Select Page
Stil ta’ Karate ġdid f’Malta li jgħinek titgħallem kif għandek tiddefendi ruħek

Stil ta’ Karate ġdid f’Malta li jgħinek titgħallem kif għandek tiddefendi ruħek

Wara ħafna xhur ta’ preparamenti, fl-aħħar wasal iż-żmien li f’Malta se jibda t-tagħlim ta’ wieħed mill-iktar stili ta’ Karate b’saħħtu fid-dinja li ġie mwieled fil-Ġappun; Dan huwa magħruf bħala Kyokushin Karate.

Il-Malta Shinkyokushin Karate huwa uffiċjalment rikonoxxut bħala membru tal-EKO – European Karate Organisation, li hija waħda mill-ikbar organizzazzjonijiet fl-Ewropa u tħaddan fostha wħud mill-ikbar pajjiżi madwar l-Ewropa u issa anke lil Malta.

Il-Kyokushin huwa stil ta’ karate li fih wieħed jagħmel kuntatt fiżiku mal-persuna l-oħra jew mal-avversarju tiegħu b’diversi modi fosthom bl-użu tal-idejn u anki s-saqajn. Għal din ir-raġuni, b’dan it-taħriġ wieħed ikun awtomatikament qed jitgħallem kif jiddefendi lilu nnifsu f’każ ta’ bżonn. Fit-tagħlim tal-Kyokushin, wieħed ikun qed jikseb kundizzjoni fiżika tajba, dixxiplina u metodi realistiċi li kollha jattribwixxu għas-saħħa fiżika kif ukoll mentali tal-individwu.

Ir-rappreżentant uffiċjali ta’ Shinkyokushin għall-EKO f’Malta huwa Mr. Luke Spiteri li għandu passjoni kbira lejn l-arti marzjali u huwa wkoll direttur ta’ kumpanija. Wara ħafna snin ta’ taħriġ u prattika, Spiteri kiseb numru ta’ gradi prestiġjużi u titli f’forom ta’ arti differenti u sa fl-aħħar qieghed iwettaq il-ħolma tieghu li jintroduċi l-Kyokushin Karate għall-ewwel darba f’Malta. B’dedikazzjoni u mpenn liema bħalhom, huwa jinsab ħerqan li jwassal l-għarfien tiegħu waqt il-lezzjonijiet ta’ kull ġimgħa lil kull min hu interessat, sew jekk żgħir kif ukoll kbir u ta’ kwalunkwe sess.

Bħalissa t-tagħlim qed isir f’dojo (post ta’ taħriġ) wieħed, iżda fi żmien qarib se jkun qed jinfetaħ it-tieni wieħed. Għal aktar informazzjoni, tista’ tibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook Malta Shinkyokushin Karate jew fuq WhatsApp +35679760155.

Kun wieħed minn tal-ewwel f’pajjiżna li titgħallem l-arti ta’ Shinkyokushin Karate u l-abilità fundamentali tad-difiża personali.

Haley Bugeja tirbaħ il-premju Atlas Youth Athlete of the Year għall-2021

Haley Bugeja tirbaħ il-premju Atlas Youth Athlete of the Year għall-2021

Wara li rebħet l-unur tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal Diċembru, l-istilla tal-futbol Haley Bugeja rebħet l-Atlas Youth Athlete of the Year.

Hija rebħet dan l-unur prestiġġjuż wara votazzjoni minn panel ta’ tliet ġurnalisti mħallta mal-votazzjoni tal-pubbliku, li saret onlajn matul dawn l-aħħar ġimgħat. Fit-tieni post overall ta’ dan l-unur spiċċaw il-long jumper Jeremy Zammit u l-għawwiema Sasha Gatt li kienu ferm viċin ta’ Bugeja. L-ewwel unur annwali li kien dak tas-sena 2020 kien intrebaħ mill-weightlifter Tenishia Thornton u Haley Bugeja kienet ġiet bħala runner up.

Haley Bugeja ingħaqdet ma’ U.S. Sassuolo fl-età żgħira ta’ 16-il sena u ġibdet l-attenzjoni internazzjonali għad-debutt pożittiv li kellha u spiċċat top scorer mal-klabb tagħha u waħda mill-aqwa ħames scorers fis-Serie A Femminile. Il-wirjjiet tagħha poġġewha mal-aktar għaxar plejers b’potenzjal tan-nisa mill-UEFA, fejn kienet l-iżgħar plejer fil-lista.

Din is-sena kienet waħda sensazzjonali għall-attakanta Maltija Haley Bugeja li fetħet l-istaġun 2021/2022 ma’ U.S. Sassuolo wara li sabet ix-xibka fl-ewwel taqsima kontra Napoli fis-Serie A Femminile, wara nuqqas ta’ ħames xhur minħabba injury.

F’Diċembru, Bugeja ġiet ippremjata bħala l-aqwa plejer fis-Serie A Femminile minn L Football, pubblikazzjoni ibbażata fl-Italja li tispeċjalizza fil-futbol tan-nisa.

Hija wkoll għamlitha bħala l-ewwel Maltija mal-IFFHS Women’s U-20’s Best XI. Hija ngħaqdet ma’ plejers oħra ta’ talent fil-formazzjoni ta’ 3-3-4 ippublikata mill-IFFHS, li hija l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Istorja u l-Istatistika tal-Futbol.

Bugeja kienet ukoll parti mit-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa fil-logħob ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Montenegro u l-Bożnija-Ħerżegovina.

Il-preżentazzjoni tat-trofew u l-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju se jingħataw aktar ‘il quddiem minħabba l-impenji li għandha mal-klabb barra minn xtutna.

L-għan prinċipali wara l-inizjattiva ta’ dan l-unur hi sabiex isir iktar għarfien u promozzjoni tal-kisbiet sportivi tal-atleti żgħażagħ Maltin kemm lokalment kif ukoll fix-xena internazzjonali flimkien mal-importanza tal-valuri sportivi. Ir-regolamenti marbuta mal-unur tas-sena 2022 se jibqgħu l-istess fejn atleti taħt il-21 sena li jkunu ddistingwew ruħhom tul ix-xahar partikolari jkunu kkunsidrati għall-unur tax-xahar minn panel ta’ tliet ġurnalisti.

Kull rebbieħ jingħata t-trofew marbut ma’ dan l-unur kif ukoll vawċer ta’ abbiljament sportiv tal-għażla tagħhom ġentilment mogħti minn Atlas Insurance.

Dawk l-atleti, uffiċjali u kowċis li jixtiequ jinnominaw individwi għal dan l-unur huma mħeġġa jagħmlu dan billi jibagħtu l-motivazzjoni permezz ta’ imejl fuq info@maltasportsjournalists.com.

Manchester United jilħqu ftehim ma’ Ralf Rangnick biex isir il-maniġer interim tagħhom

Manchester United jilħqu ftehim ma’ Ralf Rangnick biex isir il-maniġer interim tagħhom

Ralf Rangnick, li għandu 63 sena u li kiseb suċċess fil-Ġermanja, qed iħalli xogħlu bħala kap tal-isports u l-iżvilupp f’Lokomotiv Moscow biex jieħu r-rwol wara li laħaq ftehim ma’ Manchester United biex isir il-maniġer interim tagħhom.

Il-ftehim li ntlaħaq huwa li Rangnick jibqa’ f’dan ir-rwol għal 6 xhur, sal-aħħar ta’ Mejju, imbagħad huwa se jkollu sentejn oħra fi rwol ta’ konsulenza.

Ole Gunnar Solskjaer tkeċċa minn maniġer ta’ Manchester United wara t-telfa ta’ 4-1 kontra Watford. Ir-riżultat ħallihom fit-tmien post fil-Premier League.

Manchester United għamluha ċara li se jfittxu li jimpjegaw maniġer interim sal-aħħar tal-istaġun u l-għażla tagħhom kienet waħda ċara wkoll għaliex mill-ewwel avviċinaw lil Rangnick.

Rangnick mexxa lil Hannover, Schalke, Hoffenheim u RB Leipzig. Huwa ħa wkoll lit-tim Ġermaniż mhux magħruf ta’ Ulm fil-Bundesliga għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom fil-bidu ta’ dan is-seklu.

Rangnick kellu wkoll suċċess sinifikanti bħala direttur tal-futbol.

Il-futboler Karim Benzema jinstab ħati ta’ kompliċità fuq rikatt ta’ vidjow sesswali

Il-futboler Karim Benzema jinstab ħati ta’ kompliċità fuq rikatt ta’ vidjow sesswali

L-attakkant ta’ Franza u Real Madrid Karim Benzema instab ħati għall-involviment tiegħu fir-rikatt ta’ eks plejer internazzjonali fuq vidjow sesswali.

Il-futboler kien ikkundannat sena ħabs sospiża u mmultat €75,000.

L-avukati tiegħu saħqu li se jappellaw il-verdett.

Il-plejer ta’ 33 sena kien wieħed minn ħames persuni li tressqu ġuri x-xahar li għadda fuq attentat ta’ rikatt fuq Mathieu Valbuena.

Dan wassal liż-żewġ plejers jitilfu posthom fit-tim nazzjonali.

Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2015, meta ż-żewġ futbolers kienu f’kamp ta’ taħriġ Franċiż.

Skont il-prosekuturi, Benzema għamel pressjoni fuq Valbuena biex iħallas lir-rikattaturi, li hu stess kien ikkonfoffa magħhom.

Benzema dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet u saħaq li kien qed jipprova biss jgħin lil Valbuena jeħles mill-filmat kompromess.

Minn dakinhar il-plejer irritorna mat-tim ta’ Franza u mistenni jibda ma’ Real Madrid l-Erbgħa filgħaxija meta jilagħbu kontra FC Sheriff Traspol fiċ-Champions League. Il-verdett mhuwiex se jaffettwa xejn minn dan.

Benzema ma kienx preżenti fil-qorti f’Versailles għall-vetdett, u lanqas Valbuena li jilgħab mal-klabb Grieg Olympiakos.

Petizzjoni minn Partitarji Ingliżi biex terġa’ tintlagħab il-finali tal-Euro 2020

Petizzjoni minn Partitarji Ingliżi biex terġa’ tintlagħab il-finali tal-Euro 2020

Bosta partitarji Ingliżi qed jiġbru l-firem għal petizzjoni biex terġa’ tintlagħab il-finali tal-Euro 2020.

Huma qed jisħqu li l-logħba ma kinitx ġusta, għaliex skont huma, ir-referì iffavorixxa lill-Italja billi ma ħax azzjoni għad-diversi fawls li wettqu l-plejers Taljani.

Qed issir ukoll petizzjoni oħra minn partitarji Ingliżi biex ma jitħallewx jidħlu razzisti fil-grawnds tal-futbol. Dan wara li t-tliet plejers Ingliżi li fallew il-penalties kienu soġġetti għal abbuż relatat ma’ razziżmu.

Enable Notifications    OK No thanks