by Lynn Aquilina | 04/Mar/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Fit-toroq tagħna sirna nilagħbu ħafna l-logħba tal-bumping cars. Inħossuna xi supereroj, b’saħħitna u li qatt ma jista’ jiġrilna xejn, imma sfortunatament il-ħajja mhix hekk. Ħajjitna mhix xi logħba li meta nitilfuha tgħidilna game over u nistgħu nerġgħu nibdewha mill-bidu meta rridu.
Ladarba l-logħba ta’ ħajjitna tispiċċa m’hemm l-ebda mod, kif nistgħu nerġgħu nibdewha mill-bidu. Niskanta kemm ninsew malajr kemm hi prezzjuża ħajjitna li qegħdin nagħmlu minn kollox biex intawwluha u ngawduha, imma fl-istess waqt qed inqassruha u neqirduha.
Kontradizzjonijiet u tensjonijiet ma jiqfux, dejjem ġejjin lejna head on u aħna nippruvaw niskapulawhom u nduru magħhom. Imbagħad biex nippruvaw ninsew dan kollu u nieħdu ftit gost, nixorbu xi grokk żejjed jew nieħdu xi joint. U nibqgħu nduru fl-istess ċrieki, mingħajr ma nsibu l-kuntentizza li tant nixtiequ.
Fl-opinjoni tiegħi, ħafna mill-inċidenti tat-traffiku jistgħu jiġu evitati faċilment, jekk aħna nagħrfu nesprimu l-emozzjonijiet negattivi b’mod pożittiv u mhux niżvugawhom f’sewqan eċċessiv b’ detriment għal ħajjitna u għal ħajjet ħaddieħor.
Il-karozza hi arma li qed toqtol lil ħafna nies. Ejjew inżommu dan il-ħsieb f’moħħna kif nidħlu fil-karozza u nsuqu b’kawtela.
by Roberta Magri | 01/Mar/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Meta kien l-aħħar li tajt kumpliment ġenwin lil xi ħadd?
Kif ħassejtek l-aħħar li rċevejt kumpliment ġenwin?
Dawk is-sentimenti ta’ apprezzament u gratitudni li tħoss.
X’differenza għamillek fil-ġurnata tiegħek?
Huwa fatt li kollha kemm aħna nieħdu gost meta nħossu li aħna apprezzati għal dak li aħna u dak li nagħmlu u ħafna drabi dan jimmotivana wkoll.
Fatt magħruf li, anki jekk dak li tagħmel f’ħajtek tagħmlu minn qalbek, kumpliment jista’ jimmotivak biex tkun aħjar u timxi aktar ‘il quddiem.
Illum huwa l-Jum Dinji tal-Kumplimenti. Oriġinarjament din il-ġurnata bdiet mill-Olanda u aktar tard kompliet internazzjonalment, bħala inizjattiva bl-għan li kull min jipparteċipa jirnexxilu jibdel il-ġurnata tiegħu u ta’ madwaru f’waħda pożittiva.
L-aħbar it-tajba hi li bħal kull ġurnata sinifikanti oħra, din il-ġurnata nistgħu niċċelebrawha u nipprattikawha kuljum.
Ħafna drabi, fil-ħajja mgħaġla ta’ kuljum tagħna, ninsew kemm kumpliment sempliċi jista’ jagħmel differenza pożittiva mhux biss lil min nagħtuh iżda anki lilna nfusna.
Kumpliment, mhuwiex dak il-kliem li tgħid biex sempliċiment tkun għedt xi ħaġa jew biex tintgħoġob ma’ xi ħadd. Kumpliment huwa dak il-kliem ġenwin ibbażat fuq dak li verament taħseb u tħoss dwar il-persuna.
Mhux biss dwar id-dehra ta’ barra, iżda anki fuq dak li jagħmel il-persuna dik li hi minn ġewwa u fuq dak kollu li tagħmel il-persuna, b’kumpliment tista’ tbiddel il-ġurnata ta’ dak li jkun għal waħda aħjar u isbaħ.
Jekk ma taħsibx li tista’ tagħti kumpliment ġenwin, ikun aħjar li ma tgħid xejn.
Iżda jekk dak li se tgħid huwa dak li verament taħseb u tħoss, kun ċert li ma tħallix kull jum jgħaddi mingħajr ma tkun għaddejt kumpliment lil dawk ta’ madwarek; familja, ħbieb, kollegi, u iva, għaliex le, anki lil dawk li tafhom biss mill-midja jew mill-midja soċjali.
Kumpliment, ma jiswiex flus iżda għal persuna jista’ jiswa d-dinja.
L-importanti li tkun ġenwin dejjem.
by skoperta.net | 17/Feb/23 | Ġrajjiet, Kurrenti, Riflessjonijiet
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Prof. Andrew Azzopardi nieda dokument li jenfasizza dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata u b’aktar serjetà fejn tidħol it-trawma fit-tfal.
Il-Prof. Andrew Azzopardi jisħaq li jekk l-esperjenzi koroh li jgħaddu minnhom it-tfal, ma jkunux ipproċessati, il-kumplament ta’ ħajjithom tinbena fuq il-ġerħa li jkollhom u jista’ jkun li tibqa’ tnixxi matul ħajjithom kollha. “Trawma mhux trattata tiġġenera aktar trawma,” isostni l-Prof. Azzopardi.
Wara konsultazzjoni li għamel ma’ diversi professjonisti li huma esperti fit-trawma u li jaħdmu mat-tfal, kif ukoll ġenituri, il-Prof. Andrew Azzopardi qed jissuġġerixxi fost oħrajn li l-ewwel u qabel kollox din il-kwistjoni tiġi diskussa mat-tfal stess.
Huwa qed jissuġġerixxi wkoll li din il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali u jinħoloq grupp ta’ ħidma magħmul minn dawn l-entitajiet: il-Kummissarju tat-Tfal, il-Foundation for the Wellbeing of Society u NGOs oħra li jaħdmu mat-tfal, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Il-Prof. Andrew Azzopardi semma mitt sitwazzjoni ta’ realtà li tista’ tikkaġuna trawma fit-tfal.
Fost oħrajn huwa semma s-sitwazzjoni ta’ tfal li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, li ġew abbużati jew ġejjin minn ambjent vjolenti u abbużiv, li meta jiftħu qalbhom li ġew abbużati ma jiġux emmnuti.
Semma wkoll is-sitwazzjoni ta’ tfal morda, dawk li ġejjin minn gruppi etniċi u reliġjużi differenti u minħabba f’hekk jiġu mwarrba, li jsofru xi tip ta’ bullying, li għaddejjin minn parental alienation, li jitilfu lill-ġenituri b’mard jew saħansitra qtil.
Fl-aħħar nett, il-Prof. Andrew Azzopardi saħaq li t-trawma tista’ tiġi esperjenzata anki b’mod kollettiv fejn il-komunità ssofri l-impatt indirett, imma fost kollox, l-akbar vittmi huma t-tfal.
Proprju għal din ir-raġuni, il-Prof. Azzopardi jemmen li li rridu nieħdu din il-kwistjoni b’aktar serjetà.
by Tanja Cilia | 16/Feb/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Jgħidulek li meta ma tkunx taf x’ser taqbad tgħid, aħjar ma tgħid xejn milli tgħid xi ħaġa banali, jew mhux f’postha.
Qatt ma kien hemm parir siewi daqs dan, li jgħodd meta mara titlef tarbija, jew meta ma tkunx għadha twieldet, jew ftit wara.
Forsi tħoss li l-kelma “jiddispjaċini” hi sempliċi wisq, u tipprova żżejinha bi kliem ieħor.
Trid tagħraf li n-niket m’għandux limitu ta’ żmien, u li mhux kulħadd iħossu u jesprimih l-istess. Il-fatt hu li t-tarbija tagħhom mietet, u m’għandux x’jaqsam kemm kien hemm ġimgħat ta’ tqala, jew jekk twelditx, jew jekk hemmx ulied oħrajn fil-familja.
Irridu nidraw inliġġmu lsienna, u maa ngħaddux kummenti bħal “Il-Bambin hekk ried” – bħallikieku Alla hu xi tirann li l-ewwel iferrħek bi tqala, imbagħad iċaħħdek minn tarbija.
Min tilef tarbija, ma jimpurtaħx li xi ħaġa hekk tiġri ta’ spiss. Huma t-tarbija tagħhom riedu, mhux l-eluf l-oħrajn li jintilfu.
Ma tistax taqbad u toffri pariri, iżjed u iżjed jekk dawn ikunu tat-tip “issa erġa pprova tafx…” għax il-ġenituri lil dik it-tarbija li ntilfet iridu, mhux lis-sitta li jista’ jkollhom warajha “għax għadhom żgħar”.
Evita għal kollox il-kliem ‘oqgħod attenta’, u anqas għandek tagħti pariri dwar ikel, ħruġ u eżerċizzju, għax dan jista’ jiġi interpretat li l-mara ma mxietx sew waqt it-tqala, u tilfet it-tarbija “għax kienet traskurata”.
Jista’ jagħti l-każ li int jidhirlek li koppja ma tantx ħaduha bi kbira li tilfu t-tarbija. Din mhux affarik, anqas. Forsi għandhom ir-raġunijiet tagħhom għax mhux qed iġarrbu t-telfa kif jidhirlek li għandhom iġarrbuha, int.
Tistaqsix jekk it-tqala kinitx ippjanata, jew jekk ridux tifel jew tifla jew kinux lesti jerġgħu jibdew irabbu, jew jekk it-tarbija kinitx f’saħħitha.
Korriment joħloq xita ta’ emozzjonijiet, kemm jekk it-tabija tkun mixtieqa u ppjanata, kif ukoll jekk le.
M’għandekx għalfejn issemmi nisa oħra li korrew, u wara kellhom għadd ta’ tfal; hawn min wara korriment, ma jkunx jixtieq jerġa’ jipprova, jew saħansitra ma jkunx jista’ jkollu tfal iżjed.
Issemmix lit-tfal li jista’ jkollha din il-mara stess, wara t-telfa tat-tarbija; għax kif għedna, forsi ma tkunx trid terġa’ tipprova, jew ma tkunx tista’ toħroġ tqila. U wara kollox, hi lit-tarbija li tilfet tkun trid.
Is-soltu, mara tistenna tnax-il ġimgħa qabel ma tgħid li hi tqila; hawn min jitlef tarbija fi żmien bikri, u anqas biss ikun jaf. Imma hawn min tant ikun ferħan, li jitkellem qabel. Qatt u qatt m’għandek tgħid b’dan lil min tilef it-tarbija, u qatt m’għandek tistaqsi ta’ kemm il-ġimgħa kienet it-tqala, jekk ma jgħidulekx huma.
Min iġarrab korriment irid jistenna li ġismu jerġa’ jiġi f’loku. Mela taqbadx u tistieden lill-ħabiba biex, ngħidu aħna, tmorru tixtru jew tmorru l-gym flimkien “biex idderrilha”. Staqsi lilha xi trid tagħmel.
Bniedma li jkollha qalbha maqsuma, forsi ma tkunx trid tara nies. Imma billi ċċempel u tistaqsiha tridx dixx lażanja, ma jkun ġara xejn.
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista
by Lynn Aquilina | 15/Feb/23 | Riflessjonijiet, Varjetà
Dejjem nieħdu u nnaqqru u meta jkun verġni donna aktar nieħdu gost inqattgħu u nħanżru fih. Il-frustrazzjoni, l-egoiżmu u r-regħba tagħna l-bnedmin qegħdin niżvugawha fih.
Dħaħen ta’ karozzi, fabbriki, murtali u trab ta’ kull xorta fl-arja. Kieku jista’ jitkellem l-ambjent, nistħajlu jgħidilna kemm ħa ddumu tisfruttawni u tużawni, possibbli mhux tindunaw li qed teqirdu lilkom innfuskom ukoll u mhux lili biss?
Kulħadd jilmenta bl-istress u l-ansjetà. Ħafna qed iberbqu ġidhom għand diversi psikologi u psikoterapisti u jibilgħu ruxmata pilloli. M’iniex ngħid li jien kontra dawn in-nies u l-pilloli, għax meta jkun hemm bżonn dawn it-tnejn jagħmlu xogħolhom tajjeb ħafna.
Iżda nħoss li bħala bnedmin inqtajna wisq min-natura u nsejna li aħna ma nistgħux ngħixu mingħajrha, għax aħna nagħmlu parti esssenzjali minnha. Ma nafx kif ngħidha bil-Malti, imma bl-Ingliż il-kelma hi grounded. Hemm bżonn immens li nerġgħu niskopru s-sbuħija tan-natura u kemm din tista’ tfejjaqna.
L-ambjent hu l-martri l-ġdid ta’ żmienna. Martri li ma jċarċarx demmu u ma jipprotestax, imma ruħu mifnija qalb il-konkos. Maqtul mir-regħba u l-egoiżmu tagħna u ħadd mhu jaqbeż għalih għax mingħalina li la nistgħu nistgħanew minn fuqu u nsiru sinjuri, ma jkollniex aktar bżonnu.
Kos, x’jiġri imbagħad meta eventwalment neqirdu l-ambjent kollu ta’ madwarna, nibdew nieklu u nieħdu l-ossiġnu tal-flus?
by skoperta.net | 07/Feb/23 | Ġrajjiet, Kurrenti, Riflessjonijiet
Meta tiġri xi ħaġa ħażina u kerha madwarna, l-ewwel reazzjoni tagħna ħafna drabi tkun li nippruvaw nifhmu kif u għaliex ġrat.
Nistaqsu ċerti domandi u nkunu rridu spjegazzjoni ċara biex forsi nsibu ftit minn dak li jkun ġara.
Partikolarment meta jiġru diżastri naturali, huma ħafna li jgħidu li dan ikun “sinjal minn Alla,” “tbeżbiża,” u saħansitra “kastig minn Alla,” minħabba li skont dawn l-istess nies, huma ħafna li qed jimxu kontra l-kelma t’Alla.
Hemm ukoll ħafna li jistaqsu, “jekk dan mhux ġej minn Alla, għaliex jippermetti dan kollu?”, “Jekk Alla jista’ kollox, għaliex ma jwaqqafx dan kollu?”
Għamilna kuntatt ma’ Fr Brendan Gatt, u staqsejnieh dawn id-domandi.
Dan hu dak li qalilna:
Tassew, donnu hemm tendenza li meta jseħħ xi diżastru naturali ħafna nies iwaħħlu f’Alla, u dan fuq żewġ livelli; l-ewwel livell huwa dak fejn xi wħud isostnu li Alla qed jikkastiga lid-dinja għal xi ħaġa ħażina li l-bnedmin qed jagħmlu. Hemm imbagħad dawk li “jwaħħlu” f’Alla għax jgħidu: “Imma jekk Alla jista’ kollox, għalfejn ma jwaqqafx dan kollu?” Dawn it-tip ta’ mistoqsijiet qed narawhom issa meta qed jinħassu ħafna theżżiżiet (u rajna l-ħsara terribbli u l-imwiet fit-Turkija u s-Sirja) imma smajnihom ukoll ftit tas-snin ilu fil-konfront tal-imxija tal-Covid-19.
Għalkemm nifhem u nissimpatizza minn fejn ġejjin dawn il-mistoqsijiet, li huma leġittimi sa ċertu punt, ikollna ngħidu li ż-żewġ naħat qed jirriflettu żball fundamentali fil-mod ta’ kif nifhmu lil Alla.
Il-fatt li fid-dinja hemm ħafna mġiba li tmur kontra r-rieda t’Alla ma jfissirx li hu sejjer jibgħat il-kastigi permezz ta’ diżastri naturali. Min jimmaġina lil Alla jġib ruħu hekk, iktar qed jaħseb fl-allat tal-mitoloġija (pereżempju xi Zeus bis-sajjetta lesta f’idu) milli lil Alla kif urihulna Ibnu Ġesù Kristu. Għax mistoqsijiet bħal dawn saru anki lil Ġesù stess matul ħajtu. Darba għamlulu mistosqija dwar il-qtil ta’ xi pellegrini Galilin minn Pilatu, u t-tiġrif ta’ torri li ħalla tmintax-il ruħ mejta. U l-mistoqsija kienet jekk dawn in-nies kinux iktar ħatja minn ħaddieħor (i.e. jekk kienx jistħoqqilhom kastig). It-tweġiba ta’ Ġesù kienet: “taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”(ara Luqa 13, 1-5).
Il-punt ta’ Ġesù huwa li Alla ma jibgħatx id-diżgrazzji bħala tpattija, sew meta d-diżgrazzji ikunu kkawżati minn forza naturali (bħal terremot jew għargħar, jew ukoll il-mard) u lanqas meta jiġu mill-kefrija tal-bniedem. Wara kollox, bosta drabi l-iktar li jbatu minn dawn iċ-ċirkustanzi huma l-iktar innoċenti. Alla jkun inġust u kattiv kieku jibgħat l-għargħar u t-terremoti (li spiss jeqirdu d-djar tal-iktar foqra) għall-korruzzjoni u l-ħażen ta’ bnedmin li huma fost l-iktar sinjuri fid-dinja! Għalfejn għandhom jeħlu t-Torok u s-Sirjani (pereżempju) għal dak li jseħħ fi New York, Londra, Beijing, Berlin jew Moska?
Iżda Ġesù xorta waħda joħroġ tagħlima minn dan kollu, għax joffrilna twissija. Jgħidilna li għalkemm m’għandniex naraw id-diżgrazzji bħala kastig, xorta waħda narawhom bħala twissija: ifakkruna li l-ħajja hi qasira u fraġli. U għaldaqstant nagħmlu tajjeb li ngħixu kull mument ta’ ħajjitna bl-għarfien li jista’ jkun l-aħħar wieħed. Jekk ngħixu b’dan l-ispirtu, żgur li nagħmlu l-għażliet tal-ħajja b’iktar responsabbiltà; żgur li nġibu ruħna aħjar ma’ xulxin. Jekk inżommu f’moħħna li f’mument ninsabu hawn imma f’teptipa t’għajn nistgħu nsibu ruħna quddiem Alla, probabbilment ngħixu ħafna aħjar.
It-tieni punt, dwar il-għalfejn Alla ma jwaqqafx il-ħażen milli jseħħ, huwa waħda mill-mistoqsijiet l-iktar fundamentali tal-filosofija. Alla żejjen il-bniedem bil-libertà, u allura ma jindaħallux fl-imġiba tiegħu, għalkemm permezz tal-grazzja jipprova jdawwlu sabiex jagħmel it-tajjeb u mhux il-ħażin. Imma l-mument li Alla jwaqqaf lill-bniedem milli jagħmel xi azzjoni ħażina, ikun qed ixellef il-libertà tiegħu (free will bl-Ingliż). Hekk il-bniedem ma jkunx tassew ħieles, imma jispiċċa qisu robot f’idejn Alla. Għax biex jien inħobb tassew (kif Alla jixtieq li nħobbu lilu u lil dawk ta’ madwari) hemm bżonn li nkun liberu wkoll li ma nħobbx. Inkella, jekk inħobbok bilfors, xi mħabba tkun?
L-istess jgħodd għan-natura u l-ħolqien. Alla fil-maġġor parti taċ-ċirkustanzi jħalli n-natura tiegħu l-kors tagħha, anki meta l-konsegwenzi ma jkunux sbieħ. Għax jekk Alla joqgħod jintervjeni f’kull mument u jgħawweġ ir-regoli tan-natura u tal-ħolqien (dawk li aħna nsejħulhom mirakli) allura l-libertà vera ma teżistix. Id-dinja tkun qisha ġugarell f’idejn tifel li jiddeċiedi kollox hu. Huwa proprju meta n-natura titħalla timxi l-kors naturali tagħha li l-bnedmin jitgħallmu jkunu responsabbli għall-għemil tagħhom, u jitgħallmu wkoll jagħmlu ġesti ta’ eroiżmu, bħalma naraw nies erojċi jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil min ikun fil-periklu.
U aħna nemmnu wkoll li Alla jżejjen bl-għerf lix-xjentisti u lil dawk li għandhom is-setgħa fid-dinja, sabiex isibu mezzi dejjem aħjar biex jipprevjenu d-diżastri u biex nikkonservaw ir-riżorsi naturali u s-saħħa tal-ħlejjaq. Fil-fatt tul l-istorja, spiss kien quddiem diżastri, gwerer, u mard serju, li x-xjenza għamlet qabża kbira ‘l quddiem. Imma kieku Alla jintervjeni quddiem kull diżastru naturali u jwaqqfu, tkun dinja artifiċjali u falza. Il-mirakli huma eċċezzjoni rari ħafna, mhux in-norma.
Dan kollu ma jfissirx li Alla mhuwiex sensittiv għat-tbatija tal-bniedem; aħna nemmnu li Alla kapaċi joħroġ il-ġid anki mid-deni, u allura quddiem ċirkostanzi koroh bħal dawn ċertament sejjer jippremja lil dawk li jagħmlu l-ġid, u jilqa’ fi ħdanu lil dawk li innoċentement tilfu ħajjithom. Ġesù tul ħajtu f’din id-dinja dejjem wera simpatija u kompassjoni kbira għal dawk li jbatu; anzi, ibati magħhom hu stess, li żgur kien innoċenti għalkollox.
Ikun Nisrani ħażin min jistaqsi mistoqsijiet bħal dawn (dwar Alla fejn ikun fit-tbatija)? Lanqas xejn! Alla żejjinna bid-don tal-fidi imma tana wkoll l-intelliġenza u r-raġuni. U dawn kollha qegħdin biex nużawhom; nagħmlu tajjeb li nistaqsu l-mistoqsijiet li jiġuna f’qalbna. Imma mbagħad nagħmlu tajjeb ukoll li bil-qalb naċċettaw li Alla huwa mħabba, u huwa infinitament ikbar minna. U allura quddiem it-tbatija tal-ħajja nistgħu nduru lejh, u għalkemm ma nifhmux dejjem, inħalluh ifarraġna u jagħtina l-paċi tiegħu, fl-għarfien li jista’ joħroġ il-ġid mid-deni, u joffrilna l-ħajja ta’ dejjem meta l-ħajja f’din id-dinja tintemm.