. Victor Calvagna

Francesca tistqarr li sena ilu rat dlam biss iżda llum, sena wara, id-dawl tarah u tħossu kuljum. Iżżid tgħid li tħoss paċi kbir f’qalbha għax taf li missierha ħalla legat ta’ bniedem tajjeb warajh, u ħalla eżempju għalihom biex jimxu fuqu tul ħajjithom.

Aħna llum ngħixu b’mod li inti tħares hawn fuqna minn fejn int u titbissem u tgħid “dawk niesi.” Tghallimna l-umiltà, il-paċi f’Alla u tgħallimna li meta l-ħajja ttik mill-agħar iddawwar wiċċek lejn il-Missier u afda fih biex joħorġok mill-għawġ. Serraħ rasek li joħorġok għax xejn ma jista’ jifridna minnu, però l-ewwel jgħallmek. Jgħallimna għax il-ħażin mhux ġej minn Alla, imma Alla juża kollox biex jgħinna nikbru bħala bnedmin.
Francesca Calvagna, bint Dr. Victor Calvagna

“Sena wara ngħixu għalik pa. Sena wara ngħixu bl-eżempju tiegħek magħna, dejjem tiggwidana. Kull ġurnata tgħodd għax kull ġurnata hi grazzja. Dak kien il-motto li ggwidalek ħajtek,” kompliet tgħid Francesca.

Is-snin ħa jgħaddu, imma int dejjem ġo qalbna ħa tibqa’. L-eżempju tiegħek ħa jibqa’ jirrendi u nispera li dejjem nagħmluk kburi. Fiżikament m’intix hawn imma l-ispirtu tiegħek issa qed jgħix f’kull wieħed minna li ħallejt warajk. Inħobbok pa. Strieħ fis-sliem ħdejn il-Missier tagħna kollha. Ma ninsik qatt u grazzi ta’ kollox.
Francesca Calvagna, bint Dr. Victor Calvagna

F’isem it-tim ta’ Skoperta, insellmu l-memorja ta’ Dr. Victor Calvagna.

Marie-Louise Coleiro Preca saret taf li se ssir president ta’ Malta mill-aħbarijiet

Marie-Louise Coleiro Preca saret taf li se ssir president ta’ Malta mill-aħbarijiet

Marie-Louise Coleiro Preca saret taf li se ssir president ta’ Malta mill-aħbarijiet ta’ TVM

F’podcast ma’ Jon Mallia, il-President Emeritu żvelat li saret taf li se ssir kap ta’ stat, hi u tgħaddi l-ħwejjeġ id-dar.

Sa dak il-waqt hi kienet għadha ma aċċettatx in-nominazzjoni.

Tispjega li kien perjodu meta internament kienet qed targumenta li ma tridx issir president.

Tirrakkonta kif f’Albanja, waqt btala mal-Gvern, iltaqgħet mal-Isqof Malti George Frendo u talbitu jekk tistax tagħmel ħin waħedha biex titlob quddiem il-kurċifiss.

“Kieku llum Karin Grech għandha 60 sena”

“Kieku llum Karin Grech għandha 60 sena”

Fl-1977 intilfet b’mod traġiku l-ħajja ta’ Karin Grech.

Kienet ittra bomba indirizzara lil missierha, li swiet il-ħajja ta’ Karin Grech.

Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew kitbet li Karin Grech kienet vittma innoċenti.

“Illum niftakru f’Karin Grech – vittma innoċenti fi fjur ħajjitha.

Ġrajjiet koroh bħal dawn juru kemm il-ġustizzja u t-tfittxija għall-verità qatt ma jistgħu jiġu posposti jew imtawwla.

Iż-żmien ma jfejjaqx u ma jnessix.”

“Nixtieq nara aktar għaqda ġenwina fost il-Maltin u l-Għawdxin” – Il-President George Vella

“Nixtieq nara aktar għaqda ġenwina fost il-Maltin u l-Għawdxin” – Il-President George Vella

Illum, Malta tiċċelebra t-48 anniversarju minn meta saret Repubblika.

Fir-raba’ diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, George Vella, fakkar il-jum meta pajjiżna laħaq l-ogħla livell ta’ sovranità li pajjiż jista’ jilħaq.

Għal pajjiż li sa għaxar snin qabel kien għadu kolonja tal-Imperu Ingliż, dan ma kienx żvilupp żgħir. Minkejja li kien f’din is-sena li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna kellna Kap ta’ Stat Malti, pajjiżna kien għadu ma laħaqx dik l-indipendenza ekonomika li setgħet tagħmlu verament ħieles. Din kienet ħolma li ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin kellhom matul is-snin.

Huwa qal li għat-tieni darba minn mindu Malta saret Repubblika, se jerġa’ jkollha post għal sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, minn Jannar li ġej.

Din mhix biss pożizzjoni prestiġjuża, iżda wkoll waħda li turi l-fiduċja li wrew tant pajjiżi minn madwar id-dinja meta vvutawlna biex nokkupaw din il-pożizzjoni. Din il-ħatra tgħabbina b’responsabilitajiet mhux żgħar. M’aħniex se mmexxu d-dinja, imma se nkunu wieħed mill-ħmistax-il pajjiż li fost responsabilitajiet oħra, jieħdu d-deċiżjonijiet għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fid-dinja.

Il-President Vella qal li għalkemm il-Ġnus Magħquda għandu bżonn riformi mhux żgħar fit-tħaddim tal-istrutturi tiegħu, xorta jibqa’ l-aktar forum importanti għall-ħidma kollettiva qalb il-ġnus.

Malta se tkun fil-Kunsill tas-Sigurtà fi żmien mhux faċli, u diġà ddikjarat x’se jkunu l-prijoritajiet tal-ħidma tagħna f’dawn is-sentejn. Jien konvint li bħalma konna kapaċi nirbħu l-appoġġ ta’ tant pajjiżi biex ingħatajna dan l-inkarigu, hekk ukoll konvint li se nagħmlu dak mistenni minna u nirbħu r-rispett ta’ kulħadd.

Il-President tkellem dwar kif il-pandemija biddlitilna ħajjitna, ġegħlitna nirrealizzaw realtajiet ġodda, u ħallitilna effetti negattivi fuq l-ekonomija tagħna u ta’ ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Żied jgħid li hekk kif il-qawwa tal-pandemija għaddiet, u konna qegħdin nittamaw li mmorru lura għall-ħajja normali ta’ qabel, faqqgħet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Gwerra proprju fil-qalba tal-kontinent Ewropew. Gwerra aktar minn tmenin sena wara l-aħħar gwerra dinjija li dejjem ħsibna li kellha tkun l-aħħar waħda fuq dan il-kontinent. Gwerra li għadha għaddejja bil-qawwa kollha tagħha, u li sa issa ma hemm ebda ħjiel kif se tiżvolġi.

Il-President tkellem ukoll dwar l-isfidi li pajjiżna qed jiffaċċja preżentament, fosthom il-faqar, is-saħħa mentali, il-ħarsien tal-ambjent, l-kostruzzjoni u t-traffiku.

Pajjiżna qegħdin narawh jitgħatta bil-mod il-mod taħt it-tarmak tat-toroq, taħt il-bini li jinfirex dejjem aktar, u taħt oqsma industrijali. Eżempju ċar li għandu jiftħilna għajnejna huwa l-mod kif qiegħed jitbiddel b’mod mgħaġġel Għawdex. L-ambjent mhuwiex riżors infinit. F’pajjiżna huwa limitat ħafna, u ladarba nitilfuh ma nistgħux inġibuh lura. Aħna lkoll inkunu t-telliefa. Ir-rebbieħ ikun biss min ikun ħaxxen butu jinnegozja riżorsa daqshekk prezzjuża. Hawnhekk ma nistax ma nsellimx il-memorja ta’ tant ħaddiema li sfortunatament jitilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol, u li l-maġġoranza tagħhom iseħħu fl-industrija tal-kostruzzjoni. Wieħed mill-aktar każijiet riċenti kien tal-ġuvni Jean Paul Sofia li tilef ħajtu ta’ biss għoxrin sena. Hemm bżonn żgur aktar sorveljanza, aktar infurzar, u aktar dixxiplina.

Il-President Vella appella biex l-awtoritajiet li jippjanaw l-iżvilupp, u l-awtoritajiet regolatorji, jeżerċitaw id-dixxiplina li tagħtihom il-liġi biex jevitaw l-abbużi, u jassiguraw il-protezzjoni sħiħa tal-ambjent li pajjiżna mogħni bih.

Irrefera għat-traffiku f’pajjiżna bħala problema li qed tikber kuljum. Żied jgħid li fost il-fatturi prinċipali hemm li hawn wisq vetturi għaċ-ċokon ta’ pajjiżna.

Irrid hawnhekk ngħid li qiegħed ikollna wisq imwiet kawża ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq tagħna. Li nsellmu l-memorja tal-vittmi wara li jkun sar l-inċident mhux biżżejjed. Irridu nanalizzaw x’inhu jiġri u nieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dawn ma jseħħux.

Spjega kif il-bniedem jgħix f’armonija mal-ambjent ta’ madwaru, u li ambjent iħalli impatt fuq is-saħħa mentali taċ-ċittadin.

Dan flimkien mal-ammont kbir ta’ fatturi oħra li fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum iħallu effett fuq is-saħħa mentali tagħna. Pajjiżna mhux eċċezzjoni u sfortunatament għandna biżżejjed xhieda biex dan il-qasam tas-saħħa nagħtuh l-attenzjoni li jixraqlu.

Huwa qal li r-rata allarmanti li biha żdiedu s-suwiċidji f’pajjiżna għandha tkun fiha nfisha twissija biex dan il-fenomenu jiġi studjat aktar, analizzat aħjar, mifhum, u jitwettqu b’aktar attenzjoni u insistenza l-pjanijiet li diġà jeżistu dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Żied jgħid li dan is-suġġett ta’ saħħa mentali għandna nibdew nitkellmu dwaru fil-qasam edukattiv sa mill-ewwel snin tal-formazzjoni tat-tfal tagħna.

Matul id-diskors tiegħu, tkellem ukoll dwar sfidi soċjali oħra fosthom il-bullying, il-fastidju sesswali speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol, u l-vjolenza domestika.

Il-President Vella għamel referenza għall-qtil ta’ Bernice Cassar. Filwaqt li qal li l-ebda kliem ta’ faraġ mhu se jreġġa lura l-vittma, qal li huwa d-dmir tagħna lkoll li naraw li dawk iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu biex mara oħra terġa’ tinqatel b’dan il-mod orribbli ma jirrepetux ruħhom.

B’referenza indiretta għall-kontroversja li għaddejja bħalissa fil-pajjiż dwar l-emenda fil-kodiċi kriminali dwar it-terminazzjoni tat-tqala, il-President qal li mhux prassi li jitkellem dwar abbozzi ta’ liġi li għadhom quddiem il-Parlament, madankollu, esprima t-tama tiegħu li bid-diskussjoniiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu.

Il-President George Vella kkonkluda d-diskors tiegħu billi qal li fost oħrajn jixtieq li jara aktar għaqda ġenwina fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Fuq kollox nixtieq nara pajjiż fejn kull Malti jkun kburi li huwa Malti… u pajjiż fejn tirrenja s-solidarjetà kuljum u dejjem.

60 sena ta’ xandir televiżiv fil-gżejjer Maltin

60 sena ta’ xandir televiżiv fil-gżejjer Maltin

Kien id-29 ta’ Settembru 1962, meta ngħata bidu għas-servizz tat-televiżjoni ġewwa Malta. Fil-fatt 60 sena ilu nħolqot il-Malta Television Services Ltd, magħrufa aħjar bħala l-MTV, li kienet sussidjarja tar-Rediffusion (Malta). Hija kienet tipproduċi u tittrasmetti programmi tat-televiżjoni u tar-radju.

Kien proprju f’dan iż-żmien meta wieħed mill-aqwa atturi komiċi u kittieba ta’ skripts Maltin, Charles Clews, ta kontribut fir-radju lokali Malti. Fil-fatt permezz ta’ ‘Radju Muskettieri’ żamm lil poplu Malti ferħan bil-kummiedji li huwa kien famuż għalihom.

Ritratt: Facebook – PBS Malta

Attur kommiku ieħor li ħadd ma jista’ jinsa għax kien eċċezzjonali f’xogħlu, kien Johnny Navarro. Kontu tafu li huwa deher f’waħda mill-ewwel kummiedji fuq l-MTV bl-isem “Popping The Pops”, flimkien ma’ Victor Aquilina?

Fl-1975, is-servizz tat-televiżjoni ġie nazzjonalizzat, u minn hemm beda jissejjaħ ix-Xandir Malta. Kien f’dan iż-żmien meta Malta kellha l-ewwel qarrejja tal-aħbarijiet mara. Din kienet ħadd ħlief Anna Bonanno, li hija magħrufa bħala waħda mill-aktar xandara li damet taqra l-aħbarijiet.

Ma rridux ninsew ukoll il-bidla li saret fl-1981, meta ġiet imnedija t-trasmisjoni bil-kulur. Kien proprju fit-tmeninijiet meta waħda mill-atturi u preżentaturi bravi dehret fuq it-televiżjoni Malti bi programmi għat-tfal. Din kienet Eileen Montesin li preżentat ‘Kikku u Sika’. Min jiftakru?

Ritratt: Facebook – PBS Malta

Fl-1991, ix-xandir nazzjonali għadda minn ristrutturar, u b’hekk twaqqfet il-Public Broadcasting Services Ltd biex tieħu f’idejha l-operat ta’ Xandir Malta. 21 sena wara, fl-2012 ġiet inawguarata l-PBS Creativity Hub, f’għeluq il-50 anniversarju mill-ewwel xandira tal-MTV.

60 sena ta’ storja għat-televiżjoni Maltija! Grazzi kbira lil kull minn kien involut u ħadem biex żamm kumpanija lill-poplu Maltin u Għawdxi, matul dawn is-snin. Nawguraw, li fis-sittin sena li ġejjin jitkompla dan il-progress ferm tajjeb ħalli l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jieħu gost bil-programmi li aħna l-Maltin nafu nipproduċu.

Enable Notifications OK No thanks