Select Page
Jade Cini hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta

Jade Cini hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta

Jade Cini, li kienet qed tirrapreżenta l-Belt Valletta, hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta, fis-serata li ġiet imxandra nhar il-Ġimgħa.

Hija se tkun qed tirrapreżenta lil Malta ġewwa Iżrael f’Diċembru li ġej, f’konkors li hu meqjus bħala l-aktar konkors prestiġjuż fid-dinja, u se tkun qed tikkompeti ma’ kontestanti minn madwar 90 pajjiż minn madwar id-dinja.

Minbarra dan, hija ħadet ukoll il-premju ta’ Miss Personality.

Hija saħqet li żżomm mal-kampanja tagħha matul il-konkors, dwar il-vjolenza domestika, u se tkompli taħdem aktar minn qatt qabel biex wara li għaddiet minnha hi stess, tgħin lil tfajliet u ġuvintur li għaddejjin minnha jsibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna.

Michela Galea, li kienet qed tirrapreżenta l-Imġarr, ikklassifikat fit-tieni post filwaqt li Maxine Formosa, li kienet qed tirrapreżenta lil San Ġiljan, ikklassifikat fit-tielet post.

Kif għandna nieħdu ħsieb xagħarna fix-Xitwa?

Kif għandna nieħdu ħsieb xagħarna fix-Xitwa?

B’kollaborazzjoni ma’ Mr. Clayton Balzan (Stilista tax-xagħar).

Huwa fatt magħruf illi fix-Xitwa, il-kesħa taf toħloq żbilanċ iktar qawwi f’ċerti kundizzjonijiet li wieħed ikun normalment diġà qiegħed ibati bihom matul is-sena, bħall-ġilda u xagħar xotti jew żejtnin.

F’każ fejn il-problema tkun ġilda jew xagħar żejtni estrem, dan ikun qed jiġri għaliex iktar żejt, jew aħjar “sebum”, ikun qed jiġi mill-glandoli “sebaceous”. Dan iż-żejt normalment jintuża sabiex wieħed jitlef inqas ilma minn ġismu, jipprevjeni infezzjonijiet, speċjalment minn bakterji u fungi, u jifforma wkoll parti mill-produzzjoni tal-għaraq. Dan iż-żejt jgħin wkoll sabiex wieħed ikun jista’ jżomm temperatura tajba ta’ ġismu; għaldaqstant fix-Xitwa, jista’ jkun qed joħroġ iktar żejt sabiex wieħed iżomm f’livell adekwat is-sħana tal-ġisem.

Għaldaqstant, huwa importanti li min qiegħed ibati minn żejt eċċessiv fix-xagħar, juża’ “shampoo” apposta li jnaddaf sew il-qurriegħa minn kull tip ta’ żejt żejjed. Kif ukoll, wieħed għandu jogħrok xagħru sew għal darbtejn, bix-“shampoo”. Idealment, dan jitħalla jaħdem għal madwar żewġ minuti, qabel ma jitlaħlaħ bl-ilma. Ammont żgħir ta’ “conditioner” xorta jista’ jintuża minn min għandu xagħar żejtni. Kif ukoll, huwa importanti li f’dan il-każ, ix-xagħar ma jinħasilx b’misħun qawwi, ħalli l-pori ma jibqgħux miżdudin, u nevitaw ukoll it-telf ta’ xagħar, kaġun ta’ nuqqas ta’ arja li tkun għaddejja mill-pori. Wieħed għandu jara li japplika prodotti apposta kontra d-danni mis-sħana żejda, meta jkun se juża’ xi tip ta’ apparat li jarmi s-sħana biex jagħmel xagħru, bħal “hair straightener”, jew “curling iron”. Prodotti oħra, bħal “serums” tax-xagħar għandhom jiġu applikati f’inqas ammonti, fit-truf tax-xagħar biss.

Kundizzjoni oħra li hija komuni f’dan iż-żmien, hija dik ta’ ġilda jew qurriegħa xotta. Din tista’ tiġi ikkawżata minħabba li din id-darba, il-glandoli “sebaceous” ikunu qed jaħdmu iktar bil-mod. Iżda meta l-kesħa tkun qiegħda tixxotta iktar il-ġilda min-naħa ta’ barra, jaf ikun hemm iktar qoxra li tifforma; kemm fix-xagħar jew madwar il-ġilda, li jkun fiha diversi ċelloli mejta. Dawn jistgħu jirriżultaw f’ħakk jew saħansitra xi ftit qsim, fejn jaf joħroġ ukoll xi demm.

Fil-każ ta’ qurriegħa xotta, jew saħansitra, formazzjoni ta’ qoxra żejda, huwa vitali li wieħed l-ewwel jara x’possibilment jista’ qiegħed jikkawża din il-kundizzjoni. Dan għaliex hawn diversi tipi ta’ “moisture shampoos” adattati għal problemi differenti fix-xagħar jew fil-qurriegħa. Wieħed għandu jevita li jħokk rasu kontinwament ħalli ma tinstelaħx il-ġilda, u jevita wkoll li jitqaċċat ix-xagħar minn mal-basla. F’din is-sitwazzjoni, l-“conditioner” għandu jiġi applikat fit-truf tax-xagħar biss, u idealment jitħalla għal madwar 10 minuti qabel ma’ jitlaħlaħ bl-ilma, sabiex ix-xagħra tieħu l-ikbar ammont ta’ idrazzjoni. Prodotti oħra, bħal dawk li jaħdmu kontra d-danni mis-sħana, jew kontra t-tagħqid eċċessiv tax-xagħar, jistgħu jintużaw skont l-esiġenzi tal-individwi.

Għandna naraw ukoll li nixorbu l-ilma spiss ħalli nżommu kemm il-ġilda u anke x-xagħar iktar idratati u radjanti. Xi xarbiet oħrajn bħal “green tea”, jew xi ftit misħun bil-lumi jgħinu wkoll sabiex il-ġisem jissaffa minn diversi tossiċi u impuritajiet.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi, tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:

×Be Holistically Healthy, MD×

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt mal-istilista tax-xagħar, Mr. Clayton Balzan, jekk jogħġbok żur din il-paġna:

Fiamminage | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Dehra aħjar li tgħinna nħossuna aktar kunfidenti – Josette Grech

Dehra aħjar li tgħinna nħossuna aktar kunfidenti – Josette Grech

Illum għal darb’oħra flimkien se nimxu pass pass għal dehra aħjar li ġġiegħlna nħossuna iżjed kunfidenti bid-dehra tagħna.

Ħafna jistaqsu għaliex hemm il-bżonn li nużaw night cream.

Id-differenza se ngħidhielkom issa.

Id-day cream jew kif nafuh aktar il-Moisturizer qiegħed hemm għal dawn ir raġunijiet;

Il-kwalità tal-ġilda tagħna; xotta, żejtnija, imħallta, bil ponot..

X’nixtieq li l-krema li qed nuża ttini?

Kontra t-tikmix?

Iżjed ġilda radjanti?

Biex nelimina l-pigmentation?

Jew inkella għaliex il-ġilda bl-età niżlet xi ftit.

Kontra tniġġis tal-arja?

Dawn huma kollha ftit ideat għaliex il-persuna tuża Day Cream. Li nista’ nassigura li hemm differenza kbira meta nużaw xi tip ta’ krema fuq il-wiċċ għal ħdejn xi ħadd li ma juża xejn.

Punt important hu li dejjem għandna nużaw daycream fuq wiċċ nadif billi nnaddfu tajjeb u mqar darba fil-ġimgħa nużaw scrub. Dawn huma punti li tkellimna fuqhom drabi oħra.

Fejn u meta għandna nużaw il-krema tal-għajnejn? Wara li nkunu naddafna wiċċna u għamilna Toner jew Hydrating spray nibdew billi napplikaw l-Eye Cream. Noqgħodu attenti li ma nersqux daqshekk qrib l-għajn għaliex mal-ħin il-krema tersaq iżjed mal-għajn, u wara napplikaw id-day cream.

Dan għandu jkun ritwal ta’ kuljum għaliex b’hekk tara differenza fuq il-ġilda tiegħek meta tagħti ċans il-prodott jaħdem.

NIGHT CREAM;

Għaliex tajjeb li nużaw il-krema ta’ bil-lejl?

Bil-lejl il-ġilda tagħna tipproduċi ċelloli ġodda, u xogħol in-night cream huwa li dawn iċ-ċelloli jiġġeneraw b’saħħithom sabiex ikollna ġilda dejjem aħjar.

Meta nixtru night cream dan ma nistawx nużawh għal filgħodu għaliex ma jkollux tip ta’ protezzjoni li jkollna bżonn, bħal protezzjoni mix-xemx u anke mit-tniġġis tal-arja.

L-età taffettwa meta nixtru dawn il-prodotti?

Tajjeb li ngħidu li dawn il-prodotti tal-wiċċ jinxtraw skont l-età għaliex ma tistax tuża krema li mhijiex adattata għaliex minflok ġid tkun qed tagħmel ħsara.

Punt ieħor importanti hu li dak li hu tajjeb għal waħda mhux bilfors tajjeb għal oħra għalhekk tajjeb li qabel nixtru jkollna xi tip ta’ konsultazzjoni ma’ min ikun inkarigat li jispjega l-prodott kif suppost.

Jekk għandek xi mistoqsijiet jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

X’għandek tagħmel biex tieħu ħsieb ġilda xotta – Josette Grech

X’għandek tagħmel biex tieħu ħsieb ġilda xotta – Josette Grech

Illum se nitkellmu dwar x’għandna nagħmlu għall-ġilda xotta li kultant twassal ukoll għal ħakk u ħmura.

Għalkemm beda l-bard importanti li ma nieħdux banjijiet jew showers b’ilma jaħraq ħafna għaliex dan iwassal biex ineħħi żejt importanti mill-ġisem tagħna.

Noqgħodu attenti x’tip ta’ prodotti nużaw biex ninħaslu. Tajjeb li naqraw dak li jkun fih il-prodott.

Nużaw body scrub. Din tgħin ħafna biex inneħħu l-ġilda il-ħażina u nassigurakom li r-riżultat jibda jidher mill-ewwel.

Fl-aħħarnett tajjeb li wiehed juża’ Body Balm kuljum. Dan jgħin biex il-ġilda tagħna ma tixxuttax u tibqa’ morbida. Ħaġa li nħobb nuża jien u li sibtha effettiva ħafna hija l-BODY BRUSHING.

Sempliċi ħafna biex tagħmilha. Għandu jkollok brush tajba ċatta u bil-manku twil. Kuljum se tgħaddi minn saqajk ‘il fuq dejjem favur il-qalb u ġismek kollu anke idejk.

Ir-riżultat huwa li maż-żmien ikollok ġilda tleqq u morbida.

Xi jwassal għall-ġilda xotta?

Mat-tibdil tat-temp speċjalment xitwi ninnutaw illi jkollna ġilda qisha bil-qsim, frak u anke tħossha miġbuda. Dan huwa wkoll għall-fatt li nilbsu aktar ħwejjeġ U allura l-ġilda tagħna tkun aktar koperta nieqsa mill-arja. Fatt naturali li dejjem jgħin huwa li nixorbu ilma. Qatt m’għandu jkun kiesaħ imma nagħmlu sforz u nixorbu aktar.

Tista’ mal body balm tuża’ krema kemm taċ-ċellulite kif ukoll kontra stretch marks.

Jekk għandek xi mistoqsijiet jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Il-Kura tal-Ġilda

Il-Kura tal-Ġilda

B’mod regolari se nkun qiegħda nikkontribwixxi fuq skoperta.net dwar suġġetti relatati mal-qasam tas-saħħa.

Illum b’kollaborazzjoni ma’ Ms. Claudia Borg (ITEC/CIBTAC Terapista olistika tas-sbuħija u l-irtokk) se nwasslulkom tagħrif dwar kif għandkom tieħdu ħsieb il-ġilda tagħkom partikolarment dik tal-wiċċ.

Fatt interessanti li ta’ min isemmi, huwa li l-ġilda hija ikkunsidrata bħala l-ikbar organu f’ġisimna, meta tiġi mkejla f’ammont ta’ “surface area” li tokkupa. Għaldaqstant huwa importanti ħafna li nagħtuha l-attenzjoni kollha li jixirqilha u għaldaqstant se naqsmu magħkom xi ftit suġġerimenti għall-kura ta’ ġilda sana.

Se nibdew billi nsemmu xi ftit mill-prodotti li wieħed ikollu bżonn juża’ għall-kura tal-wiċċ minn ġo daru stess. Idealment, dawn il-prodotti għandhom xorta jinxtraw mingħand terapisti professjonali; speċjalment jekk il-persuna li tużahom tkun tbati minn ċerti kundizzjonijiet tal-ġilda; bħal problemi fil-pigmentazzjoni, ponot, akne jew ħmura, fejn il-ġilda jkollha bżonn prodotti speċifiċi. Xi kultant, ikun hemm bżonn wkoll li wieħed iżur tabib tal-ġilda għal aktar kura. Kemm it-terapisti u kif ukoll t-tobba, huma fid-dmir li jipprovdu l-informazzjoni kollha ta’ kif wieħed għandu juża’ dawn il-prodotti speċifiċi għat-tip ta’ ġilda tagħkom.

It-tindif tal-wiċċ għandu jibda mill-“cleanser”. Dan jista’ jkun forma ta’ krema, “balm”, jew “gel”; li jinħasel bl-ilma jew ilma mixellari. X’wieħed għandu jixtri jiddependi mill-bżonnijiet tal-ġilda ta’ dak li jkun, u anke kif wieħed iħossu komdu li japplika l-prodott. Il-“cleanser” inaddaf il-wiċċ kemm minn ċertu rtokk u anke minn partiċelli tossiċi li jiġu iġġenerati kontinawment mill-atmosfera jew l-ambjent li ngħixu fih.

Sabiex nibbilanċjaw il-livelli ta’ “pH” ġol-ġilda tal-wiċċ, u kif wkoll sabiex jitneħħa l-“cleanser” kompletament, għandna nużaw it-“toner” warajh. Però, it-“toner” ħafna drabi ma jkunx għaqli li wieħed jużah madwar l-għajnejn, għaliex il-ġilda tkun irqaq f’din il-parti sensittiva tal-wiċċ.

Għal wara t-“toner”, jeżistu s-“serums”; li jintużaw biex inżidu l-vitamini fil-wiċċ u l-għonq; minħabba li jkunu magħmulin b’ingredjenti fini li jippenetraw il-ġilda faċilment. Huwa xjentifikament approvat illi l-wiċċ għandu bżonn kemm il-Vitamina C filgħodu, u anke l-vitamina A filgħaxija. Però wieħed qatt m’għandu jixtri bl-amment, iżda dejjem jieħu pariri professjonali, kemm mingħand it-terapista, jew id-dermatoloġista tiegħu, għaliex dawn il-prodotti jingħataw abbażi tal-età tal-persuna, u l-kundizzjoni tal-ġilda. Jaf ikun hemm ukoll ċerti kundizzjonijiet kroniċi oħrajn, jew bħal pereżempju, fit-tqala, fejn ċerti vitamini li semmejna jridu jiġu evitati.

Wara s-“serum” irridu wkoll napplikaw il-krema tal-wiċċ (moisturizer). Dan nagħmluh billi nibdew mill-għonq u nużaw idejna t-tnejn u ntellgħu ‘l fuq. Jeżistu ħafna tipi ta’ kremi għal kull età u tipi differenti ta’ ġilda. Normalment, it-terapista għandha tigwida lill-klijenti xi prodotti huma l-aħjar għalihom, billi tistaqsihom mistoqsijiet sempliċi; bħal jekk jkunux jbatu minn xi kundizzjonijiet mediċi, jekk jiħdux xi mediċini b’mod regolari, jekk ipejpux u kemm jixorbu ilma kuljum.

Ma ninsewx wkoll l-użu importanti tal-krema kontra r-raġġi tax-xemx. Din għandu jkollha minn tal-anqas UV factor 50, u tkun kontra r-raġġi tal- UVA u tal-UVB; sabiex tkun tista’ tipproteġi ċ-ċelloli li jinsabu iktar ‘l isfel fis-saffi tal-ġilda tagħna minn mard serju, bħall-kanċer tal-ġilda. Jeżistu diversi forom ta’ krema kontra r-raġġi tax-xemx, u wieħed għandu joqgħod attent li juża’ biss dak li verament jgħodd għalih, għaliex inkella faċilment jaf joħloq problemi oħra bħal ma’ huma l-“blackheads” jew żejt żejjed fil-ġilda tal-wiċċ. Issa li l-użu tal-maskri sar obbligatorju f’postijiet pubbliċi, ikun ferm aktar għaqli li napplikaw il-krema tax-xemx; biex ma nispiċċawx b’żewġ kuluri differenti f’wiċċna.

Dan il-proċess faċli tat-tindif tal-ġilda tal-wiċċ m’għandux jieħu aktar minn ftit minuti, u idealment għandu jsir darbtejn kuljum.

Darba jew darbtejn fil-ġimgħa, imbagħad għandna nużaw ukoll “scrub” li jgħinna nżommu l-ġilda morbida, billi jneħħilna ċ-ċelloli mejta, u għalhekk, indirettament; ikun qed jgħin ukoll lill-ġilda tirċievi aħjar il-prodotti kollha li semmejna qabel. Ma ninsewx ukoll li fis-suq hawn diversi “masks” li jkun fihom ħafna nutrijenti u jagħmlu differenza kbira fil-ġilda tagħna. Insibu forom differenti, saħansitra dawk li tista’ torqod bihom. Għal min forsi jixtieq jkun iktar ekonomiku, llum wieħed jista’ wkoll jinforma ruħu kif jista’ jħallat xi ingredjenti naturali bħall-għasel, yoghurt, u frott sabiex joħloq “masks” jew “scrubs” huwa stess.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtiequ nfakkru wkoll il-bżonn li nixorbu minn tal-anqas 2 litri l-ilma kuljum, ma npejpux u nieħdu l-vitamini/minerali kollha neċessarji billi nieklu dieta ibbilanċjata, kemm biex insaħħu s-sistema immunitarja tagħna waqt dan iż-żmien ta’ pandemija, iżda anke biex intejbu d-dehra tal-ġilda tagħna; kemm dik tal-wiċċ u anke tal-kumplament tal-ġisem. B’hekk nistgħu ngħinu biex nevitaw li jifforma t-tikmix, ġilda xotta jew tbajja.

Il-ħin li ninvestu fina nfusna m’hemmx prezzu, u huwa vitali li jkollna mħabba u rispett lejna nfusna, billi naprezzaw saħħitna u s-sbuħija tagħna. Is-saħħa u-sbuħija hija responsabbiltà individwali. Ħudu ħsieb u kunu prudenti.

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Qed tbati minn ħafna ħakk fil-qurriegħa? Għandna s-soluzzjoni għalik! – Josette Grech

Qed tbati minn ħafna ħakk fil-qurriegħa? Għandna s-soluzzjoni għalik! – Josette Grech

Qed tbati minn ħafna ħakk fil qurriegħa?
Għandek aktar u aktar qxur tal-brija f’xagħrek, fuq il-ħwejjeġ tiegħek.
L-ilbies iswed sar l-akbar biża’ tiegħek!
Trid taġixxi malajr biex teħles mill-brija!!

 Il-brija, huma biċċiet żgħar tal-ġilda, li jinsabu fuq il-qurriegħa. Jekk dawn il-biċċiet jaqgħu, huwa minħabba fungus li huwa 100% naturali u preżenti fuq il-qurriegħa kollha. B’Hekk tifforma l-brija u s-sintomi assoċjati kollha tagħha li huma: ħakk, ħmura, irritazzjoni, ġilda xotta.  M’għandekx tħawwad il-brija dermatite, li taffettwa diversi oqsma tal-ġisem fi kwalunkwe età, ma’ psoriasis jew ekżema. Għalhekk dejjem tajjeb li tieħu parir mingħand tabib .

Jekk tbati mill-brija, jista’ jkun li ndunajt li l-attakki tal-brija jibdew fi żmien partikolari f’ħajtek;

○ F’ambjent li jkun niexef wisq jew kiesaħ wisq, li jinxef u jiżbilanċja l-qurriegħa tiegħek.

○ Wara l-użu ta’ prodotti tax-xagħar irritanti li huma aggressivi wisq għall-qurriegħa tiegħek f’każ ta’ stress u nutrizzjon ħażin.

○ Meta tilbes wisq kpiepel jew brieret.

○ Jekk il-qurriegħa tiegħek tipproduċi wisq żejt.

L-aktar ħaġa importanti hija li tagħżel trattamenti li jirrispondu b’mod effettiv għall-problema. Jeħtieġ li jkunu anti-mikrobjali, biex jiġġieldu kontra l-fungus, anti-infjammatorji biex itaffu u jnaqqsu l-irritazzjoni u sabiex ma jkollniex aktar brija, irridu niżguraw li fl-istess ħin, nipproteġu u nippreservaw il-barriera tal-ġilda. Jekk qed tfittex is-soluzzjoni l-ġdida kontra l-brija, Phyto għal darb’oħra għandha t-tweġiba. 

Fażi 1: Phytosquam intense:

Dan huwa trattament li ġie żviluppat  biex jelimina l-problema tal-brija, u jnaqqas mill-ewwel il-ħakk! Dan kollu, mingħajr ma ninsew is-sbuħija tax-xagħar. Fil-qalba tal-formulazzjoni ta’ dan il-prodott hemm kumpless ta’ pjanti uniċi bħal: Bżar Iswed u Injam tal-Gujana. Biex tnaddaf u ttaffi l-qurriegħa tiegħek mill-ħakk u irritazjoni.  Dan il-prodott huwa trattament ta’ ġimgħatejn, jiġi applikat fuq il-qurriegħa niexfa. Tista’ mbagħad timmassaġġja bil-mod, ħallih għal 10 minuti. Imbagħad, laħlaħ sewwa!

Fażi 2: Il-kura tat-tindif u-manutenzjoni:

Jekk il-qurriegħa tiegħek hija suxxettibbli għall-brija, inti għandek tkun taf li tista’ terġa’ titfaċċa fi kwalunkwe ħin jekk ma tittrattx kontinwament. Phyto għal darb’oħra għandhom it-tweġiba: wara t-trattament intensiv ta’ ġimgħatejn, tista’ testendi l-effettività ta’ Phytosquam Intense b’shampoo li jikkorrispondi man-natura tal-qurriegħa tiegħek. Pjuttost żejtnija? Agħżel Squam shampoo għal xagħar żejtni dan xorta se jgħin biex jelimina il-brija.  Qurriegħa niexfa? Agħżel Phyto Squam Shampoo għal qurriegħa xotta: Dan se jibbilanċja mill-ġdid il-ġilda tiegħek u b’hekk ma jħallix li l-brija tirritorna!

Idħlu fil-paġna tagħna ta’ facebook:

Phyto Malta | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks