L-Akkuża – Dramm tal-passjoni li jwassal l-istorja ta’ mara akkużata b’adulterju

L-Akkuża – Dramm tal-passjoni li jwassal l-istorja ta’ mara akkużata b’adulterju

Fl-għeluq il-ħamsa u għoxrin anniversarju, il-grupp tad-drama ta’ San Sebastjan bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa San Sebastjan u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, se jtella’ d-Dramm tal-Passjoni bl-isem, ‘L-Akkuża’ fuq kitba ta’ Joanne Debrincat, taħt id-direzzjoni ta’ Shaun Formosa.

Għalkemm id-dramm huwa ambjentat u jlaqqana’ ma’ karattri fi żmien Ġesù Kristu, il-ġrajja tlaqqagħna ma’ diversi personaġġi fittizji, li permezz tal-immaġinazzjoni tal-awtriċi, tippreżentalna diversi esperjenzi u s-sitwazzjonijiet, li s-soċjetà tagħna tgħaddi minnhom ta’ kuljum, għalhekk nistgħu nirreletaw iżjed magħhom.

Ħagar. Mara tad-dar, tgħix ħajja komuni u kieku mhux għax għandha lil uliedha, monotona. Ftit kienu jafu bl-eżistenza ta’ Ħagar, ħlief dawk li kienu jgħixu madwarha. Iżda f’daqqa waħda sar jaf biha kulħadd.

“Mgħallem, qed taraha lil din il-mara? Ftit ilu nqabdet tiżni fil-fatt. Hawnhekk, hawn min qed jakkużaha għax raw b’għajnejhom stess. Għalkemm ir-raġel li miegħu nqabdet tidneb irnexxielu jaħrab, dawn huma lesti jixhdu li ma kienx żewġha!”

Spiċċat is-suġġett tal-ġurnata. Inqabdet f’adulterju. Kulħadd beda jipponta subgħajh lejha biex jakkużaha. Iżda l-ġrajja tagħha kienet differenti u għall-kuntrarju ta’ min kien jiġi akkużat bħalha, minflok ma sabet ruħha quddiem il-mexxejja ta’ ġensha, sabet ruħha quddiem Ġesù.

“Ma kontx hawn, kieku jien kont nitfagħlha l-ewwel ġebla. Beżgħu minn dellhom. Ħelsitha minn id il-ġustizzja iżda minn idi mhix se teħlisha!”

X’se jiġri wara li Ħagar tiġi meħlusa minn ħalq il-mewt? Se jerġa’ jigi kollox għan-normal? Żewġha Għażarija lest li jaħfrilha? Uliedhom se jispiċċaw imċaħħda mill-imħabba tal-ġenituri tagħhom?

Dan id-dramm se jkun qed jittella’ ġewwa t-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi, nhar it-Tnejn 3, it-Tlieta 4 u l-Erbgħa 5 ta’ April, fit-8:15 ta’ filgħaxija.

Għal aktar tagħrif u biex tixtri l-biljetti, tista’ tagħmel kuntatt mal-grupp tad-drama ta’ San Sebastjan permezz tal-paġna ta’ Facebook jew billi ċċempel fuq 79092963.

Belle u l-Mostru – Rappreżentazzjoni b’kitba ta’ Trevor Zahra fl-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk

Belle u l-Mostru – Rappreżentazzjoni b’kitba ta’ Trevor Zahra fl-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk

Il-Malti jgħid, mhux kulma jleqq hu deheb. Is-sbuħija vera mhix dik li tidher minn barra, imma dik li tinsab fil-ġewwieni tal-bniedem. Huma ħafna l-ħrejjef li jisħqu fuq dan, fosthom iż-żrinġ li jinbidel fi prinċep, is-saħħara li fil-verità tkun tfajla sabiħa u s-Sbejħa u l-Mostru, jew kif se naraw fir-rappreżentazzjoni, Belle u l-Mostru.

Ibbażata fuq il-musical ta’ Disney, b’kitba ta’ Trevor Żahra, f’din ir-rappreżentazzjoni se niltaqgħu ma’ Belle, tfajla ħelwa li kapaċi tara lil hinn mid-dehra tal-Mostru. Tfajla li taf tħobb u li għandha l-għerf li tinduna li, kif tgħidilna hi stess, “Il-wiċċ u s-sura jistgħu jqarrqu bina… u dak li mad-daqqa t’għajn jidher stramb ikollu taħt il-qoxra ġmiel mill-aqwa.”

Din ir-rappreżentazzjoni se ssir nhar il-Ħamis, 23 ta’ Marzu 2023, fis-7:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola primarja ta’ Marsaxlokk.

Opportunità biex twarrbu fil-ġenb il-ħsibijiet u t-toqol li ġġorru magħkom kuljum u tħallu l-maġija ta’ din il-ħrafa tkaxkarkom magħha. Flimkien nerġgħu nġeddu l-memorji tat-tfulija u nesperjenzaw mill-ġdid is-seħer ta’ ħrafa li ma jispiċċa qatt.

Jekk tixtieq tattendi, tista’ tibbukkja billi ċċempel fuq 25986350 u tistaqsi ghal Josianne Gauci, jew tibgħat imejl fuq josianne.gauci@ilearn.edu.mt jew mill-bieb għall-prezz ta’ €5.

Bil-filmat: André Penza jirrakkonta l-passjoni ta’ Ġesù bix-xogħol tal-idejn

Bil-filmat: André Penza jirrakkonta l-passjoni ta’ Ġesù bix-xogħol tal-idejn

Kulħadd jaf lil André Penza bħala wieħed mill-atturi stabbiliti li għandna f’Malta, li huwa wkoll sinonimu mal-interpretazzjoni tal-parti ta’ Kristu, iżda sena ilu, skoprejna li l-passjoni tiegħu għall-arti ma jesprimihiex biss fir-reċtar iżda wkoll fix-xogħol tal-idejn.

Hekk kif 3 snin ilu faqqgħet il-pandemija tal-covid-19 u kulħadd kellu joqgħod id-dar, André iddeċieda li jimla l-ħin billi jesperimenta ftit bit-tafal, xi ħaġa li qatt ma kien qabad b’idejh qabel.

Dan wasslu biex eventwalment ħoloq presepju, kollu kemm hu maħdum bix-xogħol tal-idejn, bil-figuri b’kollox.

Għalkemm kien sodisfatt immens b’dak li għamel, André jgħid li kien konvint li jekk jiddedika iktar ħin, jista’ jagħmel aħjar u għalhekk iddeċieda li jerġa’ jibda kollox mill-bidu.

Fil-fatt, għat-tieni darba, André ħadem presepju li jirrakkonta l-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu.

Il-passjoni u d-dedikazzjoni li għandu għall-arti, tirrifletti fil-filmat li qasam magħna fejn wieħed jista’ japprezza x-xogħol artistiku tiegħu, kemm tax-xogħol tal-idejn kif ukoll fil-mod viżwali u tekniku ta’ kif qed iwassal dan ir-rakkont.

Għamilna kuntatt ma’ André biex niskopru aktar dwar il-proċess biex wasal għar-riżultat finali.

André, x’jirrikjedi l-proċess biex jinħadem presepju bħal dan?

Tista’ tgħid li m’għaddietx ġurnata waħda li ma mortx il- garaxx, daqqa nahdem fuq xi figura u daqqa naħdem fuq il-presepju. Meta kienet tiġi xi ġurnata li matulha ma kontx insib ħin naħdem fuqu kont immur fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Li kieku m’għamiltx hekk ma kontx inlesti żgur.

Il-proċess tat-tafal huwa impenjattiv ħafna u kull figura fiha sfida differenti mill-figuri li tkun għamilt qabilha minħabba l-pożizzzjonijiet u l-espressjonijiet. Hekk kif kont nimmaġina kif gejja xi xena, nibda billi nagħmel figura mingħajr ħwejjeġ u nagħtiha l-pożizzjoni biex imbagħad kif tinxef, naghmel l-ilbies. Wara mbagħad jibda x-xogħol tal-ixkatlar. Din l- iktar ħaġa li nidejjaq u nibża’ nagħmel għax mhux darba jew tnejn li figura nqasmet f’idi, għax it-tafal huwa fraġli ħafna speċjalment f’dak iċ-ċokon. Wara l-ixkatlar imbaghad jibda l-proċess taż-żebgħa u sfumar.

Min-naħa l-oħra l-presepju joffri sfidi oħrajn. L-ewwel tibni qafas sod, imbaghad tibda tibni ftit ftit. Waqt dan kollu trid taħseb u tippjana kif se tgħaddi d-dwal b’mod li meta tlesti dawn il-bozoz jekk jista’ jkun ma jiġux jidhru.

L- iktar biċċa li tagħtini sodisfazzjon hija meta tibda tagħti l-kulur, għalkemm wara li jinxef, mhux dejjem jiġi eżatt kif tkun ippjanajt. Hemm partijiet fejn żbajthom seba’ jew tmien darbiet qabel ħriġt il-kulur li nkun xtaqt. Qabel dan il-proċess ngħaddi diversi ġranet nosserva l- ġebel, veġetazzjoni, il-blat u l-bini sabiex kemm jista’ jkun jiġi realistiku. Hawn ippruvajt ninvolvi lil tal-familja u tista’ tgħid li kulħadd għandu sehem fih, min qatagħli xi karti f’forma ta’ weraq, min żebagħ xi biċċa blat eċċ.

Iżda x-xogħol fuqu mhuwiex biss meta tkun qed taħdem fuqu fiżikament. Fil-kumplament tal-ħin, moħħok xorta jkun qed jhewden u nkun fejn inkun dejjem niġbor u naħżen l-imbarazz fosthom zkuk u weraq li minnhom, wara proċess ta’ preservazzjoni mbagħad noħloq is-siġar u pjanti għall-istess presepju. Ta’ min jgħid li l-presepju huwa magħmul, tista’ tgħid kompletament, minn materjal reċiklat li nkun ġbart matul is-sena.

Ikun hemm mumenti fejn tħoss li m’intix se tilħaq tlesti saż-żmien li tkun ippjanajt?

Iva jkun hemm żmien fejn nibda naqta’ qalbi għax biex issib il-ħin mhux faċli u meta x-xogħol jittanta kont nipprova nibqa’ kalm, nieqaf u naħseb x’nista’ nagħmel. Tista’ tgħid li kont nippjana minn qabel għal ġimgħa sħiħa x’ser inkun qed nagħmel fuqu biex hekk kif insib il-ħin ma nitlifx żmien u jkolli l-materjal kollu li jkun se jkolli bżonn bil-lest.

Kif tħossok issa li għat-tieni darba rnexxielek tlesti dak kollu li kellek f’moħħok?

Illum sena wara, inħares lura b’sodisfazzjon li bdejt xi ħaġa u lestejtha għalkemm nistqarr li kont wasalt f’punt fejn kelli nwaqqaf l-immaġinazzjoni u nibda nikkonkludi u nagħlaq. Min jaf? Forsi dak li ma laħħaqtx, nagħmlu għas-sena d-dieħla.

Nittama li dan il-presepju, jew Golgota kif ħafna jsibuh, iservi mhux biss ta’ katekiżmu iżda wkoll ta’ ispirazzjoni biex nibqgħu nżommu dawn it-tradizzjonijiet antiki ħajjin. Nawgura lilkom il-qarrejja ta’ skoperta u lill-familji tagħkom l-Għid it-tajjeb.

L-aħħar mumenti ta’ Ġesù fi żmien differenti minn dak tal-ġrajja tradizzjonali

L-aħħar mumenti ta’ Ġesù fi żmien differenti minn dak tal-ġrajja tradizzjonali

Dan huwa żmien fejn diversi artisti jkunu għaddejjin bil-preparamenti tagħhom għall-produzzjonijiet li jkunu se jittellgħu relatati mal-ġrajja li teħodna fl-aħħar jiem ta’ Ġesù Kristu, skont ir-reliġjon Kattolika.

Filwaqt li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, id-drammi tal-ġrajja tradizzjonali jibqgħu jqanqlu interess, inkluż lil dawk li forsi mhumiex daqstant reliġjużi jew iħaddnu reliġjon differenti, huma ħafna li jfittxu dik il-produzzjoni li tkun differenti minn dak li s-soltu naraw. Dik il-produzzjoni li ma tkunx taf fuq liema vjaġġ se tieħdok jew x’emozzjonijiet u ħsibijiet se tqanqallek.

Permezz tad-dramm L-Elett, li se jittella’ nhar il-5, 6 u 7 ta’ April fit-Teatru Dumnikan, il-Birgu, l-awtur u d-direttur Patrick Vella qed jagħtik l-opportunità li tgħix din l-esperjenza!

Għamilna kuntatt miegħu biex niskopru aktar dwar dan id-dramm u għaliex m’għandekx titlef iċ-ċans li tmur tarah!

L-Elett – X’se jagħmel din il-produzzjoni differenti minn oħrajn? Fejn se teħodna l-ġrajja ta’ dan id-dramm?

Nibda billi nħid li dan id dramm mhuwiex dramm tradizzjonali u twil, u wisq anqas pageant, anzi jeħodna ‘l bogħod minn kull pageant tradizzjonali. Il-ġrajja nafuha, jew biex ma nkunx patronizzanti, naħseb li kulħadd jafha… biss qbadt l-aħħar mumenti ta’ Jeshwa, jew ahjar kif nafuh aħna, Ġesù Kristu, u tfajtha fi żmien Ewropa Nażista, propjament fl-1942, fejn il-Lhud kienu ippersegwitati minn dawk li kienu jqisu rwieħhom bħala Arjanni, in-Nażisti. Issa immaġina, Lhudi jrid joqtol Lhudi fi żmien Nażist. Fi żmien fejn l-istess Lhud kienu kollha kkundannati għall-mewt. Din mhux ġrajja ta’ bniedem wieħed, imma ta’ ħafna. Ngħiduha kif inhi, hemm dejjem gwerra x’tiġġieled.

X’kien li ġiegħlek tikteb dramm li jirrakkonta l-ġrajja fi żmien kompletament differenti minn kif nafuha?

Li tirrakkonta storja li diġà ġrat, mhux fl-interess tiegħi bħala artist. Hawn ħafna li jagħmluha kull sena u jagħmluha bil-mod tagħhom, u ħafna nies tinteressahom din it-tip ta’ drama tal-komunità. Jien m’għandix dak l-interess, għalkemm nirrispetta din it-tradizzjoni. Minnflok insib iktar ta’ sodisfazzjon li nġiegħel lin-nies joħorġu jaħsbu, jiddiskutu, jaqblu jew ma jaqblux fuq dak li raw. Biss irrid li n-nies jiftakru fil-ġenoċidji li kien hawn, kemm verament batew, mhux fit-Tieni Gwerra Dinjija biss għax wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hawn iktar minn 200 kunflitt ieħor sal-lum, bl-aħħar wieħed, li huwa pjuttost jaħraq bejn ir-Russja u l-Ukrajna, imma ngħiduha kif inhi, ma nistgħux ninjoraw illi din il-gwerra tista’ tikber iktar milli hi.

X’inhu l-iktar ta’ sfida biex skript ta’ dramm bħal dan jingħata l-ħajja?

Ir-realiżmu li għandu bżonn dan it-tip ta’ dramm, huwa wieħed nażżarda ngħid “estrem” l atturi qed jiġu mħarrġa ankę minn suldat apposta biex nifhmu iktar id-drills tas-suldati nażisti, ir-riċerka li trid biex tifhem iktar minn xiex għaddew il-Lhud ġewwa l-ghettos, kif ukoll wieħed irid isib dik il-linja fina biex tibqa’ l-filosofija morali tal-istorja ta’ Jeshwa, jew aħjar Ġesù in-Nazzarenu.

Min huma wħud mill-artisti li se jieħdu sehem?

Hemm jien fil-parti tad-Direttur tal-Gestapo, ( b’simbolu ma’ Pilatu), Mario Gatt (fil-parti tal-Kap tal-Pulizija Awziljarja Lhudija b’simbolu ma’ Kajfa, Stefan Galea fil-parti ta’ Judas, kif ukoll atturi oħra…. Meta nkun qed nieħu sehem jien allura nagħti d-direzzjoni f’idejn l-assistenta tiegħi Alexia Micallef.

Huwa ta’ vantaġġ li tidderieġi dramm li tkun ktibt int stess?

Tkun taf xi trid iktar ovvjament, ma tridx tipprova tifhem awtur ieħor. Nieħu pjaċir ukoll nagħmel xogħol ta’ ħaddieħor, biss tiegħek dejjem tiegħek… u tkun tista’ tesperimenta ħafna u ħafna iktar għax taf li l-ebda awtur mhu se jieħu għalih!

Għaliex wieħed għandu jiġi jara dan id-dramm?

Jekk tixtieq tara xi ħaġa totalment differenti imma lest li tiġi b’moħħ miftuħ u mhux marbut ma’ storja Bibblika, mela din xi ħaġa li tgħodd għalik, jekk jogħġbok it-teatru b’atturi realistiċi ħafna fil-karattri tagħhom mela dan huwa d-dramm għalik, jekk idejquk drammi tal-ħafna mela dan hu dramm għalik, jekk fuq kollox trid tara artisti dedikati b’dixxiplina impekkabbli mela dan hu d-dramm għalik. Dramm li huwa twil mhux iktar minn 40 minuta, b’att wieħed, imma lest li jsammrek mas-siġġu… u tistennewx tislib… fi żmien in-Nażisti kellhom metodi oħra ta’ tortura.

Xi tfisser għalik din il-produzzjoni?

Din il-produzzjoni hija l-ewwel waħda serja minn wara l-covid.. għamilt affarijiet oħra, bħal Dalma ( The horror Escape adventure), ftit ilu għamilt show għall-familja għall-Milied bl-isem ta’ In Search of Rudolph, imma dan id-dramm, li kont diġà għamiltu f’film qasir fl-2012, issa wasal biex jittella’ fuq il palk u jfakkarna fil-gwerer passati u dawk preżenti, fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira.

@skopertaofficial L-Elett – Dramm li jirrakkonta l-aħħar jiem ta’ Ġesù fi żmien kompletament differenti minn dak tal-ġrajja tradizzjonali! #lelett #dramm #ġrajja #nażiżmu ♬ original sound – Skoperta

Jekk dan li għadek kif qrajt u rajt qanqallek interess, ixtri l-biljetti tiegħek issa minn hawn.

Bil-filmat: Ballerina Brażiljana tispira lid-dinja bit-talent u d-determinazzjoni tagħha

Bil-filmat: Ballerina Brażiljana tispira lid-dinja bit-talent u d-determinazzjoni tagħha

Vitória Bueno, żeffiena Brażiljana ta’ 17-il sena saret waħda mill-istilel internazzjonali ta’ ispirazzjoni hekk kif il-prestazzjonijiet tagħha saru virali fuq il-midja soċjali

L-istilla Brażiljana, imwielda f’Santa Rita do Sapucaí, belt żgħira fiż-żona ta’ Minas Gerais fil-Brażil, ipparteċipat fuq America’s Got Talent: All Stars fejn żifnet il-ballet b’mod eċċezzjonali tant li impressjonat mhux ftit lill-ġurija.

Minħabba kundizzjoni ġenetika li tissejjaħ photocomelia, Vitória twieldet mingħajr idejn. Madankollu, ma ħallietx din l-isfida żżommha lura għaliex Vitória tista’ tagħmel dak kollu li tagħmel kwalunkwe żeffiena oħra u aktar!

Kienet proprju l-fiżjoterapista tagħha li ssuġġeriet il-ballet bħala mod kif issaħħaħ ġisimha u timmaniġġja aħjar il-kundizzjoni tagħha.

“Għalija, l-idejn huma biss dettall. Insegwi b’għajnejja, bħallikieku qegħdin hemm,” tispjega Vitória.

Vitória kienet kisbet il-popolarità tagħha fil-Brażil meta bdiet ittella’ filmati taż-żfin tagħha fejn kienet meqjusa bħala ispirazzjoni.

Il-fama tagħha nfirxet meta pparteċipat fuq Das Supertalent, il-verżjoni Ġermaniża tal-produzzjonijiet ta’ Got Talent. Il-kunfidenza, is-sbuħija u ż-żfin impekkabbli tagħha saħħret lill-ġurija tant li ngħatat il-Golden Buzzer u marret direttament għal-live shows. Hija kklassifikat fit-tieni post, li wassalha għall-America’s Got Talent: All Stars.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-popolarità tagħha kompliet tikber. Hija għandha madwar 464,000 segwaċi fuq il-kont ta’ Instagram tagħha u l-prestazzjoni tagħha fuq America’s Got Talent: All Stars dehret aktar minn 11-il miljun darba fi ftit xhur biss!

Lil hinn mill-popolarità, bit-talent tagħha, Vitória qed twassal messaġġ li fil-ħajja ma trid tħalli l-ebda sfida żżommok lura milli twettaq dak kollu li tixtieq.

The Dope Show – Wirja tal-Arti li tirrappreżenta karatteristiċi li jsawru s-soċjetà

The Dope Show – Wirja tal-Arti li tirrappreżenta karatteristiċi li jsawru s-soċjetà

F’eżerċizzju etnografigu, l-artisti Mark Mallia u Etienne Farrell innutaw karatteristiċi li jsawru lis-soċjetà tagħna, u mmortalizzawhom fl-arti.

Is-suppervi, dawk ta’ wiċċ b’ieħor, ta’ qalb tajba, l-egoisti, it-tosti, iz-zekzieka, it-tantaturi, l-antipatki, il-kwieti u l-fanfaruni, il-misterjużi, dawk ta’ waħedhom u dawk li jħobbu jċarrtu ħalqhom u li waħedhom jimlew kamra, huma wħud mill-karattri li jinsabu f’din il-wirja.

Ritratt: KitzKlikz

Ispirati minn Diane Arbus, Marilyn Manson u Lewis Carroll fost oħrajn, l-artisti ħolqu l-karattri tagħhom ibbażati fuq karatteristiċi li nnutaw f’nies li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.

Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, il-ħajja u n-nies li jsawruha dehret b’mod artistiku, bħala ċirku jew ktieb tal-ħrejjef. Dawk li jżuru l-wirja u jħarsu sew, kapaċi jinnutaw nies li jafu, jew lilhom infushom qalb il-karattri mpinġija, imnaqqxa jew maħluqa fit-tafal.

Ritratt: KitzKlikz

F’dan l-eżerċizzju, li qed ixebbħu bħal meta tħares ġo mera u tinnota d-difetti tiegħek, l-artisti qed jistiednu lil dawk li jżuru l-wirja biex f’eżami personali, jaraw jekk jistgħux itejbu l-imġiba tagħhom.

Il-wirja nfetħet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar, bil-parteċipazzjoni artistika ta’ Hayden Grima, li wkoll inbidel f’karattru għas-serata tal-ftuħ.

Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt l-4 ta’ Frar, fil-gallerija Obelisk 234, Main Street, Ħal Balzan.

Għal aktar tagħrif żuru l-paġna ta’ Facebook: MALLIA-FARRELL

Enable Notifications OK No thanks