Select Page
Filmat: Kont taf li għandna parti fil-baħar magħluqa f’pixxina naturali fil-limiti tal-Qrendi?

Filmat: Kont taf li għandna parti fil-baħar magħluqa f’pixxina naturali fil-limiti tal-Qrendi?

Kont taf li Malta għandna parti fil-baħar magħluqa f’Pixxina Naturali fil-limiti tal-Qrendi?


Kont taf li din timtela’ permezz ta’ mina taħt l-ilma li minnha jidħol l-ilma baħar?


Segwu magħna din l-avventura interessanti li qasam magħna l-vlogger Angelo Caruana fejn għal ġimgħa oħra qed jurina ġawhra oħra mill-gżejjer Maltin, li ftit nies jafu biha.


Sabiex tasal għal din il-pixxina, trid tipparkja l-karozza fejn Għar Lapsi u taqbad mixja qasira direzzjoni lejn Wied iż-Żurrieq. Wieħed irid joqgħod ħafna attent minn fejn jgħaddi peress li l-kosta ta’ dawn l-inħawi hija waħda fraġli u faċli jaqa’ xi blat. Il-veduti minn hawn huma tal-meravilji b’diversi għerien żgħar, bajjiet, irdum kif ukoll xenarju mill-isbaħ tal-baħar u l-gżira ta’ Filfla.

F’dan il-filmat tistgħu taraw ukoll filmati taħt il-baħar tal-mina li tissupplixxi l-ilma baħar għal din il-ħofra fil-blat. Ġawhra naturali oħra li jekk qatt ma żort nissuġġerulek li tmur. Dejjem importanti li tuża l-passaġġi eżistenti sabiex ma tagħmilx ħsara l-post u żżomm l-ambjent nadif.

Jgħaddu l-ewwel sitt kontestanti miċ-Chair Challenge ta’ X Factor Malta

Jgħaddu l-ewwel sitt kontestanti miċ-Chair Challenge ta’ X Factor Malta

Wara l-auditions u l-bootcamp, ilbieraħ bdiet il-fażi taċ-Chair Challenge, li fiha jridu jintgħażlu biss 6 kontestanti.

Iċ-Chair Challenge bdiet bil-kategorija tal-bniet li hija f’idejn Ivan Grech.

Kull min segwa seta’ jara li ma kinitx sfida faċli għal Ivan biex jagħżel is-6 kontestanti li se jkomplu dan il-vjaġġ.

Shauna Vassallo, Timea Farr, Kristy Spiteri, Lisa Gauci, Mariah Gerada u Hannah Theuma, huma l-ewwel sitt kontestanti li għaddew għall-fażi li jmiss, li hija dik tal-Judges’ Houses.

Il-ġimgħa d-dieħla jmiss il-kategorija tal-Overs li hija l-kategorija ta’ Ira Losco.

Tgħid min se jkunu s-6 kontestanti li jmiss?!

X Factor Malta jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fid-9 ta’ filgħaxija fuq TVM.

Filmat: Avventura li se tieħdok f’żewġ għerien li probabbilment ma kontx taf bihom!

Filmat: Avventura li se tieħdok f’żewġ għerien li probabbilment ma kontx taf bihom!

L-avventura għal din il-ġimgħa flimkien mal-esploratur Angelo Caruana se teħodna f’żewġ għerien li jinsabu fil-limiti ta’ Birżebbuġa. Għar ir-Riħ u Għar in-Nagħaġ, għalkemm hemm diversi xnihat li l-ismijiet tagħhom jistgħu jkunu differenti peress li hemm għerien oħra fl-istess akwata li ħafna jissejħu bl-istess isem. Huma żewġ għerien li ftit jafu nies bihom però wieħed jista’ jilħaq faċilment dawn iż-żewġ għerien.


Għar ir-Riħ jinsab quddiem wieħed mill-passaġġ mal-irdum li l-bokka hija moħbija wara blata kbira. Kif tidħol fih issib diversi formazzjonijiet ta’ blat li ffurmaw mas-snin. Fl-aħħar tiegħu tiġi għal bokka oħra li tagħti għal fuq il-baħar b’veduti mill-isbaħ kif jixhdu dawn ir-ritratti u l-filmati li qasam magħna Angelo.


Tajjeb li nfakkru li dawn huma postijiet li meta wieħed iżurhom irid jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għax jistgħu jkunu ta’ periklu.

Filmat: Avventura li teħodna ċ-Chadwick Lakes – Ġieli mort?

Filmat: Avventura li teħodna ċ-Chadwick Lakes – Ġieli mort?

Angelo Caruana qasam magħna din l-avventura, fejn permezz tal-kamera tiegħu qed jurina filmati mill-isbaħ taċ-Chadwick Lakes fl-aqwa tiegħu.

Iċ-Chadwick Lakes dak li jgħaqqad il-Widien Liemu u Qlejgħa. Matul is-snin ġew iffurmati sistemi sabiex jipprevjenu l-ilma milli jintilef fil-baħar. Dan l-ilma jintuża għall-irrigazzjoni.

Dawn l-għadajjar ġew iffurmati permezz ta’ diegi ta’ daqsijiet u għamliet differenti.

Hawnhekk wieħed jista’ jara l-ilma ġieri, numru ta’ pjanti fl-ilma kif ukoll insetti, apparti diversi siġar taż-żebbuġ fl-għelieqi tal-madwar. Wieħed isib ukoll il-luq u l-qasab, fl-ambjent naturali tagħhom. Hawnhekk huwa wkoll l-abitat naturali tal-uniku amfibju Malti, iż-żrinġ, apparti d-diversi mrieżep li wieħed jista’ jara. Tajjeb infakkru li huwa illegali li wieħed jaqbadhom.

Dan Il-wied minn dejjem ipprovda ammont ta’ ilma għal bdiewa tal-madwar. Sir Osbert Chadwick (1844-1913) kien ikkummissjonat biex jikkordina sistema ta’ provvista tal-ilma għal Malta u dan il-post kien ideali sabiex isir dan.

Dan il-wied apparti li għadu jservi l-għan li ġie maħluq għalih, dak li jippriserva l-ilma, illum sar attrazzjoni għal mijiet ta’ Maltin u turisti li jżuru dan il-post kuljum, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. Bħalissa ikun fl-aqwa tiegħu peress li jkun ħa ammont kbir ta’ ilma iġġenerat mix-xita li niżlet fuq il-gzejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem.

Infakru sabiex wieħed jieħu ħsieb dan il-post billi jżomm nadif u ma jagħmilx ħsara.

Angelo jixxerja magħna diversi avventuri li wieħed jista’ jimmaġina bħal trekking, ċikliżmu, abseiling, kayaking, caving, quad biking, postijiet abbandunati, skydiving u aktar.

Naturalista lokali jagħmel żewġ skoperti ta’ speċi ġodda ta’ Wirdien f’Malta

Naturalista lokali jagħmel żewġ skoperti ta’ speċi ġodda ta’ Wirdien f’Malta

Ix-xjenzat u naturalista lokali Arnold Sciberras skopra żewġ speċi ġodda ta’ wirdien li jistgħu jinstabu biss fl-ambjenti naturali ta’ Malta.

In-naturalista Arnold Sciberras qal li jinsab ferħan li rnexxielu jikkontribwixxi fl-għarfien ta’ dawn iż-żewġ speċi endemiċi ġodda għad-dinja, bit-tama li n-nies jifhmu s-sinifikat ta’ sejbiet bħal dawn.

Huwa semma waħda mill-ispeċi Kokroċ ta’ Malta (Malta’s Cockroach), peress li ġiet lokalizzata f’diversi postijiet madwar il-gżejjer. Din il-wirdiena hija żgħira ħafna u x’aktarx hija marbuta ma’ tip ta’ ħaxix partikolari li jinstab f’Malta. Hija l-aktar komuni fil-viċinanzi tal-Imnajdra u Ħaġar Qim.

L-ispeċi l-oħra semmiha Wirdiena tal-Ġebla tal-Ġeneral ta’ Jeffrey (Jeffrey’s Fungus Rock Cockroach), għal ħuh botaniku Jeffrey li ddedika ħajtu għar-riċerka u jieħu lil Arnold miegħu kullimkien.

Huwa rrimarka kif ftit nies japprezzaw li jkollhom wirdiena msemmija għalihom, iżda dan għaliex l-insett u s-sinifikat tiegħu għall-bijodiversità spiss jiġu njorati u mifhuma ħażin.

Żied jgħid li għandna nkunu kburin li Malta għadha toffri speċi li ma ssib imkien ieħor fid-dinja.

S’issa, ftit li xejn hemm informazzjoni dwar iż-żewġ speċi, madankollu l-istudji fuqhom se jibqgħu għaddejjin.

F’Malta kien hawn 7 speċi ta’ wirdien, iżda dan l-istudju jestendi dak in-numru għal 21.

Filmat: Ġieli rajt lil Malta mill-Ajru? Issa ċ-ċans!

Filmat: Ġieli rajt lil Malta mill-Ajru? Issa ċ-ċans!

Angelo Caruana qasam magħna din l-avventura, fejn permezz tal-kamera tiegħu qed jurina filmati esklussivi tal-Kosta ta’ Malta, Kemmuna u Għawdex.


F’għoli ta’ 1500 pied, il-filmati jagħtuna stampa ċara ta’ kif jidhru ċerti postijiet mill-ajru bħal Ħad Dingli, il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, iċ-Ċitadella, Kemmuna u l-Port il-Kbir fost oħrajn.

Dawn il-filmati inġibdu fil-bidu ta’ Frar, fejn it-temp kien wieħed bellezza u ideali għal titjiriet bħal dawn, kif jindikaw dawn l-istess flmati.


Bla dubju jispikkaw l-għelieqi ħadrana, li ngħiduha kif inhi, ikomplu jsebbħu din il-gżira f’dawn il-jiem tas-sena.

Is-soltu Angelo jagħmel dawn l-avventuri bħala tim ma’ Pierre Farrugia u Vince Bonello Pukka, però minħabba raġunijiet ovvji dan ma setax isir peress li l-ajruplan tat-tip Tecnam P2002-JF jakkomda biss il-pilota u passiġġier wieħed.


“Din kienet waħda mill-avventuri li se nibqa’ niftakar għal għomri kollu, għax qatt ma rajt lil Malta kollha daqshekk mill-għoli, anke meta nsiefer peress li l-ajruplan tal-passiġieri hu wieħed limitat għal veduti bħal dawn..” qalilna Angelo.

Enable Notifications    OK No thanks