by skoperta.net | 22/Mar/23 | Stejjer Umani
Il-paġna ta’ Puttinu Cares din id-darba tlaqqagħna ma’ Yann.
Ta’ 11-il sena, Yann kellu kanċer f’moħħu. Huwa beda t-trattament tiegħu f’Rainbow Ward fejn hu jistqarr li mill-ewwel ġurnata, hu u l-familja tiegħu sabu s-sapport ta’ Puttinu.
Yann jirrakkonta kif wara t-trattament, kellu bżonn jitla’ Londra għal operazzjoni u bis-saħħa ta’ Puttinu, hu u l-familja tiegħu sabu appartament b’xejn jistennihom biex jgħixu fih sakemm ikun qed jieħu l-kura fl-Ingilterra.
“Puttinu kien is-serħan tal-moħħ għall-familja tagħna u parti importanti mill-fejqan tiegħi,” jistqarr Yann.
Illum, Yann għandu 19-il sena u qed jistudja fl-Università ta’ Malta, u huwa wkoll voluntier ma’ Puttinu Cares. “Fil-Ġimgħa l-Kbura nħeġġukom tingħaqdu miegħi u ngħinu lil Puttinu sabiex ikun jista’ jitlesta l-proġett il-ġdid fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex Puttinu jkun jista’ jkompli jgħin iżjed familji Maltin u Għawdxin,” jappella Yann.
by skoperta.net | 22/Mar/23 | Konf Taf?, Personalitajiet, Stejjer Umani
Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, it-tim ta’ Puttinu Cares sellem il-memorja tal-Konsulent Victor Calvagna hekk kif proprju llum jimmarka l-jum ta’ għeluq sninu.
I”Kieku llum qed niċċelebraw il-birthday tiegħek. Illum kieku xtrajnilek kejk. Illum kieku qed niddiskutu l-maratona tal-Ġimgħa l-Kbira. Illum kieku rajnik! Imma xejn ma nistgħu nagħmlu minn dan hlief nimmisjawk, inxerrdu xi demgħa, nidħku b’xi memorja ħelwa,” tgħid il-kitba.
Fl-istess kitba, it-tim ta’ Puttinu Cares qal li għalkemm ma jistax jagħti rigal lil Dr Victor Calvagna, l-isbaħ ħaġa li jista’ jagħmel hi li l-binja ta’ Londra tissemma proprju għalih. “Binja Victor Calvagna… Għalik għażiż li tant xtaqt tara dan il-proġett iseħħ, inti li tant kellek għal qalbek il-pazjent. Insellmulek Dr. Calvagna, żgur li ma nistgħu ninsewk QATT”
F’isem it-tim ta’ Skoperta, insellmu l-memorja ta’ Dr Victor Calvagna.
by skoperta.net | 21/Mar/23 | Konf Taf?, Personalitajiet, Stejjer Umani
Illum huwa jum speċjali għall-atleta tant maħbub Jake Vella, għaliex huwa l-jum ta’ għeluq sninu.
Minkejja d-diversi sfidi li jiffaċċja, Jake ma jieqaf qatt ikun xempju ta’ ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minna.
Għalkemm se jqatta’ għeluq sninu l-isptar Mater Dei, fejn ilu rikoverat għal diversi ġimgħat, Jake jibqa’ jiffaċċja l-ħajja bi tbissima, determinazzjoni u mħabba, li jittrażmetti wkoll lil ħaddieħor.
F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, missieru Josie, awgura lil ibnu u stqarr li minkejja li mhuwiex l-isbaħ jum ta’ għeluq sninu minħabba li jinsab l-isptar, għalihom huwa jum speċjali li għadhom qed igawduh u jarawh sejjer għall-aħjar. “Bit-tbissima u d-determinazzjoni li għandek kapaċi tirbaħ kull battalja. Inħobbuk,” żied jgħid.
F’dan il-jum, Jake għażel li mill-kamra tal-isptar tiegħu jwassal messaġġ lis-segwaċi tiegħu biex iħeġġiġhom jingħaqdu ma’ Puttinu Cares fil-maratona li se ssir fil-Ġimgħa l-Kbira.
Min-naħa tiegħu t-tim ta’ Puttinu Cares wassal ukoll l-awguri tiegħu lil Jake. “Ħafna jgħidulek li int ta’ ispirazzjoni, imma għalina int aktar minn hekk. Għalina int leġġenda ħajja u timliena bil-kuraġġ, determinazzjoni u fuq kollox, bl-imħabba. Grazzi lill-ġenituri sbieħ tiegħek.”
F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Jake l-isbaħ xewqat għal-lum u kuljum.
by skoperta.net | 18/Mar/23 | Ġrajjiet, Kurrenti, Stejjer Umani
Ritratt li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar sigħat huwa ritratt kommoventi li juri żewġ ommijiet li għaddejjin minn tbatija u wġigħ indiskivibbli.
Żewġ ommijiet li kellhom jiffaċċjaw l-agħar ħaġa li omm qatt tista’ tesperjenza, it-telfa ta’ wliedhom. It-tnejn li huma qed jistennew li sseħħ ġustizzja.
Ir-ritratt juri lil omm Pelin Kaya u lil omm Jean Paul Sofia jitgħannqu. Tgħanniqa li tgħid ħafna aktar minn kull kelma li tista’ titlissen.
F’kitba li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu flimkien mar-ritratt, is-sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché rrefera għat-tnejn bħala “ommijiet imkissra li qed jistennew ġustizzja wara t-telfa kiefra tat-tfal tagħhom.”
Madankollu, huwa żied jgħid li l-ġustizzja mhix biżżejjed għal dawn l-ommijiet. “L-istat irid jara x’wassal għal dawn l-inċidenti u jaħdem biex tali inċidenti ma jerġgħux iseħħu, biex it-tfal taghhom ma jkunux mietu għalxejn,” saħaq Conrad Borg Manché.
by skoperta.net | 11/Mar/23 | Stejjer Umani
Din id-darba, il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares laqqagħtna ma’ Jennifer.
Tliet xhur qabel iżżewġet, fl-età ta’ 36 sena, Jennifer saret taf li kellha kanċer tas-sider.
Minħabba li riedet tibda t-trattament tal-kimoterapija malajr kemm jista’ jkun, Jennifer kellha tbiddel id-data taż-żwieġ għal aktar qabel.
Jennifer iżżewġet f’Lulju u bdiet il-kimoterapija fl-aħħar tal-istess xahar. Aktar tard saritilha operazzjoni, li minnha nstab li l-kanċer kien ferm kiefer.
Madankollu, grazzi għal kull min b’xi mod għen u kien ta’ sapport għal Jennifer, għadha qed tgawdi lill-familja tagħha u lil dawk kollha għeżież għaliha.
Bid-donazzjoni li se tagħti int fil-maratona li se ssir nhar is-7 ta’ April, fil-Ġimgħa l-Kbira, se tkun qed tgħin lil Puttinu Cares ikompli jgħin u jagħti tama lil tfal u persuni bħal Jennifer sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgawdu lill-għeżież tagħhom.
by skoperta.net | 09/Mar/23 | Konf Taf?, Stejjer Umani
Il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares laqqagħtna ma’ Annalise Caruana.
Annalise, li kienet l-ewwel pazjenta tal-maħbub Dr. Victor Calvagna, ġiet iddijanjostikata b’kanċer meta kellha 12-il sena.
Flimkien mal-ġenituri tagħha, Annalise għaddiet minn tbatija kbira fiż-żmien li kellha tagħmel sena l-Ingilterra mingħajr għajnuna meta Puttinu kien għadu ma jeżistix.
Illum, Annalise għandha żewġt itfal u ilha voluntiera ma’ Puttinu Cares għal dawn l-aħħar 9 snin u tieħu ħsieb il-bookmarks kollha tat-tiġijiet u okkażjonijiet oħra bħal praċett, griżma u ta’ għeluq is-snin.
Permezz tal-esperjenza tagħha, Annalise tixtieq twassal messaġġ lilek li qed taqra dan l-artiklu biex nhar il-Ġimgħa 7 ta’ April, fil-Ġimgħa l-Kbira, tgħin lil Puttinu Cares biex ikompli jgħin aktar nies li jiġu bżonnu ħalli ħadd ma jesperjenza t-tbatija li għaddew hi u l-ġenituri tagħha meta ma kienx hemm għajnuna.