by skoperta.net | 20/Mar/23 | Letteratura, Tagħrif
Fit-28 ta’ Marzu 2023, il-Professur Vladimir Martinovski mill-Università ta’ Skopje, se jkun qed jagħti taħdita pubblika dwar “Il-Poeżija fi Djalogu mal-Mużika”.
Il-Professur Martinovski se jkun Malta bħala mistieden akkademiku tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Huwa jgħallem il-letteratura komparattiva u membru tal-bordijiet ta’ diversi entitajiet kulturali, fosthom in-Network Ewropew għall-Istudji Letterarji Komparattivi. Ix-xogħol akkademiku ta’ Martinovski jikkonċentra fuq it-tlaqqigħ tal-letteratura u l-mużika u l-arti viżiva.
Minbarra li hu meqjus bħala figura prominenti għall-istudji tiegħu, Martinovski jitqies bħala wieħed mill-poeti ewlenin tal-Maċedonja ta’ Fuq, u hu r-rebbieħ ta’ diversi premji letterarji f’pajjiżu u barra.
It-taħdita, li se tkun bl-Ingliż, se tingħata fil-Lecture Theatre 1, Lecture Centre tal-Università. Din it-taħdita għandha tinteressa mill-qrib lill-mużiċisti u l-istudenti tal-mużika kif ukoll kittieba u studenti tal-letteratura. Madankollu, id-Dipartiment tal-Malti qiegħed kordjalment jistieden lill-pubbliku interessat għal din l-attività li tibda fis-7pm.
by Dr Sharon Calleja | 19/Mar/23 | Letteratura, Varjetà
Mat-triq infaqgħet tibki kemm-il darba. Ma setgħetx temmen li din il-ġurnata kienet waslet. U biex tgħaxxaq fuq l-istazzjonijiet kollha tar-radju, ħlief diski tal-imħabba u tad-dwejjaq ma bdietx issib! Telgħetilha fawra għal rasha u qabdet tfietu. Aħjar fis-silenzju. Aħjar tiffoka fuq it-triq. Għajnejha kienu qegħdin idemmgħu u bilkemm setgħet tara ssuq. Almenu fuq wiċċha kienet qegħda tħoss ir-riħ ivenven mit-tieqa li kien qed iwennisha. Damet issuq sagħtejn sħaħ. Kienet ħarġet mill-istat fejn kienet toqgħod u waslet fi stat ieħor. Il-post eżatt fejn ftehmu li jiltaqgħu kien l-istess wieħed fejn kienu ltaqgħu sentejn ilu.
Hekk kif waslet fil-parkeġġ kbir, nofsu vojt tar-ristorant, bdiet iddawwar rasha ‘l hemm u ‘l hawn ħalli tara fejn ser tipparkja. Qalbha għamlet tikk. Inħasdet. Ħadet brejk. Għarfitha. Għafset idejha mal-istering u pparkjat ħdejha. Bdiet tħoss in-nifs kważi jinqatgħalha.
Ħarġet minn ġol-karozza u fliet il-karozza ta’ maġenbha. Għamlet idha fuqha u bdiet tħossha konfuża.
Sentejn. Kienet ilha ma taraha sentejn sħaħ.
Il-karozza li kienet qiegħda tara ma kinitx lussuża bħal dik li kienet ġiet fiha. Għalkemm kienet għadha fl-istess kundizzjoni li kienet ħallietha sentejn ilu, xorta kienet karozza xi ftit imdamdma u b’xi sadid ‘l hemm u ‘l hawn.
Ħadet nifs twil, irranġat il-libsa eleganti li kienet fiha u l-aċċessorji pariġġ li kienet drat tilbes dan l-aħħar u erħitilha lejn il-ħanut.
Malli daħlet ġewwa, ir-riħa ta’ kafè imħawwar ma’ bajd moqli, fawwritilha l-pulmun. Iżda ma kellhiex aptit tiekol. Ma kellha moħħ xejn. Kull ma xtaqet tagħmel hu li tidħol fil-karozza li kienet għadha kemm ġiet biha u titlaq ‘l bogħod kemm jista’ jkun.
“Jenny!” semgħet leħen femminili jgħajjtilha.
Jenny daret tħares.
Ratha.
Qalbha waqfet tħabbat għal ftit sekondi.
“Carrie…” bdiet tgħid hekk kif oħtha ġiet tiġri lejha u bdiet tgħannaqha kemm tiflaħ.
Carrie kienet liebsa qalziet issikkat, top każwali u kellha nuċċali tax-xemx. Jenny kienet għadha qatt ma rathom qabel.
Ftit ħin wara kienu bilqegħda quddiem xulxin donnu ma kien hemm xejn insolitu bejniethom. Carrie kienet neżgħet in-nuċċali tax-xemx u għalkemm l-arja ta’ bejniethom kienet xi ftit tqila, iż-żewġt aħwa kienu qegħdin jitbissmu lil xulxin.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…
by Dr Sharon Calleja | 12/Mar/23 | Letteratura, Varjetà
Ħarset lejn l-arloġġ ta’ fuq il-komodina.
Fetħet għajnejha kemxejn aktar ħalli tiġi f’tagħha.
Illum. Illum kienet waslet dik il-ġurnata li tant kienet qiegħda tistkerraħ. Daret bil-kontra fis-sodda, qalb il-lożor imqallbin u ħarset lejh. Għalkemm kienet taf li ma kellhiex torbot qalbha miegħu, f’dawn l-aħħar sentejn, kienet saret tħobbu.
Kien rieqed qisu tarbija. Xufftejh kienu kemmkemm imbexxqin, għajnejh nofshom miftuħin u n-nifs kien b’ritmu trankwill. Xagħru iswed innukklat kien imferrex fuq l-imħadda. Għal mument xtaqet iddawwar idejha miegħu u tibqa’ hemm. Xtaqet tħobbu tal-aħħar, iżda kienet taf li kien sar il-ħin. Il-ħin li titilqu għal dejjem.
“Jerome….” lissnet minn taħt. Tatu bewsa b’passjoni kbira, dawwret subgħajha f’nokklu ta’ xagħru, waqt li r-riħa familjari tal-ġilda tiegħu daħlet f’imnifsejha u ħassitha kważi tirtogħod. “Ċaw, qalbi. Daqshekk rajtni….” qalet, bilkemm tinstema’.
Qamet minn ġos-sodda b’ħeffa, ħadet kolazzjon ħafif u tat daqqa t’għajn lejn il-kċina. Din id-dar kienet saret parti minnha. Kienet drat sew hawnhekk. Għalfejn kienet xortiha daqshekk ħażina? Kif ma setgħetx tibqa’ hawn? U kif min ikollu dal-ġid kollu, ma jkunx jaf japprezzah?
Poġġiet il-platti li użat fis-sink, ħaslithom u bdiet iddur kamra, kamra, tħares lejn l-għamara u tifli kull kantuniera. Kieku riedet setgħet tibqa’ hawn. Setgħet tivvinta xi ħaġa biex tibqa’ tgħix f’din il-ħajja lussuża ma’ dan ir-raġel li bla ma riedet kienet saret tħobb. Imma kienet taf li ma setgħetx.
Dawwret ħarsitha lejn il-purtieri jperpru maż-żiffa ħelwa li kienet dieħla mit-twieqi, messet id-drapp fin tagħhom għall-aħħar darba u ħarġet mid-dar. Qalbha kienet maqsuma.
Sentejn.
Sentejn eżatt.
Imxiet fuq it-takkuna li kienet drat tilbes dawn l-aħħar sentejn u daħlet fil-karozza lussuża li kien hemm ipparkjata quddiem id-dar tagħha.
Tagħha.
X’ironija.
Sentejn ilu, meta ġiet hawn l-ewwel darba lanqas felħet temmen li kienet ser tidra daqshekk u li xi darba kienet ser tqis dan kollu bħala tagħha.
Qabdet il-karozza u telqet biha.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…
by Dr Sharon Calleja | 05/Mar/23 | Letteratura, Varjetà
Kien qed iħossu umiljat. Għal mument, hu ħassu jrid joħroġ jiġri ‘l barra. Kien ilu jgħaddi minn quddiem dan ir-ristorant. Ġieli kien jitlobhom xi bukkun. Iżda dejjem kienu jkeċċuh.
“Ma nistax sinjura. Jekk tkun taf ta’ fuqi, nitkeċċa mix-xogħol!” qalilha jħares lejha bl-ikrah.
“Jien qiegħda ninsisti!” bdiet kważi tgħajjat.
“Jiddispjaċini! Allaħares tkun taf is-sinjura Deċelis! Dik ta’ fuqi! Tkeċċini żgur!” kważi beda jokrob.
“Is-sinjura Deċelis tifhem li din is-sitwazzjoni…………”
“Le,” indaħal wejter minnhom. “Ma nistgħux. Nitkeċċew żgur. Il-klijenti ma jiħdux pjaċir………”
“Fejn hi s-sinjura Deċelis?” staqsiethom dik il-mara.
Issa kien beda jirtogħod bil-biża. Kienu qed jiġġieldu minħabba fih.
“Qatt ma tkun hawn…………..imma nista’ nċempel lil ta’ fuqi u jkellimha hu………..” qalilha dak b’arja awtorevoli.
“Mela ċempillu u staqsih,” weġbitu.
Il-maniġer mar ġab il-mobajl u beda jiddajlja n-numru.
Ara x’kien qed jiġri! Dan kollu minħabba bukkun!
F’dak il-mument, kien ser jitlaq ‘il barra.
U eżatt dak il-ħin, daħal raġel liebes qmis skura.
“Ara, eżatt ġejt!” qallu l-maniġer. “Kont qed inċempillek!”
U waqaf bilwieqfa jiċċassa.
L-ewwel lejn il-maniġer, imbagħad lejn il-mara eleganti akkumpanjata minn dak ir-raġel tat-triq.
“Ħellow……..” qalilha dak, jaqbdilha idha u jbushielha. “Sinjura Deċelis! X’fettillek ġejt hawn?”
Il-maniġer tbellah.
“Sinjura………..int?” staqsieha, jaqta’ l-linja. “Int qatt ma tiġi hawn………….skużani. Aħfirli. Ma kontx naf. Ma kontx naf li int!”
“Iva jien. Qatt ma niġi għax inkun impenjata,” weġbitu.
“X’fettillek?” staqsieha l-maniġer.
“Dan ir-raġel…………” ħarset lejhom kollha, imbagħad lejn Alfons, imbagħad reġgħet lejhom. “Għamel ħafna miegħi.”
“Min hu?” staqsewha kollha flimkien.
“Kont għadni tfajla, ma kellix flus. Ma kelli lil ħadd. Ma kellix xogħol. Ma kelli lil ħadd. Kont inkun bil-ġuħ. U hu………hu kien jaħdem hawn,” qabditlu jdejh u ħarset lejh. Id-dmugħ beda nieżel minn ma’ ħaddejha. “Kien hu………..kien jagħtini bukkun.”
by Dr Sharon Calleja | 26/Feb/23 | Letteratura, Varjetà
Il-ħoss ta’ takkuna ma kienx għadu jinstema’. F’ħin bla waqt, kienet hemm quddiemu mill-ġdid, tħares lejh minn taħt il-kappell.
Qalbu għamlet tikk.
Tgħid kienet għarfitu?
“Sinjur…………” semagħha tgħidlu.
Bla ma ried, ħares lejha, għajnejh iduru minn ġo wiċċ mimli leħja twila.
Resqet lejh u ħarset lejh sew.
“Sinjur,” qaltlu tersaq qribu. “Ejja miegħi.”
“Fejn?” staqsieha b’leħen maħnuq.
“Ejja miegħi.”
“Le.”
“Iva. Ninsisti.”
“Fejn?”
“Fejn suppost.”
Mingħajr ma nduna x’kien qed jiġri, din il-mara kienet qiegħda kokka quddiemu, tiflih. Idejha qabdu tiegħu bil-mod u għal mument inħasad. Kien ilu ħafna ma jkollu kuntatt man-nies. F’ħin bla waqt ġibditu b’ġentilezza kbira ‘l fuq.
Kienet qiegħda titbissimlu.
“Xi trid?” staqsieha jipprova jinstema’ ftit goff.
“Xejn. Imma trid tiġi miegħi.”
Idha kienet għadha f’idu, hekk kif telqet timxi u hu kien sejjer warajha mingħajr ma nduna kif u għaliex kien qed jiġri hekk.
Għal dak il-mument ħass li din il-mara kienet se tieħdu xi mkien importanti u t-tazza bil-ftit muniti li kien qala’ dik il-ġurnata ma dehritx aktar importanti.
U ħaditu quddiem ristorant familjari.
Qalbu għamlet tikk.
Reġa’ lura lejn il-passat tiegħu u l-memorji reġgħu ġġeddu mingħajr ma kellu kontroll fuqhom.
Dak ir-ristorant lussuż fejn kien jaħdem hu stess qabel ma kien tilef ix-xogħol.
Din il-mara daħlitu fir-ristorant u baqgħet sejra bih lejn l-aħjar mejda.
Għajnejn kull min kien fir-ristorant waqgħu fuqhom.
Raġel maħmuġ pesta, akkumpanjat ma’ mara sabiħa u eleganti.
Dawn x’kienu qegħdin jagħmlu hawn flimkien?
Il-mara ħarġitlu siġġu minn mal-mejda u hu baqa’ hemm bilwieqfa jħares lejha.
“X’għandkom bżonn?” staqsa l-ikbar wieħed fost il-ħaddiema lil din il-mara. “Jien il-maniġer.”
“Irridkom tagħtu bukkun lil dan is-sinjur,” qaltlu dik.
Għal mument kollha ċċassaw lejh.
“Ma tarax,” weġibha dak. “Ma nistgħux tafx. Dak mhux postu hawn!”
“Qed ngħidilkom, irridkom tagħmlulu jiekol.”
“Imma………..”
“Imma xejn. Agħmlulu jiekol!” qaltilhom dik.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…
by Dr Sharon Calleja | 19/Feb/23 | Letteratura, Varjetà
Forsi hekk il-ħajja tkun aktar eċċitanti. Għax hekk kien suppost.
U semagħha ġejja mill-bogħod. Fil-bidu, ma tantx ta kasha. Għax kien ikun hemm taħlita ta’ ħsejjes ta’ karozzi għaddejjin traxnati, nies jitkellmu bejniethom, ħsejjes ta’ muturi, nies għaddejjin iħaffu, oħrajn bil-lajma……………..insomma geġwiġija ma taqta’ qatt.
Imma donnu dan il-ħoss ta’ żarbun, kien jinstema’ mill-bogħod. U kien donnu se jħalli effett fuqu.
Donnu kien differenti mill-oħrajn. Aktar prominenti. Aktar mgħaġġel. Aktar stramb.
Takkuna twila ta’ żarbun iswed tal-ġilda propja, milbus f’saqajn perfetti taħt dublett u ġlekk pariġġ, it-tnejn tad-ditta. Irtokk magħmul b’ħila kbira ma’ wiċċ sabiħ, wiċċ perfett, u kappell eleganti biex jikkumplimenta dan id-dekor fin ta’ mara distinta.
Lanqas kien indenja ruħu jħares lejha.
U dan il-ħoss ta’ tektik kontinwu fuq il-bankina kiesħa tas-siment, li kien ġej mill-bogħod, donnu waqaf għal ftit.
Iva, waqaf għal ftit quddiemu.
Sema’ leħinha jagħmel ħoss. Ma kienx jaf kinitx qiegħda tħares lejh bi ħniena jew hekk għax ma riedx iħares lejha.
Imma xammha.
Xamm il-fwieħa tagħha.
Kemm kienet tfuħ!
U mbagħad widnejh semgħu xi ħaġa taqa’ fit-tazza li kellu quddiemu, li sa dak il-ħin kienet għadha kemxejn vojta. Għamlet ħoss qawwi għax kienet xi munita kbira. Forsi ta’ xi żewġ ewro.
U dak il-ħin, għolla ħarstu ‘l fuq.
Ma kienx għadu jara sew bħal qabel. Kien qed jara xi ftit imżelleġ.
Iżda għajnejh bluni ltaqgħu ma’ par għajnejn ħodor li kienu qegħdin jifluh sew.
Inħasad.
Ma riedx li tarah sew.
Ma kien ikun irid lil ħadd jagħrfu. U kien jaf……………kien jaf li fir-raħal, ħadd minnhom ma kellu lewn għajnejh. U ma kienx ikun irid li jagħrfuh.
U dak il-ħin, hekk kif heżżeż snienu ma’ xulxin, ħass ilsienu niexef ġo ħalqu bl-għatx li kien ħakmu wara ġurnata xemx tiżreġ, sema’ l-passi tat-takkuna ta’ din il-mara jkomplu sejrin minn ħdejh.
Għal mument, ħa nifs twil u ttawwal fit-tazza.
U nħasad.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…