Select Page
Jake u Silenia: Il-ħajja ta’ atturi ta’ 10 snin u r-rwol tal-ġenituri tagħhom

Jake u Silenia: Il-ħajja ta’ atturi ta’ 10 snin u r-rwol tal-ġenituri tagħhom

Nitkellmu mal-atturi Silenia Mifsud u Jake Testa, żewġ atturi li għalkemm ta’ età żgħira, diġà qed jiksbu s-suċċess tagħhom!

Silenia u Jake, naf li t-tnejn li intom studenti tal-iskola tad-drama Mixta, għidulna ftit dwarkom…

Silenia: Jisimni Silenia, għandi 10 snin, inħobb ħafna l-annimali, inħobb nsajjar u nħobb ħafna d-drama.

Jake: Jien Jake Testa, għandi 10 snin u noqgħod il-Marsa. Fadalli l-aħħar sena fl-iskola primarja. L-aktar affarijiet li nħobb, ovvjament id-drama u meta jkolli ċans naqra xi ktieb jew nikteb xi storja. Inħobb il-baħar, insuq ir-rota u xi piknik mal-kuġini, zijiet u nanniet.

Ta’ kemm età bdejtu tirreċtaw? U kif iddeċidejtu li tibdew?

Silenia: Bdejt nirreċta meta kelli 5 snin. Meta kont żgħira kont nara bosta teledrammi Maltin. Kont nistaqsi lill-ġenituri għalfejn ma nistgħux inkunu fuq it-televixin aħna wkoll, huma kienu jispjegaw u jien kont ninteressa ruħi.

Jake: Bdejt nirreċta meta kelli 5 snin. Fil-verità kienet l-idea t’ommi għax meta kienet żgħira kienet tmur man-nanna tagħha l-Istitut Kattoliku tara l-plays. Allura d-drama baqgħet tħobbha.

X’jogħġobkom l-aktar dwar ir-reċtar?

Silenia: L-aktar ħaġa li togħġobni fid-drama hija l-kunfidenza li jista’ jkollok mingħajr mistħija u li tibda toħroġ mill-qoxra tiegħek.

Jake: L-aktar ħaġa li nħobb meta nkun fuq il-palk hi, li nara l-udjenza tipparteċipa. Li n-nies jemozzjonaw ruħhom jew jidħku u jkomplu magħna, għax dak ikun ifisser li nkunu qed nagħtuhom pjaċir. Minn banda l-oħra meta nara lili nnifsi fuq it-televiżjoni, inkun nista’ nara jekk għamiltx xi żball u nitgħallem minnu.

F’liema produzzjonijiet ħadtu sehem s’issa?

Silenia: S’issa fuq prodizzjonijiet televiżivi ħadt sehem f’Valentinu fil-ħanut ta’ Ġaħan, Ħbieb u Għedewwa, Sorelle, Illaħwa, Dr. Protomiks u Ħolm tal-Milied. Fuq palk s’issa ħadt sehem f’Cindirella, Iz-Zija Lavinja, Uniċi, Ġaħan u l-Pjanta li tiekol in-nies, il-Barunessa u The Pageant of the Seas, li għalkemm kienet produzzjoni teatrali ntweriet ukoll fuq it-televiżjoni.

Jake: Bħala produzzjonijiet teatrali kelli parti żgħira f’żewġ produzzjonijiet ta’ Clayton Pace li huma “Ġaħan u l-Pjanta li Tiekol in-Nies” u “Iz-Zija Lavinja u l-Pakkett ta’ Polly”.

Din is-sena kelli l-opportunità li ninterpreta l-karattru ta’ Ġesù żgħir f“It-Triq tas-Salvazzjoni”, produzzjoni ta’ Redeemer Galea u Christopher Barbara. F’Ġunju ħadt sehem f’Pageant of the Seas 2022.

Fuq it-televizjoni u l-midja soċjali kelli aktar opportunitajiet ukoll bħal vidjow mużikali, vidjows edukattivi fuq stazzjon Malti, Ħbieb u Għedewwa, Caravaggio Heist li kien dokumentarju biex jintwera barra minn Malta, Ġrajjiet in-Nannu Ċens, Aenigma, Noli, Ħolm il-Milied, Chalet, Malta TV Awards, il-Willy, Dr.Protomiks, Għalih (Bound to Him) li intwera fl-14 ta’ Lulju ġewwa Spazju Kreattiv bi produzzjoni ta’ DOTS Media Malta.

mill-Ġimgħa t-22 ta’ Lulju bdew films qosra bi produzzjoni ta’ Clayton Pace bl-isem ta’ “Il-Logħba Li Jmiss” u kelli parti li dehret fl-ewwel episodju. Bħalissa qed naħdem ukoll fuq serje ġdida li se tieħu pjaċir biha l-familja kolla, produzzjoni ta’ Desier Debono. Se tibda dalwaqt fuq it-televiżjoni lokali imma għalissa ma nista’ ngħid xejn aktar!

Ritratt: Valletta Cultural Agency

Liema mid-drabi li ħadtu sehem s’issa hija l-aktar għal qalbkom? U għaliex?

Silenia: L-aktar waħda għal qalbi hija The pageant of the Seas, għaliex ġimgħa wara ġimgħa indunajt li kont sibt it-tieni familja tiegħi. Kienet esperjenza sabiħa ħafna.

Jake: Nahseb li tal-aħħar dejjem tibqa’ f’qalbi,u din kienet tal-Pageant of the Seas 2022, il-prestazzjoni teatrali It-Taqtigħa, li fakkret it-80 anniversarju mill-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija. In-nies li kien hemm jarawna u jkomplu magħna tawni wisq pjaċir.

Hemm xi atturi li tammiraw u li tixtiequ taħdmu magħhom?

Silenia: Atturi li nammira u nixtieq naħdem magħom huma Maruska Aquilina, Daniel Azzopardi, Pauline Fenech, Mario Cassar, Kurt Castillo, Rachel Micallef, Ray Abdilla u Roanna Muscat.

Jake: Wieħed mill-atturi li nammira huwa Redeemer Galea, li bħalissa huwa wkoll l-għalliem tiegħi fl-iskola tad-drama. Kelli l-opportunità li naħdem miegħu fi produzzjoni tiegħu stess It-Triq tas-Salvazzjoni li ttellgħet din is-sena u f’wieħed mill-films qosra ta’ Clayton Pace li għadu se jintwera.

Kif jirnexxilkom tlaħqu mal-impenji tad-drama u tal-iskola?

Silenia: Biex tlaħħaq mal-iskola u d-drama mhux xi ħaga faċli, trid tkun paċenzjuża ħafna speċjalment minħabba l-ħinijiet, iżda jien dejjem nigħd opportunità darba tiġi, jista’ jkun li l-opportunitajiet tal-futur ma jkunux bħal din!

Jake: Mhux wahdi żgur!! Ommi tissapportjani ħafna, tqassamli l-affarijiet tal-iskola u d-drama. Tgħinni nistudja u twassalni u toqgħod miegħi kull fejn ikolli bżonn. Fil-fatt ngħidilha s-segretarja tiegħi.

X’inhi l-akbar ħolma tagħkom?

Silenia: L-akbar ħolma tieghi hi li nkun parti minn xi serje li jkun se jinħadem barra minn Malta.

Jake: Nixtieq ħafna li nibqa’ miexi fuq il-linja tad-drama. Nixtieq li jkolli karriera t’attur. Imma jien inħobb nimxi ġurnata b’ġurnata u nipprova naċċetta kull opportunità u nidħol għal kull sfida li jkolli.

X’messaġġ tgħaddu lit-tfal li jixtiequ jibdew jirreċtaw?

Silenia: Jien ngħidilhom li jekk huma interessati fid-drama imma jistħu ħafna m’għandhomx għalfejn jaqtgħu qalbhom għax id-drama qiegħda hemm sabiex tgħinek tneħħi l-mistħija kollha u titgħallem tkun kunfidenti!

Jake: Fil-ħajja ħadd m’għandu jaqta’ qalbu. Żbalji kulħadd jieħu u wara kollox kif ngħidu, bl-iżbalji nitgħallmu. Għamlu dejjem dak li tixtieq qalbkom għax la darba tibda ma tibqax triq diffiċli.

Għamilna kuntatt ukoll mal-ommijiet ta’ Jake u Silenia u tkellimna magħhom dwar x’differenza għamlet id-drama f’uliedhom u l-importanza tas-sapport tagħhom f’kull ma jagħmlu.

Tħossu li r-reċtar għamel differenza f’Silenia u Jake?

Cassandra (il-mamà ta’ Silenia): Iva ħafna wkoll, Silenia fil-bidu vera kienet mistħija. Ftit kienet tkellem nies li ma tantx tkun taf, anke l-familjari! Iżda minn meta bdiet id-drama saret titkellem aktar b’mod kunfidenti mingħajr ebda mistħija.

Carol (Il-mamà ta’ Jake): Id-differenza li rajt aktar kienet fid-drama milli fil-karattru per se. Anke fl-istejjer li jikteb, qisu sar ikollu aktar fantasija. Għaliex hu qatt ma kien persuna mistħija. Apparti minn hekk, ġieli jkun hemm ċirkostanzi fejn nikkoreġuh fuq xi ħaġa u r-reazzjoni tiegħu tkun daqs li kieku qed jirreċta. Iżda fid-drama dejjem jimpressjonana, speċjalment meta jkun filming waħdu u ma nkunx naf kif mar qabel ma narah fuq it-televiżjoni.

Silenia mal-familja tagħha

Kif jippreparaw ruħhom għal kull produzzjoni li jkunu fiha?

Cassandra (Il-mamà ta’ Silenia): Meta jkollha xi xena fuq it-televiżjoni tistudja l-linji. Tieħu l-affarijiet b’serjetà kbira. Meta jkollha rehearsals tħossha xi ħaġa normali għaliha imma ovvjament fil-ġurnata tal-performance tħossha eċitata ħafna.

Carol (Il-mamà ta’ Jake): L-ewwel ngħaddu l-iskript flimkien u nippruvaw nifhmu l-istorja u l-karattru li jkollu. Imbagħad ngħidu l-linji flimkien u wara jibda jistudjhom Jake. Kif ikollu idea tal-istorja u jgħidli li jaf il-linji, nerġa’ ngħinu billi ngħidlu l-linji tal-karattri l-oħra u Jake jagħmel il-karattru tiegħu quddiem il-mera biex ikun ċert x’qed jagħmel minħabba l-emozzjonijiet u l-espressjonijiet li jkun irid juri fil-karattru li jkollu.

Kemm hu importanti li l-ġenituri jissapportjaw lill-uliedhom f’dak li jkunu jixtiequ jagħmlu minn età żgħira?

Cassandra (Il-mamà ta’ Silenia): Huwa importanti ħafna li tissapportjaw lit-tfal tagħkom minn età żgħira, għaliex jekk ma tkomplux tħeġġu lit-tfal jagħmlu dak li jħobbu, ikunu aktar fiċ-ċans li jagħmlu deċiżjoni ħażina jew jagħmlu affarijiet li jkunu ta’ ħsara għalihom.

Carol (Il-mamà ta’ Jake): Importanti ħafna, għax it-tfal jispiċċaw jgħallmuna huma. Il-ħin li t-tfal ikunu qed jagħmlu dak li verament iħobbu, kemm jekk sport, drama, krafts, arti, mużika, eċċ, it-tfal ikunu qed iserħu moħħhom mill-affarijiet ta’ kuljum. Nemmen li għandu jkollhom il-ħin taghhom u xejn xejn inżommuhom ‘il bogħod minn dal-ħafna logħob elettroniċi u midja soċjali.

Jake mal-familja tiegħu

X’inhu l-messaġġ tagħkom għal dawk il-ġenituri li forsi jinkwetaw li l-impenji tar-reċtar se jtellfu lit-tfal mill-impenji tal-iskola?

Cassandra (Il-mamà ta’ Silenia): Jien nemmen li jekk tqassam il-ġurnata kif suppost, ħin għal kollox ikun hemm. Kemm għall-iskola, kemm għad-drama u kemm għal-logħob.

Carol (Il-mamà ta’ Jake): Mhux faċli għax trid id-dedikazzjoni, ħin u paċenzja. Iżda meta nippjana u nqassam l-affarijiet ġimgħa b’ġimgħa jirnexxilna. Waqt li jkun għaddej bl-iskola, jaqra ftit kuljum u fil-weekend jagħmel ftit reviżjoni ta’ dak li jkun għamel matul il-ġimgħa u b’hekk meta jaslu l-eżamijiet ma jkollux stress fl-aħħar tax-xahar. Filwaqt li meta jkollu l-vaganzi jibqa’ għaddej bil-qari u kultant anke jikteb xi storja biex ma jaqtax lura mill-istudju.

“Jinkwetani l-fatt li qisna m’aħniex kapaċi niddiskutu b’rispett ma’ min ma naqblux miegħu” – Fr. Brendan Gatt

“Jinkwetani l-fatt li qisna m’aħniex kapaċi niddiskutu b’rispett ma’ min ma naqblux miegħu” – Fr. Brendan Gatt

Wara li l-ġimgħa li għaddiet sirna nafu iktar mill-qrib lil Fr. Brendan Gatt, illum ħa nitkellmu miegħu dwar kwistjonijiet ftit jew wisq kontroversjali u niskopru l-perspettiva tiegħu dwarhom…

Fr. Brendan…

B’tant reliġjonijiet madwar id-dinja u b’tant denominazzjonijiet tat-twemmin Kristjan, kif tista’ tkun ċert li t-twemmin tiegħek hu l-iktar twemmin korrett?

Ħa ndawwarha f’mistoqsija oħra: minn tant tfajliet jew ġuvintur fid-dinja, kif tista’ tiddeċiedi jekk l-għarus jew l-għarusa tiegħek huwiex jew hijiex dak/dik li għandek tqatta’ ħajtek miegħu/magħha? Qed inpoġġiha b’dan il-mod għax ħafna nies jaħsbu li r-reliġjon hija xi tagħlim li trid temmen, jew inkella sett ta’ ritwali li trid tagħmel. Sa ċertu punt veru: kull reliġjon fiha tagħlim u ritwali.

Imma hija ĦAFNA iktar minn hekk ukoll: hija rabta, relazzjoni, ma’ Alla. Minn hemm irid jibda kollox. Għax jekk ikolli t-twemmin biss nispiċċa b’ideoloġija. U jekk ikolli ritwali biss nispiċċa folklor jew reliġjożità bla sens. Imma jekk ikolli relazzjoni ħajja ma’ Alla, imbagħad infittex li ngħix skont il-Kelma tiegħu, fil-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu fih. Bħalma jiġri jekk tinnamra ma’ xi ħadd: tibda’ tifhem u tħobb il-gosti tagħhom; il-ħbieb u l-familja tagħhom donnhom isiru tiegħek ukoll.

Għalhekk nemmen fil-Knisja Kattolika; għax nemmen mija fil-mija f’Ġesù Kristu. Għalkemm jien bniedem li nħobb nistħarreġ u nitgħallem dwar reliġjonijiet u kulturi differenti, u ċertament nara aspetti sbieħ fihom ukoll, ebda profeta jew mexxej reliġjuż ieħor qatt ma qanqalli l-istess konvinzjoni u mħabba li jqanqal fija Ġesù. Jekk taqra l-Vanġeli (u tant kitbiet oħra tal-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu) issib fih figura għalkollox koerenti: li għex kompletament dak li għallem, u li ħabb sa ma bata l-eqqel ħruxija. Ma kien hemm ebda qerq fih; ma fittix li jintogħġob mas-setgħana. Ma ddejjaqx isejjaħ lin-nies għall-qdusija u l-perfezzjoni, imma fl-istess ħin kellu qalb kollha ħniena għad-dgħajfa u l-imwarrbin.

U għax nemmen fih, nemmen dak li qal: li hu l-Iben t’Alla li ġie fostna biex jifdina; u li għamel dan permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U naf li waqqaf il-Knisja: ġemgħa ta’ dixxipli li għandhom il-missjoni li jxandru kliemu sa truf l-art: bix-xandir tal-kelma, bl-eżempju ta’ ħajjithom, u bis-sagramenti li huma l-għajnuna li jagħtina Alla nnifsu biex nikbru fil-qdusija.

Għalkemm nifhem li hemm affarijiet sbieħ f’komunitajiet Insara u anki f’reliġjonijiet oħra, l-ebda waħda ma tikkonvinċini daqs dik Kattolika. Mhux għax hija l-iktar faċli jew konvenjenti; pjuttost bil-maqlub. Imma għax nemmen li hija vera.

Kull tant żmien nisimgħu b’xi saċerdot li jmur lil hinn minn dak li mdorrijin nisimgħu u naraw minn saċerdot. Xhur ilu, deher filmat fejn saċerdot ammetta li jagħmel ċerti affarijiet li forsi mhux li wieħed jistenna minn saċerdot. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Aħbarijet bħal dawn isewduli qalbi; mhux għax nippretendi li s-saċerdot huwa xi bniedem perfett li ma jiżbalja qatt. Aħna lkoll bnedmin, wara kollox. Iżda ċerti realtajiet ta’ dnub u debbolizza mhumiex ta’ min wieħed ixandarhom fil-beraħ, avolja forsi jkollu intenzjoni tajba: pereżempju biex juri kemm hu uman, jew biex jemfasizza l-ħniena t’Alla.

Iżda l-effett, kif rajna, kien proprju l-kuntlarju: inħoloq sens qawwi ta’ skandlu u stmerrija. Għax għalkemm nafu li s-saċerdoti u r-reliġjużi huma bnedmin, u għaldaqstant dgħajfin u fraġli wkoll, imma għallinqas nistennew li biex jiggwidawna u jgħallmuna jkunu qed jipprovaw jimxu fit-triq tal-perfezzjoni. U dan ifisser li jistinkaw biex jaħarbu kull kwalità ta’ dnub.

Ikun hemm drabi fejn il-ħsibijiet u l-opinjoni tiegħek dwar ċerti kwistjonijiet ikunu differenti mill-pożizzjoni li tieħu l-Knisja? Jekk u meta dan ikun il-każ, kif tirreaġixxi?

Ejja ngħidu li kultant ikun hemm mumenti fejn ikolli nagħmel sforz naqra ikbar mis-soltu biex nifhem il-pożizzjoni li jkunu ħadu r-rgħajja tal-Knisja dwar xi kwistjoni partikolari… ma jfissirx li bilfors ma naqbilx, imma pjuttost li forsi nħoss li setgħet ġiet espressa b’mod differenti, li iktar jinftiehem min-nies komuni. Imma meta niġi f’kunflitti (normalment żgħar, u rari) bħal dawn, infakkar lili nnifsi li jien m’iniex “freelancer” (jiġifieri naħdem għal rasi), imma jiena membru tal-Knisja u ħaddiem fi ħdanha għall-ġid tal-poplu t’Alla. Għaldaqstant nipprova nifhem dak it-tagħlim, u nħallih joffrili sfida biex inħares lejn ċerti kwistjonijiet b’għajnejn ġodda. U meta nissielet biex nifhem u nħaddan dak it-tagħlim jiena stess, imbagħad forsi nkun nista’ ngħaddih lil ħaddieħor b’mod iktar konvinċenti u b’imħabba.

Din il-ħaġa taħdem ukoll b’mod pożittiv. Ħa ntik eżempju: inħoss li l-Papa Franġisku spiss matul il-pontifikat tiegħu offrieli sfida (f’sens pożittiv). Per eżempju l-importanza li jagħti lil dawk fil-periferiji, jiġifieri dawk li huma mbegħdin miċ-ċentru tal-Knisja u tas-soċjetà, jew inkella l-emfasi li jagħti lill-ħarsien tal-ħolqien (l-ambjent naturali)… dawn kollha jitolbu minni konverżjoni mill-mod kif jiġini l-iktar naturali u komdu li nħares lejn dawn ir-realtajiet jien.

Il-każijiet ta’ abbuż sesswali fi ħdan il-Knisja huma waħda mill-problemi li l-Knisja ilha tiffaċċja għal snin twal. X’taħseb li kienet ir-raġuni prinċipali li għal żmien twil il-Knisja kienet tagħżel li mhux biss ma toffrix għajnuna lill-vittmi iżda taħbi u tipproteġi lill-agressur?

Qed tpoġġi subgħajk fuq pjaga serja fil-ħajja tal-Knisja, sitwazzjoni ta’ tbatija terribbli għall-vittmi u għall-familjari tagħhom u ta’ skandlu atroċi għall-poplu t’Alla u għas-soċjetà. Dawn l-iskandli kkawżaw ħsara li qas nistgħu nifhmuha jew ngħodduha; kissru l-fiduċja fil-Knisja għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies f’ċerti pajjiżi. Agħar minn hekk, begħdu miljuni ta’ nies saħansitra minn Alla! Fuq kollox irridu nerġgħu nsemmu l-vittmi li ħassewhom traduti minn dik l-istess istituzzjoni li suppost ħarset l-innoċenza tagħhom; ħafna minnhom spiċċaw bi problemi psikoloġiċi u/jew mentali, u wħud minnhom tkissrulhom żwiġijiet jew relazzjonijiet intimi oħra. Ħafna fosthom spiċċaw ukoll vittmi ta’ alkoħol, drogi u f’xi każi anki suwiċidju. L-aggressuri li ġabuhom f’dak l-istat iridu jagħtu kont serju quddiem Alla tal-ħsara li wettqu.

Naħseb li waħda mir-raġunijiet għalfejn diversi rgħajja tal-Knisja għażlu li jipprovaw jaħbu dawn l-iskandli u jipproteġu lill-aggressur flok lill-vittmi kienu frott tentattiv żbaljat biex mingħalihom ma ssirx ħsara lill-fama tal-Knisja. Taw iktar importanza lir-reputazzjoni tal-Knisja bħala istituzzjoni milli lill-benesseri tal-membri tagħha (u tas-soċjetà iktar wiesgħa). Biex iżommu l-faċċata tidher sabiħa, injoraw it-tinwir li kien hemm warajha. Preferew id-dehra ta’ barra mill-verità u l-ġustizzja, u b’hekk eventwalment ikkawżaw ħsara ferm ikbar. Għax din l-istess kultura ta’ omertà (ħabi u silenzju) fl-aħħar infaqgħet qisha bużżieqa u għamlet ħoss u ħsara ferm agħar milli kieku s-sitwazzjonijiet ġew trattati waħda waħda meta nqalgħu; u l-vittmi kienu ferm aktar numerużi. Meta l-problema tipprova tiknisha taħt it-tapit, fl-aħħar mill-aħħar terġa’ titfaċċa: u ma titfaċċax weħedha, imma tiġi bl-imgħax!

Int personali, xi tħoss meta tisma’ b’każijiet bħal dawn? Taħseb li sar progress mill-Knisja f’dan ir-rigward? Fadal xi jsir?

Nemmen li sar ħafna f’dan ir-rigward, iva. Nemmen li nbidlet ħafna il-kultura, hekk li llum il-ġurnata kważi morna l-estrem l-ieħor. Sfortunatament dawn l-iskandli tellfuna ċerta innoċenza bħala Knisja. Niftakar li għaxar snin ilu meta kont rettur f’żona pastorali fi ħdan il-parroċċa tal-Mosta, wieħed abbati talabni naqsamlu t-triq wara l-quddiesa ta’ filgħaxija (għax ommu qaltlu ma jaqsamx waħdu). Mort miegħu biex jaqsam u bl-iktar mod naturali u innoċenti qabadli idi biex naqsmu t-triq flimkien. Dak il-ħin għaddieli ħsieb: “X’se jaħsbu n-nies jekk jarawna?”. Sempliċi ġest innoċenti donnu ttebba’ minħabba l-ħtija ta’ ħaddieħor. Ħasra; imma jekk din il-bidla fl-atteġġjament tgħin biex jiġu evitati iktar vittmi, m’hemmx x’tagħmel: tkun sagrifiċċju neċessarju.

Ovvjament dejjem fadal xi jsir. Minkejja ħidma eċċezzjonali fil-Knisja f’pajjiżna (u anki madwar id-dinja) favur kultura soda ta’ Safeguarding, u strutturi li twaqqfu proprju biex jedukaw u jħarsu liċ-ċkejknin u l-vulnerabbli, dejjem irridu nibqgħu attenti għax il-bniedem jibqa’ bniedem u allura dgħajjef u fraġli.

Hemm estrem ieħor li l-Knisja trid toqgħod attenta minnu; dak li mill-ewwel naqbżu għall-konklużjoni li kull akkużat huwa awtomatikament ħati. Dan ukoll huwa perikoluż għax kultant saru akkużi foloz biex iħammġu persuni innoċenti. Għalhekk importanti li l-Knisja jkollha strutturi tajba biex jinvestigaw dawn l-akkużi (u nemmen li dawn l-istrutturi fil-fatt jeżistu), u li dejjem tkompli taħdem id f’id mal-awtoritajiet ċivili wkoll (pulizija u qrati).

L-aħħar stqarrija li ħarġet mill-Vatikan dwar persuni omosesswali ddiżappuntat lil dawk li kienu qed jittamaw li l-Knisja tagħmel avvanz fil-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan?

Jiddependi x’nifhmu b’avvanz fil-pożizzjoni tal-Knisja. Naqbel miegħek li kien hemm bosta persuni li ġenwinament weġġgħu minħabba dak id-dokument, kemm persuni LGBT+ u kif ukoll familjari u ħbieb tagħhom. Naqbel ukoll li l-wording ta’ dak id-dokument seta’ sar b’mod iktar sensittiv, sabiex ma jiġix qisu attakk fuq dawn ħutna u fuq l-identità l-iktar profonda tagħhom.

Iżda rridu nżommu wkoll f’moħħna li dak id-dokument kien bi tweġiba għal mistoqsija li saret, dwar jekk relazzjonijiet omosesswali jistgħux jitbierku. It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ huwa magħruf, u għaldaqstant ir-risposta dwar barkiet ta’ relazzjonijiet trid tinftiehem f’dak ir-rigward. Il-concern tar-rgħajja tal-Knisja f’dan il-każ partikolari kienet jekk barka ta’ din ix-xorta toħloqx konfużjoni dwar in-natura awtentika taż-żwieġ bħala rabta dejjiema bejn raġel u mara li mill-għaqda tagħhom tista’ titnissel il-ħajja.

Nemmen li apparti dawk li kitbu d-dokument – li ċertament setgħu kienu iktar sensittivi fil-mod kif poġġew id-diskors, għandhom responsabbiltà kbira wkoll dawk (inklużi isqfijiet f’ċerti pajjiżi bħall-Ġermanja) li lill-komunità LGBT+ tawha l-impressjoni li kien se jkun hemm xi tibdil imminenti fit-tagħlim tal-Knisja, meta kienu jafu li m’hemm xejn minn dan. U ovvjament meta ħareġ dak id-dokument bi kjarifika, inħolqu bosta weġgħat li setgħu ġew evitati.

Il-Papa Franġisku jurina l-mod l-iktar san u sabiħ ta’ kif inħobbu u nintegraw lil komunitajiet diversi fi ħdan il-Knisja, u niddefendu d-dinjità tagħhom, iżda mingħajr ma tinħoloq konfużjoni dwar it-tagħlim l-iktar fundamentali dwar il-bniedem u s-sejħa tiegħu għall-qdusija.

Jinkwetak il-fatt li ħafna nies qed jitbegħdu mill-Knisja? X’taħseb li huma r-raġunijiet għal dan?

Meta tkun tgħix f’soċjetà pluralista li tinkludi kulturi, ideat u reliġjonijiet differenti f’pajjiż wieħed, u b’influwenza enormi mill-midja u l-kultura ta’ pajjiżi ferm ikbar minna bħall-Istati Uniti tal-Amerka, bilfors naraw bidla. Jekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu il-ħajja tar-raħal Malti u Għawdxi kienet fil-biċċa l-kbira tagħha ddur mal-ħajja tal-Knisja (festi, oratorji, teatrini, quddies eċċetra) illum ir-realtà hija kompletament differenti. Hemm bosta għejjun minn fejn wieħed jista’ jixrob u allura huwa naturali li l-Knisja għandha “kompetizzjoni”.

Iktar ninkwieta mill-fatt li anki fost dawk li jqisu ruħhom bħala membri tal-Knisja, xorta waħda teżisti ċerta mentalità fejn jersqu l-Knisja biss meta jkun konvenjenti, jew verament għall-bżonn. Hemm numru mhux ħażin ta’ nies, issa li l-ħajja sa ċertu punt qed terġa’ tiġi għan-normal wara l-waqfiet tal-Covid-19, li komplew b’ħajjithom normali fejn jidħol ħruġ, xiri, mistrieħ, xogħol u divertiment, imma mbagħad lejn il-knisja għadhom ma rritornawx.

Parti mill-problema hija li bħala pajjiż serraħna wisq rasna bl-idea li għandna “kultura kattolika” imma li fil-qalba tagħha ma tfissirx twemmin Nisrani jew fidi konkreta. U allura meta l-fidi tan-nies tonqos, dik il-kultura ssir biss qisha qoxra fuq il-wiċċ; tispiċċa biss bħala folklor. U jekk ma jkollhiex bażi soda ta’ fidi li ssostniha, il-qoxra tikkrolla!

Ovvjament ir-rgħajja tal-Knisja wkoll għandhom responsabbiltà kbira f’dan kollu. Ħafna drabi tul is-snin, fil-parroċċi tagħna qisna ħadna l-attendenza tan-nies for granted. Qishom dejjem se jibqgħu jiġu, noffrulhom x’noffrulhom. Ma ħdimniex biżżejjed biex nikkultivaw sens ta’ appartenenza (sense of belonging) fejn in-nies ġenwinament iħossuhom milqugħa fil-ħajja tal-Knisja. Forsi lanqas ħsibna biżżejjed dwar xi kwalità ta’ liturġija, omeliji u kant noffrulhom. U allura meta n-nies sabu alternattivi, marru band’oħra. U kultant anki fin-nuqqas ta’ alternattivi tajba, xorta tlifnihom.

Forsi flok atteġġjament ta’ “Il-Knisja m’għandhiex x’toffrili iżjed” ikun aħjar kieku lkoll nistaqsu “X’nista’ noffri jien biex il-Knisja jkollha wiċċ iktar uman, li joffri merħba?”

Jien għall-grazzja t’Alla għandi x-xorti naħdem ukoll ma’ komunitajiet fejn hemm iktar sens ta’ appartenenza; il-knejjes kbar tagħna faċilment iġegħlu lill-bniedem iħossu anonimu, sempliċiment wieħed fost ħafna. Imma gruppi iżgħar ta’ talb jgħinu l-persuna tħoss li hemm min iħoss u jaħseb fiha, u dan jgħin ħafna. U meta n-nies iħossuhom parti integrali mill-komunità, ikunu wkoll lesti jipparteċipaw iktar bil-qalb, u anki joffru s-servizz tagħhom.

Waħda mill-isfidi ewlenin fid-dinja, inkluż f’pajjiżna hija l-inklużjoni. Meta niġu għall-persuni b’diżabilità, ma taħsibx li l-Knisja għadha tirreferi għall-persuni b’diżabilità, forsi anki b’mod indirett, bħala persuni morda, anġli u speċjali? Ma taħsibx li dan qed jgħin biex tibqa’ ċerta perspettiva antikwata, partikolarment minn dawk li jiġu influwenzati mill-Knisja?

Naf li dan huwa suġġett sensittiv, iva. Għalkemm onestament ma nafx li xi ħadd fil-Knisja (għallinqas f’xi kariga uffiċjali) għadu jirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” jew “speċjali”, nifhem li għad hawn persuni li mingħalihom biex juru mħabba u rispett lil dawn il-persuni jużaw kliem u frażijiet bħal dawn. Huma mentalità u lingwaġġ li f’kuntest storiku partikolari intużaw bl-aqwa intenzjonijiet biex isaħħu d-dinjità tal-persuni b’diżabilità u jgħinu lill-familji u lis-soċjetà jilqgħuhom bi mħabba; imma llum il-ġurnata l-kuntest inbidel, u dawn il-mentalitajiet ġew counter-productive u jinħassu kważi insolenti. Ċertament hija terminoloġija skaduta.

Madankollu rridu ngħidu wkoll li l-Knisja spiss kienet protagonista biex tħares id-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità; it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza kien proprju ispirat minn xewqa qaddisa f’dan ir-rigward.

Ma nistax ukoll ma nsemmix il-fatt li l-Knisja madwar id-dinja llum il-ġurnata hija waħda mill-ftit ilħna li jaħdmu favur id-dinjità u l-ħajja tal-persuni b’diżabilità anki billi topponi l-abort li għal ħafna minnhom ifisser piena tal-mewt amministrata fil-ġuf tal-omm, sempliċiment għax waqt it-tqala tinstab xi kundizzjoni jew oħra. Il-Papa Franġisku regolarment jikkundanna l-kultura ta’ skart li titratta li xi wħud qishom m’għandhomx dritt għall-ħajja sempliċiment għax is-soċjetà tqishom bħala inqas minn ħaddieħor, jew inkella bħala piż fuq ir-riżorsi emozzjonali u materjali tagħha.

Imma bħal ħafna oqsma oħra, dejjem fadal xi jsir. Illum il-ġurnata l-Knisja jeħtieġ tkompli taħdem biex teduka u biex tiżgura l-inklużjoni u l-aċċessibilità, kemm fl-istrutturi fiżiċi tagħha (bħal knejjes, swali, uffiċċji parrokkjali) u kif ukoll fil-mentalità tal-poplu. Kemm tkun ħaġa sabiħa, pereżempju, kieku iktar saċerdoti, reliġjużi u katekisti jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali.

Fl-opinjoni tiegħek, fiex żbaljat l-aktar il-Knisja u fiex ħalliet l-aktar impatt pożittiv matul is-snin?

Żbaljat l-iktar, inħoss, meta ħadet iktar ħsieb il-prestiġju tagħha (id-dehra esterjuri, ir-reputazzjoni tagħha) milli l-bżonnijiet konkreti tal-membri tagħha. Dan bħalma ġara fil-każi tal-abbużi ta’ minorenni u persuni vulnerabbli minn membri tal-Knisja tul is-snin. Din hija parti mill-klerikaliżmu li tant iwissina dwaru l-Papa Franġisku, jiġifieri li sempliċiment għax jien qassis niġi trattat differenti, qisni superjuri; bħal donnu r-regoli ma jgħoddux għalija, qisni qiegħed fuq pedestall, biex niddomina mhux biex naqdi. Il-poter u d-dominju huwa tentazzjoni f’kull ġenerazzjoni u f’kull kamp tas-soċjetà, u l-Knisja mhix eċċezzjoni.

L-impatt pożittiv tal-Knisja huwa proprju n-naħa l-oħra tal-munita; kull meta poġġiet il-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna, biex twassallu l-imħabba t’Alla b’mod prattiku u konkret fiċ-ċirkustanzi l-iktar iebsa ta’ ħajtu. Il-Knisja storikament kienet minn tal-ewwel li ħolqot sptarijiet, hospices, skejjel, u servizzi ta’ sapport soċjali anki għall-ifqar nies. U dan fi żmien fejn l-istat kien għadu lanqas ħolom b’dawn l-istrutturi. Imma l-Knisja minn dejjem rat il-bniedem bħala xbieha t’Alla, imżejjen b’dinjità inkredibbli. Għall-grazzja t’Alla din ir-realtà għadha preżenti ħafna fil-ħajja tal-Knisja, u tmur id f’id mal-bqija tal-missjoni tal-Knisja (bħax-xandir tal-Kelma u l-amministrazzjoni tas-Sagramenti).

Ħafna jgħidu li għalkemm ikunu każijiet ġenwini, idum snin twal biex jingħata l-annullament. Huwa veru?

Tassew kien hemm żmien fejn kawża kienet tieħu numru sew ta’ snin; insewwed qalbi niltaqa’ ma’ nies jgħiduli li snin ilu il-kawża tagħhom kienet damet ħames snin, jew sebgħa, jew saħansitra itwal.

Dan ma kienx b’kapriċċ, ovvjament; ma kien pjaċir ta’ ħadd li l-kawżi jdumu daqshekk. Kellna problema ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani. Sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem f’ċerti rwoli fit-Tribunal hemm korsijiet ta’ speċjalizzazzjoni li jdumu numru ta’ snin; l-Arċisqof ma jistax jaqbad u joħloq l-imħallfin mingħajr dan it-taħriġ. Il-Maltin igawdu stima għolja fis-Santa Sede, kemm għas-serjetà tal-ħidma tagħhom u wkoll għall-kapaċità tagħna bl-ilsna differenti. U allura spiss kien jiġri li wara investiment kbir ta’ snin (u flus) fit-taħriġ ta’ saċerdoti speċjalizzati għal dan ix-xogħol, dawn l-istess saċerdoti kienu jintalbu jibqgħu Ruma sabiex jaħdmu fil-Vatikan! Kien hemm ukoll ċerta burokrazija u ċerti proċeduri marbuta mal-kawżi tan-nullità li kienu jtawlu l-proċess ħafna. It-Tribunal kien qed ibati biex ilaħħaq max-xogħol dejjem jiżdied, u allura kien hemm “backlog” ta’ numru ta’ snin.

Illum għall-grazzja t’Alla s-sitwazzjoni hija ferm differenti. Kawża tipika ddum madwar sena, jew sena u nofs. Ħafna kawżi jdumu saħansitra inqas minn hekk: għandna kawżi li jintemmu fi żmien ftit xhur biss. Tant hu hekk li kultant ikollna nies li jissorprendu ruħhom dwar kemm imxiet b’ħeffa l-kawża tagħhom.

Mill-ġdid hemm diversi fatturi għal dan is-suċċess. Fuq talba ta’ bosta kanonisti mxerrda madwar id-dinja, u ta’ persuni jaħdmu f’kampijiet relatati, ftit snin ilu il-Papa Franġisku ssimplifika u ħaffef ċerti proċeduri hekk li kawża tkun tista’ timxi ferm iktar mgħaġġla, iktar u iktar jekk il-koppja tkun fi qbil dwar ċerti fatti essenzjali. Fuq livell lokali, irrid nirrikonoxxi u nfaħħar il-ħidma tal-Isqfijiet li kellna tul dawn l-aħħar snin li stinkaw biex iżidulna l-istaff, kemm dak kwalifikat biex jisma’ u jiddeċiedi l-kawżi, u wkoll dak segreterjali li huwa essenzjali għall-ħidma effiċjenti tat-Tribunal. U rrid insellem ukoll lill-predeċessuri tiegħi (kemm il-Vigarji Ġudizzjali, u wkoll l-Imħallfin) li ħadmu kemm felħu biex illum għall-grazzja t’Alla nistgħu ngħidu li eliminajna l-“backlog” għalkollox.

Fil-fatt daż-żmien jekk kawża tittawwal ħafna, hemm ċans tajjeb li sfortunatament ikun daħal ċertu element ta’ pika bejn il-partijiet; seduti li ma jiġux rispettati u allura jkollhom jiġu posposti jew kanċellati; numri esaġerati ta’ xhieda, rapporti fuq rapporti, eċċetra. U jaħasra kultant ma jifhmux li kieku jħallu l-affarijiet jimxu b’iktar serenità, u kieku kkollaboraw iktar ma’ xulxin u mat-Tribunal, il-kawża setgħet ilha magħluqa snin sħaħ.

Jingħad ukoll li jiswa ammonti kbar ta’ flus, tant li min ma jaffordjax iħallas daqshekk m’għandux ċans għalih. Huwa veru?

Le, mhuwiex veru. Jiddispjaċini ngħid li din hija forma ta’ urban legend li tibqa’ takkumpanja x-xogħol tagħna u li sfortunatament iżżomm ħafna nies lura milli jirrkorru għand it-Tribunal u jfittxu s-servizzi tagħna.

Għalkemm huwa veru li hemm ċerti spejjeż involuti f’kawża ta’ nullità, tipikament kawża tiġi tiswa bejn €1,500 u €2,500. L-iktar kawża li ġiet għolja, dejjem qed nitkellmu dwar l-ispejjeż dovuti lit-Tribunal innifsu, kienet qabżet bi ftit it-€3,000 u kienet sitwazzjoni anomala fejn intalab numru kbir ħafna ta’ xhieda, seduti, u perizji.

Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan, inweġġa’ meta nisma min jgħid li xi ħadd qallu: “Jekk m’għandekx €20,000 x’tarmi, tersaqx lejn it-Tribunal!” Ċifri oħra li kultant jissemmew huma €7,000 jew €10,000. Imbagħad noffendi ruħi iktar u iktar meta jkun hemm min jgħid li jekk mintix lest tħallas il-belli liri, aqta’ jiesek milli tiegħu l-annullament. Bħallikieku hemm xi ħadd qed jixxaħħam biex jagħti deċiżjonijiet pożittivi lill-klijenti tagħna.

Il-Knisja tinsisti li ma trid li ħadd joqgħod lura milli jfittex il-verità dwar is-sitwazzjoni tiegħu jew tagħha għal raġunijiet finanzjarji. U allura hemm numru ta’ kawżi kull sena fejn l-ispejjeż jiġu sussidjati totalment jew parzjalment mill-Knisja stess, għax il-persuna ma tkunx f’qagħda li tħallas. Ovvjament irridu noqogħdu attenti għax ikun hemm min mhux ġenwin u jipprova jabbuża mis-sistema. Ikun hemm nies oħrajn, li jifilħu jħallsu, li sfortunatament għax xi ħaġa ma marritx kif xtaqu huma jirrifjutaw li jħallsu s-sehem tagħhom tal-kawża. Jinsew (jew ma jimpurtahomx) li dak li l-Kurja jkollha toħroġ minn ġewwa għax ma ħallsux sehemhom, ikun qed jiġi misruq minn opri oħra karitattevoli tal-Knisja f’pajjiżna.

Finalment irrid ngħid li dawn iċ-ċifri li semmejt iktar kmieni ma jinkludux ħlasijiet lil avukati li wieħed jista’ jqabbad f’kawża ta’ nullità. Għandna lista ta’ diversi avukati mħarrġin apposta sabiex jirrappreżentaw lin-nies quddiem it-Tribunali tal-Knisja. Persuna involuta f’kawża għandha dritt (u għażla) jekk tqabbadx avukat jew le sabiex jirrappreżentaha quddiem it-Tribunal. Il-kawża tkun tista’ ssir xorta waħda, anki jekk il-persuna tagħżel li ma jkollhiex avukat. Imma ovvjament, jekk tqabbad avukat, il-ħlas tal-avukat huwa responsabbiltà tagħha.

Jekk tippermettili nixtieq nagħti n-numru li fuqu wieħed jista’ jikkuntattja t-Tribunal għal kwalunkwe mistoqsija li jista’ jkollu f’dan ir-rigward, u l-istaff tagħna jkunu jistgħu ituh l-informazzjoni kollha neċessarja: 2011 9911. Inkella email fuq info@maltachurchtribunals.org

Ħafna jemmnu li ċerti nies għandhom is-setgħa li jisħtu. Int personali temmen? U x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan?

Ħa nibda billi nistqarr li dan mhuwiex kamp li jien għandi xi taħriġ dwaru, jew li nifhem ħafna fih.

Imma iva, il-Knisja temmen li bl-istess mod li bħala bnedmin nistgħu nbierku lil xulxin (jiġifieri nitolbu l-ġid għal xulxin), daqshekk ieħor nistgħu nixtiequ d-deni lil xulxin. Hawn nies li mhux biss jgħaddilhom ħsieb ħażin ta’ mument (pereżempju f’waqt ta’ rabja nixtieq id-deni lil xi ħadd) imma saħansitra jaslu li jipprovaw iwasslu dan id-deni fuq ħaddieħor billi jduru għall-okkult. Lesti jmorru għand sħaħar biex jagħmlu xi magħmul, jew inkella forsi saħansitra jduru lejn ix-xitan u jitolbuh iwettaq xi ħsara fuq xi persuna.

Imma hemm aħbar tajba f’dan kollu. Għax Alla huwa ferm ikbar u aqwa mix-xitan. Dan ifisser li għall-biċċa l-kbira fostna, li nkunu qrib ta’ Alla hija l-aqwa difiża kontra l-ħażen li jista’ jixtiqilna ħaddieħor. Xi ħadd iddeskriva x-xitan qisu annimal salvaġġ marbut b’katina. Biex jagħmillek ħsara, trid tmur qrib tiegħu, ‘il ġewwa mill-katina; sakemm tibqa’ bogħod iktar minn kemm tagħtih il-katina, allura tkun fiż-żgur.

Xi tfisser tkun qrib Alla (u allura protett mix-xitan)? Ifisser li jkolli ħajja ta’ talb attiva; li spiss indur lejn Alla bil-ħsieb u bil-kliem tiegħi, sabiex infaħħru u nfittex il-ħarsien tiegħu. Li nkun familjari mal-Kelma t’Alla billi regolarment naqra passaġġi mill-Bibbja u nitlob bihom. Li nħares lejn il-qaddisin bħala l-familja spiritwali tiegħi u allura nitlobhom l-għajnuna tagħhom ukoll. Li nipprova ngħix ħajja tajba, bogħod mill-vizzji u mill-mibegħda. Li nkun qrib il-prattika tas-sagramenti, l-aktar l-Ewkaristija u l-Qrar. L-eżorċisti jgħidu li qrara tajba għandha qawwa saħansitra iktar minn eżorċiżmu! U l-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu ġewwa fina. Xi rridu iktar minn hekk?

Kultant ikun hemm nies li jdaħħluha f’rashom li xi ħadd seħithom, jew għajjinhom, jew għamlilhom xi magħmul. Imsieken forsi jkun żmien fejn kollox jidher sejjer ħażin f’ħajjithom: mard, problemi familjari, problemi fuq ix-xogħol, eċċetra. F’mumenti bħal dawn iduru lejn xi saċerdot u jgħidulu: “Agħmilli xi ħaġa Father, għax seħtuni.”

Imma mbagħad meta tistħarreġ ftit, issib li jkunu ilhom snin twal ma jipparteċipaw fil-quddies, qrar, eċċetra. Jaħasra jfittxu mezzi straordinarji (bħal xi eżorċiżmu jew xi talb speċjali) u jinsew il-mezzi ordinarji li nistgħu nirrikorru għalihom kuljum. Bħal dawk li jixtiequ jitilfu l-piż bl-użu ta’ supplements u pilloli li donnhom se jagħmlu xi miraklu, imma mhumiex lesti jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħhom għal wieħed iktar san u bilanċjat.

X’jinkwetak l-aktar minn dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna b’mod ġenerali?

Jinkwetani li bħal ħafna pajjiżi oħra, għandna polarizzazzjoni dejjem tikber. Aħna dejjem konna pajjiż ta’ partiti u firdiet; taraha fil-politika, fil-festi, fil-futbol eċċetra.

Imma issa qisna għandna qasma dejjem iktar radikali bejn nies ta’ fehmiet differenti (sew dawk politiċi, u wkoll dawk fuq kwistjonijiet li minn żmien għal ieħor iqumu fil-ħajja tas-soċjetà tagħna). Qisna m’aħniex kapaċi niddiskutu b’rispett ma’ min ma naqblux miegħu, imma rridu npinġuh bħala mostru, bħala xi ħadd li ma ħaqqux dinjità, u li l-kelma tiegħu ma ħaqqhiex tinstema’.

Niddeumanizzaw (bl-Ingliż dehumanizing) lill-oħrajn biex mingħalina nattakkaw l-argument tagħhom, flok inwieġbu l-punti tagħhom b’rispett u ċiviltà. U sfortunatament, kif rajna f’pajjiżi oħra u sfortunatament f’Malta wkoll, il-proċess li tneżża’ l-umanità ta’ min hu differenti jew għandu fehma differenti (ewlenin fosthom dawk li jaħdmu għal soċjetà iktar ġusta) ma tiqafx biss mal-kliem, imma faċli twassal għal ġesti ferm agħar, saħansitra l-qtil.

Għandna wkoll individwaliżmu kbir, inħoss. Il-mod kif sfruttajna l-ambjent huwa eżempju ċar ta’ dan. Il-mod kif nitrattaw lill-immigranti u lil ċerti kategoriji tas-soċjetà huwa ieħor. Donnu l-bniedem jaħseb biss f’butu u allura l-benesseri ta’ ħaddieħor ma jimpurtahx. Meta jiġri hekk, faċli ħafna li jinbtu firdiet u tensjonijiet ikbar, għax meta l-bniedem jaħseb biss fih innifsu, is-sens ta’ komunità jiżżarma.

“Nitkellem b’konvinzjoni għax id-dubji u l-mistoqsijiet jiftħuli t-triq biex insib risposta” – Fr. Brendan Gatt

“Nitkellem b’konvinzjoni għax id-dubji u l-mistoqsijiet jiftħuli t-triq biex insib risposta” – Fr. Brendan Gatt

Nitkellmu ma’ Fr Brendan Gatt

Fr Brendan, għidilna ftit dwarek. Min hu Fr Brendan Gatt?

Insellmilkom! Għandi 44 sena, mill-Mosta, it-tieni fost erba’ aħwa (tliet subien u tifla). Ġejt ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri dis-sena għalaqt tmintax-il sena qassis. Bħala saċerdot nagħti daqqa t’id fil-parroċċa tal-Msida.

Iżda l-ħidma primarja tiegħi fil-Knisja hija dik ta’ Vigarju Ġudizzjali, jiġifieri dak li, fost xogħol ieħor, jikkoordina u jmexxi l-ħidma tat-Tribunal Ekkleżjastiku; il-biċċa l-kbira tal-ħidma tagħna għandha x’taqsam mad-dikjarazzjonijiet ta’ nullità taż-żwiġijiet u sitwazzjonijiet oħra relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Għall-grazzja t’Alla, apparti dan ix-xogħol nakkumpanja wkoll gruppi ta’ talb. Nagħmel ħafna ħidma wkoll ma’ komunitajiet u gruppi li jaħdmu maż-żgħażagħ; inħoss li din hija xi ħaġa li żżommni żagħżugħ (għallinqas fl-ispirtu!). Għandi wkoll ix-xorti li nakkumpanja diversi koppji żgħażagħ lejn is-sagrament taż-żwieġ. Inqisha barka li ħafna minnhom iżommu kuntatt miegħi tul is-snin, u jqisuni bħala ħabib tal-familja tagħhom, kemm fil-mumenti ta’ ferħ u wkoll f’dawk ta’ niket. Spiss, pereżempju, jitolbuni ngħammdilhom xi tarbija; parti mill-after-sales service, biex ngħidu hekk!

Involut ukoll fix-xandir, l-aktar fuq Radju Marija. Inkun mistieden regolari wkoll fuq Radju Calypso u fuq 103 Malta’s Heart; kultant jistednuni anki fuq xi programm televiżiv.

Bħala passatempi, għalkemm ma tantx għandi ħin għalihom, inħobb iċ-ċinema, il-mużika, l-ikel, u s-safar. Fil-każ tas-safar, ovvjament dan huwa pjuttost limitat kemm minħabba l-ħin u wkoll minħabba l-ispejjeż involuti!

Ritratt: Tonio Lombardi

Kif tiddeskrivi t-tfulija u ż-żogħżija tiegħek? Liema memorji huma l-aktar għal qalbek?

Għall-grazzja t’Alla nista’ ngħid li kelli tfulija u żogħżija feliċi ħafna. Ġej minn familja magħquda, b’ġenituri eżemplari li lili u lil ħuti tawna ħafna għożża u eżempji sbieħ. Għall-Primarja, is-Sekondarja u s-Sixth Form mort skola l-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu, fejn kont għal qalbi ħafna.

Kont ukoll nattendi l-Oratorju Qalb ta’ Ġesù tal-Mosta l-ewwel fi tfuliti għal-lezzjonijiet tal-katekiżmu u mbagħad meta kbirt iktar, għal laqgħat ta’ formazzjoni (ŻAK) u mistrieħ ma’ sħabi. Tgħallimt ħafna skills għal ħajti: mill-palk (kemm quddiem u kif ukoll wara l-kwinti) sal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u anki radju tal-komunità. Fuq kollox għamilt ħafna ħbieb tajba li għadhom parti sabiħa minn ħajti sal-lum.

Il-memorji li għadhom l-iktar għal qalbi jimxu fuq żewġ binarji. L-ewwel memorji jduru mal-mod kif konna niċċelebraw il-Milied bħala familja: lejlet il-Milied, jien u ħija l-kbir konna neħduha in turns sena wara l-oħra biex nilbsu ta’ Santa Klaws u nqassmu r-rigali lil ħutna ż-żgħar. Il-Milied kien iġib ukoll żjarar lill-familja iktar wiesgħa (nanniet u zijiet), u ngħożż ħafna dawk il-memorji, anki għax in-nanniet illum m’għadhomx magħna.

It-tieni sett ta’ memorji sbieħ huma dawk li għext ma’ sħabi tal-Oratorju; pereżempju meta konna ntellgħu xi dramm tal-Passjoni, jew inkella xi farsa. Meta tkun għamilt dawk il-preparamenti kollha (tibni sett, titgħallem il-linji tiegħek, issib il-kostumi) u mbagħad, dakinhar tar-rappreżentazzjoni, tara kollox jiġi f’postu, qisha maġija, u fuq kollox tara n-nies jieħdu gost bil-prodott finali.

Meta u kif nibtet il-vokazzjoni tiegħek?

Nibtet kmieni, diġà fi tfuliti. F’April tal-1985, proprju ftit xhur qabel irċevejt l-Ewwel Tqarbina, kien miet in-Nannu Karm li kont nammirah ħafna għax fit-Tieni Gwerra Dinjija kien Petty Officer fin-Navy u kont nitgħaxxaq nara ritratti tiegħu, tant smart b’dik l-uniformi. Meta miet, apparti li ddispjaċieni ħafna, kont ħadt sorpriża għax meta ttawwalt fit-tebut, qabel morna għall-funeral, rajtu liebes bħal patri, jidhirli li kien bit-tonka u l-ispellizza!

Meta staqsejt lill-ġenituri għalfejn kien liebes hekk, spjegawli li kien fit-Terz’Ordni tal-Patrijiet Tereżjani (il-Karmelitani Skalzi). Il-membri ta’ Terz’Ordni (imsejħin ukoll Terzjarji) jgħixu aspetti tal-ħajja spiritwali ta’ xi Ordni Reliġjuż (bħall-Franġiskani, l-Agostinjani jew il-Karmelitani) filwaqt li jgħixu wkoll ħajja normali ta’ lajċi, bix-xogħol u l-familja. Minħabba li kien Terzjarju, in-Nannu seta’ jindifen bil-libsa reliġjuża tal-patrijiet; ma nafx għadhomx b’din id-drawwa. Imma niftakar li meta rajtu liebes dawk il-ħwejjeġ fit-tebut, xi ħaġa tqanqlet fija u bejni u bejn ruħi għedt: “La nikber nixtieq insir qassis!”

Fil-fatt ma kontx domt ma bdejt nattendi laqgħat tal-vokazzjonijiet, kemm fil-parroċċa u kif ukoll fis-Seminarju, ir-Rabat. Ma nistax ngħid li kienet triq sempliċi, għax iktar ma kbirt (b’mod speċjali bħala teenager) kont nagħmel naqra tug-of-war mal-Mulej u nipprova nifhem għalfejn qed isejjaħ lili, u jekk kontx lest ngħix ċerti caħdiet li ġġib magħha vokazzjoni saċerdotali; bħall-fatt li aħna ma niżżewġux. Imma bil-għajnuna t’Alla u bil-gwida u l-ħbiberija ta’ ħafna saċerdoti għaraft li dik kienet triqti, u ta’ 19-il sena dħalt is-Seminarju. Dawk is-seba’ snin ngħoddhom bħala fost l-isbaħ ta’ ħajti.

Ġieli jiġuk dubji dwar it-twemmin li tħaddan u li saħansitra tippriedka?

Jien inħobb ngħid li qatt ma jien se nbiegħ prodott li ma nkunx xtrajtu jien ukoll! Kultant tara xi preżentaturi tat-telebejgħ fuq it-TV (kemm lokali u kif ukoll barranin) li jkun ovvju li ma jafux biżżejjed dwar dak il-prodott, u huwa evidenti li huma ma jużawhx; anzi, kultant id-diskors tagħhom jikxifhom li ma jemmnux fih!

Issa fil-każ tiegħi, il-“prodott” huwa l-fidi tiegħi, il-fidi Nisranija, u r-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù. Nistqarr li mhux l-ewwel darba li ġietni xi mistoqsija f’moħħi, jew xi dubju dwar xi aspett tal-fidi jew tat-tagħlim tal-Knisja. Imma jien bniedem li nħobb infittex u nistaqsi, u allura meta tiġini mistoqsija, naf immur ukoll fl-għejjun minn fejn nista’ nsib l-informazzjoni meħtieġa. U nibqa’ nikkumbatti sa ma nsib tweġiba li tissodisfani. Kultant din it-tweġiba nsibha fi ktieb jew artiklu; drabi oħra sibtha f’xi persuna li gwidatni. Fuq kollox dawn id-dubji nressaqhom ukoll fit-talb; inpoġġihom quddiem Alla qisni qed niddjaloga ma’ ħabib. Ħafna drabi nsib paċi kbira fil-qalb u nasal għas-serħan tal-moħħ li nkun qed infittex.

U għalhekk nitkellem b’konvinzjoni; għax id-dubju jkun qanqalni u fetaħli t-triq biex insib risposta.

Int personali, x’issib l-aktar diffiċli li tipprattika minn dak kollu li tippriedka?

Se jkolli nagħmel naqra qrara pubblika; biżżejjed tara ritratt tiegħi biex tifhem x’ser ngħid! Nammetti li probabilment l-iktar ħaġa diffiċli biex inpoġġiha fil-prattika hija ċerta self control jew dixxiplina, b’mod speċjali fejn jidħol l-ikel.

Id-dixxiplina fuqna nfusna hija xi ħaġa li nippridkaw ħafna, l-aktar fejn tidħol spiritual guidance biex ngħinu nies jegħlbu diffikultajiet f’ħajjithom bħal xorb żejjed, drogi, pornografija, relazzjonijiet negattivi, u mġiba oħra li tista’ tagħmel ħsara lis-saħħa: fiżika, emozzjonali, u spiritwali. U għalhekk inħoss li japplika għalija l-kliem: “Tabib, fejjaq lilek innifsek!”

L-ikel inħobbu, imma iktar mill-ikel inħobb is-sens ta’ qrubija u l-kumpanija li l-ikel joħloq madwaru; iġib nies flimkien li jaqsmu ħajjithom u l-esperjenzi tagħhom; jiċċajtaw flimkien u jfarrġu lil xulxin. U dik hija xi ħaġa li nħobb ħafna. L-ikel jagħmel differenza, inħoss; meta niltaqa’ ma’ koppja jew familja u nieklu flimkien jinħoloq sens sabiħ ta’ ħbiberija u komunità. Meta niltaqgħu f’ċirkostanzi oħra, pereżempju wara skrivanija f’uffiċċju, tinħass qisha laqgħa ta’ xogħol, jew qisha intervista. Ma jkunx hemm l-istess spirtu ta’ intimità.

Iżda bħal kull aspett ieħor tal-ħajja, anki ħaġa tajba (bħalma hija l-ikel) tista’ tittieħed f’estrem. Il-fatt li ngħix ħajja sedentarja ħafna, u t-timetable dejjem mimlija daqs bajda, ma jgħinx lanqas, sfortunatament.

Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa?

Nistqarr li l-ikreh mumenti kienu kull meta kelli nagħmel xi funeral tat-tfal. Jien bniedem sensittiv ħafna, u dawn l-okkażjonijiet isewduli qalbi mmens. Iċċelebrajt funerali tat-tfal ta’ ħbieb tiegħi u kienu esperjenzi ta’ qsim il-qalb, kemm meta kienu trabi u wkoll meta kienu iktar imfarfrin, jew żgħażagħ. Kultant kelli wkoll niċċelebra xi funeral ta’ tarbija fil-parroċċa; anki jekk ma nkunx naf lill-familja, dejjem nispiċċa f’xifer il-biki, bil-vuċi miksura. Biss nemmen li jaf ikun ukoll mument ta’ grazzja; akkumpanjajt koppji f’dik l-esperjenza tat-telfa li jkunu ġarrbu u nemmen li kabbritna fil-fidi, fl-imħabba, u fil-kuraġġ ma’ xulxin.

Bħala mumenti sbieħ, kelli ħafna! Fuq livell personali naħseb li l-Ordinazzjoni tibqa’ l-isbaħ mument. Għadni niftakarni wara l-funzjoni, meta wasalna lura d-dar; għamilna festin żgħir għall-familja u mbagħad il-ġenituri u ħuti telgħu jorqdu. Bqajt waħdi fil-kċina, konxju li issa seħħet bidla profonda f’ħajti. Għal min iħobb il-Lord of the Rings, ħassejtni qisni Frodo u sħabu meta reġgħu lura lejn pajjiżhom (ix-Shire) wara l-avventura li kellhom!

Fuq livell pastorali, naħseb l-aqwa esperjenzi li kelli kienu meta ppridkajt quddiem folol ta’ mijiet ta’ żgħażagħ entużjasti, miġbura għal xi eżerċizzi jew laqgħat bħal tal-Y4J (Youth For Jesus) u tal-Youth Fellowship. Tħossok qisek rock star għal dawk il-ftit minuti. Imma mbagħad trid tfakkar lilek innifsek li għall-Mulej ġew, mhux għalik: Hu l-istilla, mhux int! Inkella tikbirlek rasek.

Mument ħelu li żgur ma tinsa qatt.

Darba kelli mmexxi adorazzjoni żgħira għall-bniet li kienu se jagħmlu l-preċett (jiġifieri ta’ xi 6 snin) fl-Oratorju Marija Immakulata, il-Mosta. Ħadt l-Ewkaristija miegħi u fis-sala armajt artal ċkejken bis-Sagrament fin-nofs imdawwar b’xi xemgħa u ftit fjuri, biex wara l-assembly t-tfal jidħlu ħdejja u mmexxihom f’mument ta’ talb. Jien kont liebes l-alba (il-libsa twila bajda li nilbsu għall-quddiesa) u stola bajda. Waqt li qed nistennihom jidħlu fis-sala, nisma’ lill-katekista fil-bitħa tgħidilhom: “Girls, illum għandna mistieden speċjali jistenniekom fis-sala; ġie jżurna Ġesù u issa se mmorru ħdejh biex inqattgħu ftit ħin miegħu.”

Il-bniet bdew deħlin fis-sala; xi wħud minnhom għarfuni u sellmuli, oħrajn le. Imma waħda minnhom hekk kif ratni qisha ħadet xokk: fetħet par għajnejn daqsiex u għattiet ħalqha b’idha; ippuntat lejja u lit-tifla ta’ ħdejha qaltilha: “Ara, hemm Ġesù!” Kont kommoss għal ftit sekondi li ħasbuni Ġesù… sakemm il-ħabiba tagħha qaltilha: “Mur ‘l hemm, fidila: dak Father Brendan!”

X’inhu l-akbar sodisfazzjon tiegħek fil-vjaġġ tiegħek bħala saċerdot?

L-iktar sodisfazzjon matul dawn is-snin dejjem kien meta ltqajt ma’ persuni li għal xi raġuni jew oħra kienu mweġġgħin u mbegħdin mill-Knisja, jew forsi kienu qed iġorru dubji kbar dwar il-fidi tagħhom, u wara xi quddiesa (kultant anki tieġ jew funeral), xi laqgħa jew taħdita ras imb’ras, jew inkella wara xi seduta tat-Tribunal tal-Knisja, jgħiduli li mill-ġdid qed iħossuhom parti mill-Knisja, jew għallinqas li fiequ minn ċerti feriti u weġgħat.

Darba wara tieġ verament sabiħ, ġiet żagħżugħa li qaltli (bl-Ingliż u hekk se nirrepetiha), “If this is the Church today, I’m willing to give it another chance!” Żgur ma kienx mertu tiegħi biss, għax verament kien animat sabiħ dak it-tieġ, bil-mużika, il-qari, kollox. Kien hemm sens mill-aqwa ta’ komunità u ċelebrazzjoni dakinhar.

Darb’oħra żagħżugħ (li f’ħajtu kien bata ħafna u anki spiċċa vittma tad-droga u problemi oħra) inzerta kien għaddej bil-mixi (għax kellu l-ħsara fil-karozza) minn quddiem knisja fejn kont qed inqaddes il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija; kien hemm atmosfera bellezza, knisja mballata b’komunità ħajja. Ittawwal fil-knisja; ma nafx inzertax l-omelija jew xi parti oħra tal-quddiesa, imma baqa’ jistenna sa wara l-quddiesa biex ikellimni u qalli: “Father, kont għaddej minn quddiem il-knisja u ħassejt xi ħaġa tiġbidni; rajt din il-folla nies u bejni u bejn ruħi għedt: ‘nixtieq għandi dak li għandhom huma’.” Kien qed jirreferi għall-esperjenza sabiħa tal-fidi ħajja tagħhom.

Darb’oħra mara li kienet ġiet it-Tribunal biex tiftaħ kawża ta’ annullament, fi tmiem is-seduta qalet lili u lil qassis ieħor kollega tiegħi: “Grazzi ta’ kemm għentuni nħossni at ease. Ġejt imbeżża’ ħafna, imma bil-għajnuna tagħkom għamilt ħafna kuraġġ.”

Dawn huma esperjenzi li bħala qassis jimlewli qalbi.

Wieħed mis-suġġetti li int l-aktar sensittiv dwarhom.

Suġġett verament qrib qalbi huwa l-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem fil-mumenti kollha tagħha; mit-tnissil tat-tarbija fil-ġuf, sal-mewt naturali tal-bniedem. U d-dinjità tal-bniedem ma tidhirx f’dawn iż-żewġ tappi biss (li huma tassew kruċjali u essenzjali) imma wkoll f’kull fażi bejniethom: id-drittijiet tal-migranti, u tal-ħaddiema, pereżempju, u l-bżonn ta’ soċjetà li tħaddan iktar integrità u ġustizzja.

Kurżità partikolari dwarek.

Jien żaqqieq u l-ikel inħobbu; din mhix sorpriża. Bħala ikel, kollox inħobb niekol, b’żewġ eċċezzjonijiet: il-mushrooms u l-bebbux! Mhux xi allerġija ta… sempliċiment kwistjoni ta’ gosti. Il-bebbux pruvajtu għal darba, tnejn imma t-togħma u t-texture tiegħu dejquni. Il-mushrooms agħar, għax anki r-riħa tiegħu ddejjaqni. Mhemmx x’tagħmel… xi ħaġa trid tħalli għal ħaddieħor!

X’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja ta’ skoperta.net?

Provaw kunu għajn ta’ ferħ u paċi kull fejn tkunu. Agħmlu kulma tistgħu biex toħolqu spirtu ta’ mħabba u rikonċiljazzjoni f’kull sitwazzjoni. Mhux dejjem faċli, anzi, spiss ikun diffiċli ħafna, u nsibu diversi ostakli f’dan il-proċess. U spiss jiġġudikawna bħala nies naive, boloh u x’naf jien. Imma huwa sforz li ta’ min jagħmlu, u l-ħlas tiegħu, kemm għalik innifsek u wkoll għas-soċjetà, huwa kbir. Bħalma qal Ġesù: Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu ulied Alla.

“Il-karnival huwa espressjoni artistika…ejjew naħdmu aktar fuq is-satira” – Stiefnu De Battista

“Il-karnival huwa espressjoni artistika…ejjew naħdmu aktar fuq is-satira” – Stiefnu De Battista

Nitkellmu ma’ Stiefnu De Battista, li flimkien ma’ Paul Chircop imexxu l-kumpanija tal-karnival Beqqu & Stiefnu

Wara nuqqas ta’ sentejn, il-karnival jerġa’ jirritorna biċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tiegħu. Xi jfisser dan għalikom?

Wara sentejn ta’ sfidi, li nirritornaw il-Belt huwa mument li konna ilna nistennew. Ħdimna ħafna bil-limitazzjonijiet imma wasalna.

Spiss nisimgħu li hekk kif jispiċċa l-karnival, jibdew il-pjanijiet u l-preparamenti għall-karnival tas-sena ta’ wara, speċjalment fejn jidħlu l-karrijiet. Vera din? Tispjegalna ftit dwar il-proċess biex wieħed joħloq karru?

Iva, eżatt wara li jispiċċa l-karnival jibda l-proċess mill-bidu.

Il-proċess huwa twil għax int għandek ħafna dipartimenti differenti li jridu jaħdmu flimkien. Issib is-suġġett, tiżviluppah u tibda tiskeċċja.

Tibda billi tapplika ma’ Festivals Malta fejn tiġi aċċettat tibda mill-ewwel kategorija. Dik tal-maskaruni u tibqa’ tiela’.

X’inhi t-tema tal-karru ta’ din is-sena?

It-tema li għażilna din is-sena hija ispirata mis-serje Peaky Blinders. Żviluppajna storja fejn dawn il-gangsters jiltaqgħu ma’ grupp ta’ żeffiena u tant jibda jogħġobhom iż-żfin li minn gangsters u gamblers isiru żeffiena.

Minbarra n-nuqqas ta’ sentejn tal-karnival tradizzjonali, xi sfidi ġabet magħha l-pandemija għad-dilettanti tal-karnival?

Il-pandemija ġabet sfidi kbar. Il-karnival jaqa’ taħt il-kategorija ta’ dawk li mhumiex essenzjali allura spiċċajna b’ħafna ħwienet u suppliers magħluqin. Il-fatt li konna limitati fi gruppi żgħar affettwat ukoll il-ħidma. Apparti minn hekk, il-gwerra affettwat ukoll il-prezzijiet tal-materjal, li din hija daqqa għall-parteċipanti.

Minn fejn nibtet il-passjoni tiegħek għall-karnival?

Il-passjoni għall-karnival bdiet minn ta’ età żgħira ħafna. Mindu kont tifel, kont nagħmel karrijiet żgħar tal-kartun. Il-kuġin tiegħi Paul Chircop kien daħħalni fil-maħżen ta’ Pawlu l-Pampalun u minn dak iż-żmien ma waqafx ngħin, u llum il-ġurnata jien u l-kuġin narmaw flimkien.

Xi tqis li kienu l-ikbar kisbiet tal-kumpanija Beqqu & Stiefnu s’issa? U x’aspirazzjonijiet għandkom għall-futur?

Waħda mill-kisbiet kienet meta ksibna l-ewwel post fiż-żifna tal-2020. Din is-sena se nkunu qed intellgħu karru fi Sqallija flimkien maż-żeffiena tagħna, li din minn dejjem kienet waħda mill-miri tagħna. Apparti minn hekk, bħala kumpanija ħa nibdew ħidma ma’ skejjel biex norganizzaw workshops fuq il-karnival u l-kartapesta kif ukoll se naħdmu ma’ tfal inqas ixxurtjati biex b’hekk inferħuhom bil-karnival Malti.

Kemm tħoss li evolva l-karnival matul is-snin, partikolarment bl-involviment ta’ Festivals Malta?

Il-karnival evolva ħafna. Il-mekkaniżmu ġie żviluppat ħafna u daħlet ħafna teknoloġija u inġinerija. Festivals Malta qed jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna, dan anke għax waqt il-pandemija sabu mezz kif jorganizzaw korsijiet fuq diversi ħiliet għall-parteċipanti. Qed naraw ukoll il-karnival ta’ Malta jiġi promoss fuq diversi pjattaformi.

Tħoss li x-xogħol kollu li jsir għall-karnival jiġi rikonoxxut u apprezzat biżżejjed?

Iva, nemmen li l-karnival jiġi apprezzat, u dan narawh mill-ammont ta’ nies li jidħlu l-Belt. Nemmen li hemm bżonn aktar spontanjetà u iktar satira. Naħseb li l-karnival huwa importanti fil-kalendarju Malti.

Il-karnival huwa parti mill-kultura Maltija, iżda n-nies għadhom ifittxu li jattendu u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-karnival daqs snin imgħoddija?

Il-karnival qed jinbidel ħafna. Illum għandek diversi rħula li jorganizzaw il-karnival u għalhekk qed jattira diversi nies minn żoni differenti ta’ Malta.

Taħseb li bħala poplu għadna lura fil-mentalità dwar is-satira li tiġi interpretata fil-karnival permezz ta’ karrijiet, kostumi u drammi tal-karnival?

Nemmen li s-satira rridu naħdmu aktar fuqha. Jekk naraw is-satira li ssir fil-karnival ta’ Koln fil-Ġermanja tibqa’ impressjonat. Il-knisja wkoll trid tifhem li l-karnival huwa espressjoni artistika u għandha taċċettah fuq dan il-prinċipju. L-istess jgħodd għall-politikanti. Is-satira għandha tibqa’. Ejjew nissapportjawha aktar!!

X’inhuma l-aspettattivi tiegħek għall-karnival ta’ din is-sena?

Nemmen li dan il-weekend ħa naraw ammont sabiħ ta’ nies il-Belt. It-temp ħa jkun tajjeb u sħun, u nħeġġeġ lil dawk kollha li jħobbu din il-festa jattendu. Issa li l-pandemija qiegħda tisfuma u li l-elezzjoni ġenerali ġiet fi tmiemha, issa l-mument li dan il-weekend, il-poplu kollu jinżel il-Belt u ngawdu din il-festa flimkien.

“Għandi ħolma li xi darba nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Basketball” – Aaron Camilleri

“Għandi ħolma li xi darba nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Basketball” – Aaron Camilleri

Nitkellmu ma’ Aaron Camilleri

Aaron, għidilna ftit dwarek. Min hu Aaron Camilleri?

Aaron Camilleri, ġuvni ta 26 sena. Inħossni stramb ngħid 26 sena, dan għal fatt li għal min jaf l-istorja tiegħi jaf li mhux suppost kelli ngħix għal iktar minn 3 sigħat aħseb u ara 26 sena. It-tielet fost għaxar aħwa (ir-raba’ fost tnax jekk ovvjament tinkludi t-tewmin). Bħala persuna, qiegħed fit-tieni sena tad-Degree fejn qed nistudja l-Mcast fuq Business Enterprise. Bħala passatempi nħobb naqra, nikteb, nisma’ d-diski (partikolarment meta nkun qed nistudja u nagħmel xi xogħol tal-iskola), nara xi film jew series kif ukoll l-isport.

L-isport, partikolarment il-basketball, huwa passjoni tiegħek. Kif nibtet din il-passjoni? U kif iddeċidejt li tibda tinvolvi ruħek?

Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li xi darba jew oħra ninvolvi ruħi f’xi tip ta’ sport. Bħala persuna fil-wheelchair però, kienet xi ħaġa diffiċli. Jew aħjar ħsibt li diffiċli. Però meta fl-2014 infetaħ għall-ewwel darba l-Malta Wheelchair Basketball Association mill-ewwel inġbidt lejh. Biss minħabba raġunijiet ta’ saħħa ma stajtx ningħaqad mill-ewwel. Kien biss fl-2019 meta mort għall-ewwel sezzjoni ta’ taħriġ u mill-ewwel irbatt qalbi miegħu. Minn hawn nixtieq nieħu l-opportunità nirringrazzja lil sħabi tat-tim li laqgħuni mill-ewwel, lill-ġenituri li minn dejjem issapportjawni għall-kull ħolma li kelli kif ukoll lill-ikbar ħabib li għandi Karl Zarb li kien hu li ħadni għall-ewwel sezzjoni ta’ taħriġ.

X’jiġik f’moħħok meta nsemmilek il-Malta Wheelchair Basketball Accociation?

Il-Malta Wheelchair Basketball Accociation għalija mhuwiex biss isem ta’ assoċjazzjoni importanti, imma wkoll għaqda ta’ familja. Ma nistax inħalli barra lill-President tal-għaqda Noel Aquilina li kien hu ma’ xi membri oħra li kienu bdew din l-għaqda lura fl-2014. Il-fatt li l-Malta Wheelchair Basketball Accociation illum il-ġurnata m’ għadhiex ħolma iżda hija realtà jagħtini sodisfazzjon enormi.

Din ġej mill-fatt li l-membri tagħha, kemm dawk tal-kumitat kif ukoll dawk il-membri apparti, kif ukoll il-ġenituri jkunu minn tal-ewwel li joħorġu b’ideat ta’ kif ħa nkabbru l-isem tal-Malta Wheelchair Basketball Association.

Lagħabna ma’ timijiet bħal Hibs u Depiro fejn jidħlu timijiet nazzjonali kif ukoll mat-tim internazzjonali Birmingham Elite. Kellna wkoll attivitajiet bħal Beer Fest kif ukoll Car Free Day fil-Fgura. Kull meta mmur għas-sezzjonijiet ta’ taħriġ ninduna kemm kull persuna jagħti qalbu biex itejjeb l-abbilitajiet tiegħu kif ukoll l-għaqda tal-klabb.

Mill-esperjenza personali tiegħek, xi tħoss li huma l-akbar sfidi li hawn bħalissa fil-qasam tal-isports? U fl-opinjoni tiegħek, x’għandu jsir biex dan il-qasam ikun aktar miftuħ u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità?

Bħala sports u diżabilità nemmen li għalkemm imxejna ħafna ‘l quddiem għad hemm iktar xi jsir. Pereżempju, fejn jidħol reklamar u għajnuna nemmen li kif għidt diġà, imxejna ‘l quddiem iżda l-għajnuna dejjem tirrikjedi li tiżdied. M’iniex qed nitkellem biss fuq sports u d-diżabilità iżda sports inġenerali. Dan għal fatt li Malta meta tikkumpara ma’ pajjiżi oħra nemmen li għad baqalna xi jsir biex nilħqu ċerti livelli.

Il-Malta Wheelchair Basketball Accociation, mhuwiex biss miftuħ għal nies li għandhom xi tip ta’ diżabilità iżda miftuħ għal kulħadd. Dan hu pass important għax fl-opinjoni tiegħi għalkemm hemm kwalifiki differenti fejn jidħlu nies b’diżabilità u nies mingħajr diżabilità fiżika, kulħadd għandu jkollu dik l-opportunità li jagħmel xi tip ta’ sport jew attività oħra kemm jekk m’għandux diżabilità fiżika kif ukoll dawk li huma b’diżabilità.

Fejn jidħol sport u d-diżabilità nemmen li għandu jkun hawn iktar għarfien u għajnuna kemm minn għaqdiet mhux governattivi kif ukoll stazzjonijiet lokali. Il-Malta Wheelchair Basketball Accociation mhux l-ewwel darba li għamlet xi tip ta’ intervisti fosthom riċentament fejn nedejna Kits u emblema ġodda fuq il-midja soċjali.

Illum il-ġurnata int ukoll il-Maniġer tat-tim tal-basketball Depiro. Xi jfisser għalik dan ir-rwol?

Ir-rwol ta’ Team Manager mat-tim ta’ Depiro ġie f’mument fejn ma kontx qed nistennih. Dan għaliex minħabba l-pandemija, is-sezzjonijiet ta’ taħriġ kemm fil-Malta Wheelchair Basketball Accociation kif ukoll fi sports ieħor kienu weqfin. Niftakar meta kienet ġiet din l-opportunità kienu għadhom kemm spiċċaw il-logħob tan-nazzjonal tal-Basketball fejn Malta ġabet riżultati pożittivi fosthom l-U18s tan-nisa, li kklassifikaw fit-tieni post kif ukoll, it-tielet u r-raba’ post mit-timijiet tal-irġiel u n-nisa tal-kbar rispettivament. Niftakar ma tantx kienu ingħataw importanza fil-midja lokali u b’hekk niftakar kont esprimejt id-diżappunt tiegħi fuq il-midja soċjali għall-fatt li fost dawk li kien hemm jirrappreżentaw lil Malta kien hemm nies li llum il-ġurnata nsejħilhom ħbieb tiegħi. Meta kont ktibt il-post fuq Facebook, kien avviċinani is-CEO tal-klabb ta’ Depiro Ruben Baldacchino fejn kien staqsieni jekk ridtx nidħol bħala Team Manager tan-nisa. Bejn għall-fatt li kont qed nimmissja s-sezzjonijiet ta’ taħriġ peress li konna weqfin dak iż-żmien u bejn għaliex ridt nipprova xi ħaġa ġdida, mill-ewwel aċċettajt.

Meta nħares lura lejn l-esperjenza tiegħi s’issa, inħares lejn din l-esperjenza b’sodisfazzjon enormi. Kif għidt qabel, kont diġà naf xi nies li kont lagħabt magħhom fil-Malta Wheelchair Basketball Accociation. Apparti minn hekk, il-klabb mill-ewwel laqagħni b’idejh miftuħa u nħossni onorat li llum nifforma parti mill-iskwadra ta’ Depiro bħala team manager. Minn hawn nieħu l-opportunità biex mhux biss nirringrazzja lil Ruben Baldaccinho talli fdani f’din il-pożizzjoni iżda wkoll lit-tim kollu li llum il-ġurnata jqisuni wieħed minnhom.

Passjoni oħra tiegħek hija l-kitba. Xi tħoss li tagħtik il-kitba u kif nibtet din il-passjoni?

Il-kitba minn dejjem kont inħobbha. Fi żmien fejn kont nifforma parti mill-grupp Link Youths, mhux l-ewwel darba li ktibt xi artiklu. Fil-fatt l-awtobijografija tiegħi bdiet toriġina proprju minn hemm. Il-kitba tgħinni nidħol f’dinja għalija meta d-dinja reali nibda nħossha stressanti u b’hekk nirrilassa waqt li nkun qed nikteb.

Proprju 3 snin ilu ppubblikajt l-ewwel ktieb tiegħek bl-isem ta’ “Għaliex iċċedi meta Alla hu miegħek?”. Għidilna ftit dwaru għal min għadu ma qrahx.. Minn fejn ġiet l-ispirazzjoni għalih?

Malli qrajt “3 snin” ma stajtx nemmen li għadda daqshekk żmien! Qabel xejn nixtieq nirringrazzja lil Karl Coleiro kif ukoll lil Joseph Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin li għenuni nippubblikah. Kif għidt qabel, il-ktieb “Għaliex Iċċedi Meta Alla Hu Miegħek?” bdiet minn sempliċiment artiklu li kont ktibt fl-għaqda Link Youths. Fil-fatt, persuna oħra li ma nistax inħalli barra hija waħda mill-ikbar ħbieb tiegħi, AnneMarie Baldaccinho, li għenitni ħafna bil-kuraġġ.

Persuna oħra li ma nistax ninsa hija proprju l-Onorevoli Oliver Scicluna li kitibli d-daħla tal-ktieb. Meta l-membri bdew jaqraw dan l-artiklu, beda jintgħoġob ħafna. Minn hemm għidt li dak l-artiklu seta’ jkun xi ħaġa iktar minn sempliċiment artiklu. Fil-fatt, min jaqra l-ktieb jista’ jara li l-introduzzjoni hija l-istess artiklu li kont ktibt.

Il-ktieb “Għaliex Iċċedi Meta Alla Hu Miegħek?” jittratta l-istorja ta’ ħajti. Però mhux biss, dan għaliex apparti li jittratta l-affarijiet li għaddejt minnhom, jagħti importanza l-fidi kif ukoll lil dawk in-nies u familjari li kienu hemm mill-ewwel ġurnata ta’ ħajti sal-lum. Għalija l-familja u l-ħbieb huma l-iktar żewġ affarijiet important għax bis-saħħa tagħhom wasalt fejn wasalt illum il-ġurnata.

Beħsiebek tippubblika aktar kotba?

Mistoqsija li saritli malli ppubblikajt l-awtobijografija. Mistoqsija li għaliha nwieġeb “Min Jaf?”

Kemm tħoss li huwa importanti l-qari?

Il-qari huwa importanti. Nammetti, li mhux dejjem insib iċ-ċans biex naqra minħabba impenji ta’ skola u affarijiet oħra. Biss meta sibt iċ-ċans dejjem rajt kif għamilt u qrajt xi ħaġa. Il-qari jgħin kemm biex tiżviluppa l-opinjonijiet iżda wkoll jgħinek fil-fantażija u kif għidt qabel tidħol f’dinja oħra.

Int personali, kif tħares lejn id-diżabilità? Kif tiddefinixxiha?

Id-diżabilità ma nħossx li għandha titqies bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Anzi altru minn hekk. Għalija li twelidt bid-diżabilità, inħoss li hija xi ħaġa normalissima. Pereżempju, nies li jistgħu jimxu jużaw saqajhom biex imorru minn post għall-ieħor. Jien, min-naħa l-oħra nuża s-siġġu tar-roti. Persuna li għandha d-diżabilità għalija għandha titqies bħala kwalunkwe persuna li m’għandhiex diżabilità, xejn inqas u xejn iktar.

Liema huma l-ikbar sfidi li kellek tiffaċċja u li tħoss li rnexxielek tegħleb f’ħajtek s’issa?

Kull sfida li ffaċċjajt kienet differenti. Biss nemmen li l-ikbar sfida li qatt kelli (u li niftakar) kienet lura fl-2017 meta għamilt l-operazzjoni tal-iscolioses. Dan għaliex kienet l-ewwel darba li sifirt barra minn Malta biex għamilt intervent mediku. Apparti minn hekk kont ili nistenna din l-operazzjoni għal ħafna snin. Li tagħmel xahar ‘il bogħod minn familtek u sħabek hija diffiċli, kienet wisq diffiċli għalija. Dan apparti l-fatt li l-operazzjoni fiha nnifisha kienet waħda kbira ħafna.

Għadhom s’issa jiddu f’widnejja l-kliem ta’ missieri jgħidli “Għelibta din ukoll Aaron” u l-kliem t’ommi “mil-lum nibdew ngħoddu l-ġranet biex tiġi lura”. Bħalissa sfida oħra li nħoss li hija challenging fiha nnifisha hija l-iskola. Dan għaliex jien persuna nħobb ħafna l-iskola u l-Mcast tatni opportunità li nerġa’ nibda nistudja wara li kont waqaft għal diversi snin minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Li qiegħed fit-tieni sena tad-Degree hi xi ħaġa li dejjem xtaqt nagħmel, biss hija sfida fiha nnifisha li nistudja u nipprova nġib marki tajbin biżżejjed biex jekk Alla jrid niggradwa.

Liema mentalità ta’ kif is-soċjetà inġenerali tħares lejn persuni b’diżabilità tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar?

Jien persuna li l-iktar ħaġa li ddejjaqni meta d-diskussjoni taqa’ fuq id-diżabilità hi li ħafna nies għadhom jaħsbu li d-diżabilità hija xi ħaġa tal-“miskin” jew “jaħasra”. Fil-fatt dawn iż-żewġ kelmiet idejquni ħafna. Dan għaliex nemmen li d-diżabilità hija xi ħaġa li għandha titqies bħala xi ħaġa normalissima.

Ir-relazzjonijiet u l-persuni b’diżabilità. Mill-perspettiva u l-esperjenza personali tiegħek, x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Dejjem nisħaq li fejn jidħlu d-diżabilità u r-relazzjonijiet għadna wisq lura. Mhux biss f’Malta iżda inġenerali. Dan għaliex meta jkun hemm xi persuna b’diżabilità li tidħol f’relazzjoni l-ewwel ħsieb li tiġi f’moħħ min jaraha sfortunatament mhux “nawguralek” iżda “din/dan qed joħroġ mal-persuna b’diżabilità biss għal benefiċċji”. Spiss ninsew li nies b’diżabilità huma nies normali daqs kulħadd u għandna dritt inkunu relazzjoni jekk inkunu nixtiequ (u ovvjament tkun reċiprokata).

Għandu jkun hemm limitu għal ċajt, forsi anke ftit goff, fuq persuni b’diżabilità?

Jien persuna ċajtier ħafna. Min jafni jaf li nħobb niċċajta ħafna, anke bid-diżabilità tiegħi. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li meta xi ħadd ma jsibx post fejn ipoġġi naqbeż jien b’ċajta u ngħidlu “jien dejjem insib fejn inpoġġi bilqiegħda”. Biss nemmen ovvjament, li ċertu ċajt goff li jitqies bħala bullying inħoss li għandu jinqata’. Għall-grazzja t’Alla għalkemm għadek issib xi ftit, ma tantx għad baqa nies li jiċċajtaw b’mod goff li tista’ ssejjaħlu bullying.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għall-persuni b’diżabilità? Taħseb li għandu jiġi legalizzat f’Malta?

Suġġett li ma tantx jiġi diskuss normalment. Personalment jien ma naqbilx magħhom. Dan għaliex nemmen li l-intimità għandha tiġi mill-imħabba u mhux għax għall-bżonn. Dan ukoll jorbot mal-kwistjoni tar-relazzjonijiet. Jekk persuna li m’għandhiex diżabilità fiżika u mentali sabet l-imħabba mingħajr ma tiġi ġġudikata, għaliex persuna b’diżabilità m’għandhiex issib l-istess imħabba?

Taqbel ma’ istituzzjonijiet u għaqdiet li huma speċifikament għal persuni b’diżabilità biss? Taħseb li dawn huma kontradittorji tal-inklużjoni?

Istituzzjoni bħas-CRPD qiegħda hemm biex tqajjem l-għarfien dwar id-diżabilità. Dawn l-istituzzjonijiet illum il-ġurnata kienu t’għajnuna ħafna fejn tidħol l-inklużjoni. Għalkemm jinstemgħu kontradittorji, nemmen li mingħajr dawn l-istituzzjonijiet id-diżabilità għadha titqies bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn.

X’aspirazzjonijiet għandek għall-futur?

Aspirazzjonijiet għandi ħafna kieku. Fosthom li jkolli negozju tiegħi, nibni familja kif ukoll, ngħix ħajja iktar indipendenti. Apparti minn hekk, jien li mdaħħal fil-Malta Wheelchair Basketball Association, għandi l-ħolma li xi darba nirrapreżenta lil pajjiżi f’xi logħob.

X’messaġġ tgħaddi lil kull min qed jaqra din l-intervista?

Jien dejjem ngħid li kull ħolma li għandek tista’ twettaqha mingħajr ma tħalli lil ħadd jwaqqfek. Jekk temmen fik innifsek ħadd u xejn ma jista’ jwaqqfek milli tagħmel kull ħolma li għandek f’moħħok.

Jekk tixtieq tordna l-ktieb ta’ Aaron, Għaliex Iċċedi Meta Alla Hu Miegħek? Tista’ tagħmel dan minn hawn.

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

Nitkellmu ma’ Marilyn Mintoff

Marilyn, għidilna ftit dwarek.. min hi Marilyn Mintoff? U x’inhu xogħlok eżattament?

Jiena Marilyn. Għandi 28 sena. Ġejja minn familja ta’ 5, u jiena tewmija. Gradwata b’Baċċellerat bl-Unuri u bl-ewwel grad fil-Malti u kkwalifikata bħala qarrejja tal-provi wkoll. Ilni għal dawn l-aħħar kważi 5 snin naħdem mal-kumpanija WE Media Limited bħala producer u scriptwriter.

Bħala passatempi nħobb naqra ħafna u nara xi series tajjeb, u nqatta’ ħin mal-qattusa Minty. Inżomm ruħi aġġornata bil-ġrajjiet kurrenti li qed jiġru fil-pajjiż. Jiena nemmen ħafna f’Alla u fil-Knisja, u nipprova ngħix il-fidi tiegħi.

Kif iddeċidejt li tidħol fid-dinja tal-midja?

Il-kitba minn dejjem ħabbejtha. Kont nikteb poeżija ’l hemm u ’l hawn iżda qatt ma kont naf x’ridt insir. Lanqas wara li ggradwajt. Kont naf li nixtieq li b’xi mod dak li studjajt nibqa’ nużah, u għaldaqstant bdejt infittex xogħlijiet fejn nista’ nħaddem il-Malti.

Bdejt ma’ Newsbook u RTK dak iż-żmien, fejn esperjenzajt il-ġurnaliżmu, ħdimt ukoll mal-Bay Radio u mbagħad dħalt mal-WE Media fejn nistqarr li sfruttajt il-kreattività li kienet moħbija, bdejt nikteb u nipproduċi stejjer u hekk dħalt fid-dinja tal-midja.

Peppi Azzopardi. Xi jfisser għalik?

Peppi huwa l-bniedem li jispirani. Inħossni kburija li naħdem miegħu. Illum iktar milli kollega, inħares lejh bħala l-ikbar ħabib tiegħi. Kien hemm għalija, nista’ ngħid, fl-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi u kull pass għamiltu grazzi għalih. Dejjem jiggwidani, dejjem jgħallimni f’dak li għandu x’jaqsam mal-midja imma fuq kollox għallimni dak li qatt ma sibt fil-kotba, il-valuri Nsara fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum.

Diversi drabi kkummentajt li tgħallimt ħafna mingħand Peppi. X’inhi l-iktar ħaġa li tgħallimt mingħandu li għamlet differenza f’ħajtek?

Tgħallimt naħfer u nħobb anke lil minn weġġgħani f’ħajti. Dik l-ikbar ħaġa li tgħallimt mingħandu. Tgħallimt kif ngħin bla ebda kundizzjoni u bil-ħidma tiegħi ngħin lil min hu batut u lil min m’għandux vuċi.

Int li taf lil Peppi personali, x’taħseb li huma r-raġunijiet li ħafna drabi jiġi interpretat b’mod negattiv minn ħafna nies? X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Huwa qatt ma jagħmel xejn biex jingħoġob, u anke jekk jaf li b’dak li se jgħid u jagħmel jaf li ħa jkollu t-theddid jew lil kulħadd kontrih, jagħmilha xorta, għax jaf hemm lenti li forsi l-maġġoranza tan-nies mhux jarawha, iżda li hu qed jaraha. Għalhekk jieħu pożizzjoni li ħaddieħor m’għandux il-kuraġġ li jieħu. Jibqa’ jirsisti u jaħdem biex issir ġustizzja ma’ bniedem.

Jiena nemmen li meta tiltaqa’ personalment miegħu tibdel il-perspettiva tiegħek fuqu. Naf għax inqatta’ ħinijiet twal miegħu u persuni li għajruh jew weġġgħu, jiltaqgħu miegħu wara li jkun stedinhom huwa stess, u jaraw il-bniedem vera li ma jaħseb f’xejn għajr il-batut.

Ħafna jgħiduli ‘kemm intelaq Peppi’, ‘Meta se jaqta’ xagħru’, dan għaliex ħajtu jgħaddiha jaħseb f’ħaddieħor u mhux fih innifsu, u jieħu l-problemi ta’ ħaddieħor fuqu u jieħu azzjoni. Il-prijoritajiet tiegħu huma n-nies li għaddejjin minn problemi soċjali, u mhux kif se jidher tajjeb quddiem in-nies, għalih dan sekondarju fejn it-tbatija tan-nies.

Liema kien wieħed mill-mumenti li kellkom flimkien li tibqa’ tgħożż?

Naħseb l-iktar mument li nibqa’ ngħożż huwa meta kont għaddejja mill-ikrah perjodu ta’ ħajti u qgħad jismagħni u jibki miegħi, u ra x’għamel biex jiena nsib lili nnifsi.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

L-akbar sodisfazzjon meta bix-xogħol li nkun ipproduċejt, jissarraf f’għajnuna għal dawk fi bżonn. Meta tasal maratona, naf xi jkun ġej u x’sagrifiċċji rrid nagħmel u iva jiġu waqtiet diffiċli għax meta nara u mmiss il-mard bl-istejjer li nagħmlu nitkisser. Imma mbagħad dejjem inżomm f’moħħi li dak li qed nagħmel qed nagħmlu biex ngħin lil min qiegħed fil-bżonn. Allura meta nipproduċi l-clips ta’ maratona, u tinġabar somma sabiħa, ngħid dak kollu li għaddejt minnu, mhux biss iggwadanjat jiena għax dawn l-istejjer ikunu qed jibnu lili bħala persuna, imma iktar minn hekk qed jigwadanjaw in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.

X’tgħidilna dwar il-Professur Oliver Friġġieri u l-kuntatt li kellek miegħu?

Il-Professur Oliver, apparti kien wieħed mil-letturi tiegħi meta kont studenta l-Università, kien it-tutur tiegħi. Minbarra li f’għajnejja kien poeta u professur li għallimni, għalija kien Nisrani li evanġelizza lill-istudenti tiegħu, fis-silenzju, bla ebda daqq ta’ trombi.

Nimpressjona ruħi bl-umiltà li kellu Friggieri. Din tintwera fil-kitba tiegħu, meta jaħseb anke f’dudu, ħlejqa li fil-ħajja ta’ kuljum nafu li teżisti imma qajla jimpurtana minnha. Niftakar f’episodju minnhom meta waqt lekċer ikkwota dan il-proverbju; “Bdejt ingerger għax ma kellix żarbun sakemm rajt bniedem bla saqajn”. Friggieri kien iġibek konxja biex tħares lejn il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u mhux tiegħek biss, tapprezza dak li għandek u mhux f’dak li tixtieq li forsi m’intix bżonnu fil-verità. Iżda l-imħabba li kellu Friggieri ma kinitx biss lejn il-ħlejjaq iż-żgħar. Kien jimpurtah ukoll mill-bniedem, dak li għandu vuċi, mhux bħal dudu li m’għandux, u kien jirrikonoxxi t-tbatijiet li jkollu jgħaddi minnhom.

Ir-relazzjoni ta’ bejnietna baqgħet anke wara li jiena gradwajt. Konna nikkomunikaw b’xi telefonata imma l-iktar bl-imejls. Darba bgħattlu biex nistaqsih kif inhu u kien bagħatli hekk:

Għażiża Marilyn, M’iniex ħazin, nirringrazzja lil Alla. Meta mbagħad għad jiskot fommi, u riġlejja jeħlu mal-art, u nteftef b’idejja t-tnejn biex nagħti l-aħħar passi, nittama li nkun għedt kull kelma li kelli nagħżel fil-kuntratt ta’ ħajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta’ xi ħadd, minn dudu sa bniedem.

U mbagħad meta idi tingħalaq bħal warda li ma tistax tiftaħ, u tieqaf u l-pinna taqagħli minn idi, imbagħad, nittama li jkun sebaħ, u nkun tgħallimt il-lingwa tas-skiet. Jekk għad fis-skiet niskopri ħsejjes ġodda, u jarġa’ jaqa’ f’ħoġri l-kliem mill-għoli, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bħali, … allura l-alfabett ikun ħafif, u b’id titriegħed, l-id bla żmien ta’ tfajjel, nonqox bih ktieb ieħor. Sa dak il-ħin bl-arloġġ marbut mal-polz li għadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f’postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor.

Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal nagħżel kelma oħra. Għażiża Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma ‘Alla’. Ma rrevedejthomx. Żommhom bħala ringrazzjament lilek għall-ġentilezza tiegħek. Għadni nikteb eccetra, u nippubblika kotba u artikli barra minn Malta, bħal qabel… Meta jogħġbok għaddi, u qis li tgħidli kull meta taħseb li nista’ nkunlek ta’ xi għajnuna. Ibqa’ emmen, ibqa’ tbissem – ikun xi jkun it-temp, ibqa’ tajba, ikun xi jkun it-temp.

Meta kont qrajtha, niftakar li kont tħassibt ħafna. U ktibtlu lura hekk:

Żgur mhux forsi ħallejtni bla kliem. Napprezza ħafna l-e-mail li bgħattli u dan il-kliem se ngħożżu għal dejjem. Profs, offrejt il-quddies għalik u ħafna talb għalik. Nixtieq li nsibu ċans u niltaqgħu ftit, jekk ma jimpurtax sabiex fl-istess ħin ngħaddilek kopja tat-teżi tiegħi li saret bl-għajnuna u l-kuraġġ tiegħek. Bilħaqq, missejt ħafna qlub tibżax u bl-azzjonijiet tiegħek naf fiċ-ċert li wassalt lil Kristu lil diversi nies, fosthom l-istudenti.

U ftit ġranet wara fil-fatt kont mort inżuru l-uffiċċju, fejn bħalma kien jagħmel ħafna drabi, qabel ħriġt tani ktieb minn tiegħu u ffirmah. Għadda ż-żmien. Bqajna f’kuntatt sa ftit xhur ilu qabel ma ħalliena. Dakinhar li miet ħassejt li għandi nesprimi ruħi bil-kitba fuq il-midja soċjali, imma x’se ngħid ma kontx naf. Dak il-ħin mort lura għall-imejls li konna nibagħtu lil xulxin u telgħet dik l-imejl li kien bagħatli, li fih jiddeskrivi l-vjaġġ tal-mewt tiegħu.

Bkejt, u domt nibki. Ma stajtx naċċetta li mhux se jkun hemm okkażjoni oħra li nitkellem miegħu jew li nisma’ ‘kif nista’ ngħinek onorevoli?’ kif kien isejjaħli biex jaqbad miegħi minħabba li kunjomi l-istess bħal ta’ eks Prim Ministru. 

Minbarra li ma stajtx naċċetta li ħalliena, indunajt kemm kienet profonda dik l-imejl u bdejt nistaqsi imma kif minn tant nies, qasam dan kollu miegħi. U ddeċidejt li bħalma huwa qasam il-vjaġġ tal-mewt tiegħu miegħi, jiena għandi naqsamha mal-pubbliku, speċjalment meta fil-kuntratt ta’ ħajtu ttama li mess il-qalb ta’ xi ħadd, minn bniedem sa dudu. Xtaqt li jkun jaf li mess mhux qalb waħda imma ta’ bosta. Iktar tard filgħaxija, tikteb in-neputija tiegħu tgħid li l-Professur Friggieri miet bħalma kien qal lili.

Marilyn, naf li l-ansjetà hija sfida kbira f’ħajtek. Meta kien il-mument li ġejt l-aktar konxja li qed taħkmek l-ansjetà? X’kienu s-sintomi li l-iktar li kienu qed jaffettwawlek ħajtek?

Minn dejjem kont bniedma anzjuża iżda tlift il-kontroll sena ilu, meta eskalat. Kont għaddejt minn sitwazzjoni fejn tlift kull tama fil-ħajja, fil-bniedem u fuq kollox tlift lili nnifsi. Ma bqajtx nagħraf jiena min jien. Ġranet ma nikolx, ma norqodx, u kien jiddispjaċini li l-għada se naffaċċja ġurnata oħra hekk. Kont għejejt ngħix. Fi ftit xhur tlift mat-18-il kilo. Mhux għax ridt imma għax l-ansjetà bdiet tikolni minn ġewwa. L-agħar mument kien ikun filgħodu, meta kont inqum, u kont inħossni għajjiena siegħa biss wara li nkun qomt. Qalbi tkun trid toħroġ minn postha, kont inħossni maqtugħa mill-ħajja reali, konfuża, dardir liema bħalu, u ħsibijiet wieħed wara l-ieħor tal-uġigħ, ta’ dak li affaċċjat u dak li għadni rrid naffaċċja.

Ladarba kont konxja, kif irnexxielek tiffaċċjaha? X’għamilt dwarha?

Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont. Għamilt kuntatt ma’ Richmond Foundation u bdejt ningħata l-għajnuna. Insofri minn high functioning anxiety u high functioning depression. Minkejja dan, persuna bħali xorta tmur għax-xogħol u tagħmel l-affarijiet ta’ kuljum, iżda ssofri fis-skiet, għax għad-dinja ta’ barra jaraw din il-persuna kompletament f’saħħitha iżda l-persuna li qed tgħaddi minnha tkun qed iġġorrha fi skiet.

Illum għadni qed ningħata t-terapija minn Claire Borg, grazzi għal Richmond Foundation, u għadni bil-medikazzjoni, imma l-ikbar xogħol irrid nagħmlu jiena wara u qabel kull sessjoni, fejn grazzi għat-terapista tiegħi, nipprova nikkontrollaha, u fuq kollox is-sigriet wara dan kollu huwa li nħobb lili nnifsi. Indunajt, bl-għajnuna, li ġrali li ġrali għax qatt ma ħabbejt lili nnifsi biżżejjed u dejjem poġġejt lill-persuni oħra, ix-xogħol u ċ-ċirkostanzi qabel lili nnifsi u b’hekk tlift lili nnifsi. Jiena ma ngħidx li erġajt sibt lili nnifsi imma li wara 27 sena, issa sibt lili nnifsi, issa qed inħobb lili nnifsi u l-kuntentizza ma nħallihiex tiddependi minn ħaddieħor jew minn esperjenzi, imma nfittixha u nsibha fija nnifsi. L-eżerċizzji li qed nitgħallem mit-terapija nipprova nagħmilhom u fuq kollox inżomm lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajti, u nfakkar lili nnifsi li nibqa’ nippersisti biex jiena nkun aħjar, inħossni aħjar, inħobb u nkun hemm għal ħaddieħor bla ma ninsa lili nnifsi għax dak il-qiegħ li jiena missejt, ma rridx nerġa’ mmissu. Mhux qed ngħid li ma ngħaddix minn mumenti simili, imma nipprova nikkontrolla lili nnifsi. U dan grazzi għat-terapija, għall-familja, għal sħabi; b’mod partikolari lil Peppi, Mandy u Maria.

Taħseb li hawn biżżejjed kuxjenza dwar is-saħħa mentali? Taħseb li saret aktar faċli li wieħed jitkellem u jfittex l-għajnuna mingħajr ma jiġi ttimbrat jew iġġudikat?

Qatt mhu biżżejjed. Dejjem hemm xi jsir. Però nemmen li bl-għarfien li qed jitqajjem qed issir iktar faċli biex bniedem jitkellem u jfittex l-għajnuna. Naħseb li kull bniedem f’ħajtu se jmiss ma’ esperjenzi li se jaffettwawlu s-saħħa mentali tiegħu, u jekk jibża’ li se jiġi ttimbrat jew iġġudikat, għandu jżomm f’moħħu li mhuwiex waħdu, u ma jħalli xejn u lil ħadd iżommu lura milli jingħata l-għajnuna, għax din l-għajnuna se tbiddlu ħajtu. Ġieli jgħiduli, “kif għadek tieħu l-pirmli? jew “Issa pprova naqqashom” jew, “Dawn ma għandekx bżonnhom, kapaċi waħdek. Dawn se jikkontrollawlek ħajtek.” F’qalbi ngħid, għad fadal xi jsir. Li tirkupra ma jfissirx li tkun fiqt għax dan huwa proċess, kollu tlajja’ u nżul.

Taħseb li għandu jkun hawn aktar għarfien dwar kif il-persuni li jkunu l-iktar qrib tal-individwu li jkun għaddej minn sfidi psikoloġiċi jistgħu mhux biss jifhmu aktar imma jgħinu lill-individwu bl-aħjar mod?

Iva naħseb li għandu jkun hawn iżjed għarfien. Jiena nħossni xxurtjata li għandi l-familja u l-ħbieb li dejjem fehmuni f’dan il-perjodu. Imma fehmu jew għax għaddew jew qed jgħaddu minnha jew għax esperjenzawha fil-viċin ma’ ħaddieħor. Meta bniedem tarah f’dik is-sura, titlaq kollox biex terġa’ tarah f’saħħtu mill-ġdid, għax apparti li jbati l-persuna li tkun għaddejja minnha, il-familja tbati wkoll. Ġieli ġraw episodji koroh, fejn ħuti Adriana u Annalise, u ommi u missieri telqu kollox minn idejhom biex jiġu ħdejja ħalli jgħinuni għax tant kont inħossni ħażin li kont nibża’ minni nnifsi.

Mill-esperjenza tiegħek, x’inhi l-iktar ħaġa li jagħmlu jew jgħidu n-nies li ma tgħin xejn lil min ikun għaddej minn sfidi psikoloġiċi, u l-ħaġa li tgħin ħafna?

L-iktar ħaġa li ma tgħinx fejn in-nies jaħsbu li dan huwa biss ‘dwejjaq’. Tismagħhom jgħidu ‘illum ftit depressed’. Meta sfidi psikoloġiċi huma aktar minn dwejjaq. Ċerti kummenti bħal dawn inħoss li ma jkunux qed jifhmu, u ma nagħtihomx tort għax sinjal li baqa’ iktar xi jsir. L-iktar ħaġa li tgħin huwa li jkunu hemm jappoġġjawk, li jistaqsu kif inti, u ma jitilquhomx. Telefonata jew messaġġ tagħmel differenza.

Illum, kif tħossok? Kif jirnexxilek tkompli bil-ħajja tiegħek u żżomm l-ansjetà taħt kontroll?

Illum inħossni aħjar. Kif għedt, għadni ningħata u nieħu l-għajnuna, u bl-eżerċizzji li tgħidli bihom it-terapista jgħinuni nżomm l-ansjetà taħt kontroll. Illum naf x’għandi nagħmel biex mhux l-ansjetà tikkontrollani imma jiena nikkontrollaha.

Int tipproduċi diversi maratoni u tiltaqa’ ma’ diversi stejjer li wħud minnhom ikunu diffiċli ħafna. Kif jaffettwawk personalment? U liema żewġ stejjer li ħallew l-iktar impatt fuqek personali?

Jaffettwawni, iktar u iktar meta jiena nbati minn problemi ta’ saħħa mentali imma t-terapija qed tgħinni wkoll f’dan ir-rigward. Jaffettwawni bla ma nkun naf għax anke nħoss xi ħaġa, moħħi jmur għal xi storja li nkun smajt u nibda naħseb li għandi bħal dik il-persuna, meta nagħmel iljieli sħaħ noħlom fuq rakkont ta’ persuna u ma nkunx nista’ nneħħih minn quddiem għajnejja, il-biki li nibki għax inkun irrid lil dawn il-persuni jfiqu u nkun irrid ngħinhom imma ma nkun nista’ nagħmel xejn ħlief li nitlob għalihom. Jaffettwawni. U naħseb l-iżjed perjodu diffiċli fil-karriera tiegħi meta tlajt Sutton, l-Ingilterra, u intervistajt nies morda bil-kanċer għall-maratona ta’ Puttinu li kellha ssir fuq Xarabank.

Hemmhekk stajt inħoss iktar it-tbatija ta’ dawn in-nies, li apparti huma morda, stajt nara t-tbatija tagħhom għax huma ’l bogħod mill-familja tagħhom. Perjodu żgur li ma ninsa qatt għax kien il-perjodu li apparti smajt u rajt il-mard b’għajnejja, meta kont hemm tlift liz-ziju tiegħi Joe, u nżilt lura naffaċċja funeral u kien l-istess perjodu meta jiena għamilt il-‘coming out’ tiegħi bħala persuna gay. Però ħaġa pożittiva hija li dawn l-istejjer u l-intervisti, għallmuni nkun iktar sensittiva lejn il-proxxmu tiegħi.

L-iktar storja li ħalliet impatt kbir hija ta’ Ellie. Ellie għamlet sentejn u nofs l-Ingilterra għall-kura. Għal 3 snin sħaħ, kienet tagħmel sa 18-il siegħa kuljum taħt dawl apposta. Hemmhekk l-ingilterra kienet qed tistenna trapjant tal-fwied. Serqitli qalbi nara lil din iċ-ċkejkna, trid tagħmel dawk is-sigħat kollha taħt dak id-dawl. Sena ilu intervistajnieha, din id-darba imma mhux l-Ingilterra, imma Malta, tgħidilna ta’ tifla li hi kif issa għandha fwied ġdid u li tħossha aħjar. Li rajt lil din it-tifla tarbija l-Ingilterra marida u li wara 3 snin qed naraha b’saħħitha, tgħidilna dak li għaddiet minnu, kien vjaġġ li matulu esperjenzajt in-niket u l-ferħ ukoll, għax bis-saħħa tal-kura u tal-għajnuna tal-Maltin, illum Ellie b’saħħitha.

Liema tqis li kienu l-ikbar kisbiet tiegħek s’issa fil-karriera u anki fil-ħajja personali?

L-akbar kisbiet fil-karriera tiegħi meta qrajt l-aħbarijiet, meta kont l-editur ta’ xarabank.com.mt (l-iktar meta kont l-ewwel waħda li rrapportajt l-istorja ta’ dak ir-raġel li ra l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem għajnejh), meta kont il-maniġer ta’ Xarabank, meta bdejt nipproduċi l-programmi ta’ Xarabank u l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u meta ppreżentajt xi maratoni ta’ ġbir ta’ fondi. L-akbar kisbiet fil-ħajja personali meta ggradwajt bl-ogħla grad fil-B.A fil-Malti, meta kkwalifikajt uffiċjalment bħala qarrejja tal-provi, meta għamilt il-coming out tiegħi, meta għamilt interventi mediċi u meta tgħallimt kemm hi sabiħa l-imħabba.

Liema kawżi int l-iktar passjonata dwarhom? U għaliex?

Kull kważa soċjali hija għal qalbi imma l-iktar meta rajt inġustizzja ma’ bniedem, u bil-ħidma tagħna, rajna l-ġustizzja sseħħ fil-konfront tiegħu.

Xi jġiegħlek tħossok fil-paċi?

It-talb u l-meditation jgħinuni nkun fil-paċi, imma li nsib ħin għal waħdi, b’xi kikkra kafè, b’xi ktieb f’idejja u l-ħoss tas-silenzju, jgħinuni nkun fil-paċi wkoll.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ ngħix ħajti bis-sempliċità kollha, u li nibqa’ kuntenta u nħobb lili nnifsi, u lil ta’ madwari.

Enable Notifications OK No thanks