Select Page
Attività b’xejn fejn tista’ titkellem ma’ professjonisti tas-saħħa – Kif tista’ tattendi?

Attività b’xejn fejn tista’ titkellem ma’ professjonisti tas-saħħa – Kif tista’ tattendi?

Flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbug, il-Willingness Team se jkun qed jorganizza ġurnata ta’ attivitajiet relatati mas-saħħa b’xejn. Dan se jsir fl-1 ta’ Mejju mit-8am sal-12pm, ġewwa l-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn ħa tkun trasferita fi pjazza pedonali.

Dan iffisser illi inti tista’ tiġi mal-familja jew ħbieb biex tipparteċipa f’diversi attivitajiet ta’ logħob għat-tfal jew fitness classes għall-adulti. Se jkun hemm wkoll testijiet b’xejn tas-saħħa għal min irid jiċċekja l-pressjoni u z-zokkor.

Se jkun hemm professjonisti bħal tobba, fiżjoterapisti, psikoloġisti, terapisti dietitians u personal trainers hemmhekk disposti għal jekk forsi għandek xi mistoqsijiet jew għajnuna dwar saħħtek jew tal-familja tiegħek.

Xi trid tagħmel biex tattendi?

Jekk tixtieq tattendi, kulma trid tagħmel hu tikteb din id-data u l-ħin fid-djarju tiegħek u tiġi żżurna fil-ġurnata. Jekk tixtieq tattendi xi class ta’ Pilates, jew Yoga, jew fitness jew fiżjoterapija, kemm tibgħat messaġġ b’ismek u l-klassi li tixtieq tattendi fuq 79291817 jew fuq facebook tagħna ta’ Willingness.

Min jista’ jattendi?

Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd; miż-żgħar sal-kbar. Se jkun hemm tlielaq tar-roti, logħob tat-tfal fejn jistgħu jġibu ir-roti jew scooters magħhom u jduru ġewwa l-pjazza b’mod sikur għaliex se tkun magħluqa għal karozzi bħala pjazza pedonali. Waqt li t-tfal ikunu qed jilagħbu, inti tista’ tagħmel testijiet tas-saħħa jew tissieħeb ma’ xi klassi b’xejn tal-yoga, jew pilates jew fitness jew fiżjoterapija.

Il-programm tal-klassijiet tista’ ssibu hawn: HealthFest @ Pjazza Pedonali | Facebook

Araw li tkunu lebsin komdi, idealment bi papoċċ.

L-idea ta’ din il-ġurnata flimkien ġewwa l-pjazza pedonali ta’ Ħaż-Żebbug hu biex nitgħallmu li saħħitna nistgħu nieħdu ħsiebha b’diversi modi li jaf ikunu aktar faċli milli naħsbu. Jekk tinsabu kurjużi dwar x’tikkonsisti din il-ġurnata flimkien ġewwa l-pjazza pedonali ta’ Ħaż-Żebbuġ tistgħu tkellmuna fuq info@willingness.com.mt jew 79291817 u nispjegawlek aħjar.

X’taf dwar il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

X’taf dwar il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-marda tal-idejn, is-saqajn u l-ħalq (Hand, Foot & Mouth Disease) hija infezzjoni minn virus tat-tip Coxsackie li l-aktar li jolqot huma lit-trabi u lit-tfal żgħar. Ġeneralment is-sintomi jkunu diversi ponot fuq il-wiċċ, l-idejn jew is-saqajn jew anke xi ulċeri fil-ħalq.

Sintomi oħra jistgħu jinkludu wkoll uġigħ fil-ġriżmejn, sogħla, deni jew għeja. Din il-marda hija ta’ natura ħafifa u trid tgħaddi waħedha. Però wieħed jista’ jingħata trattament sapportiv, bħall-mediċina kontra l-uġigħ jew id-deni sabiex itaffi xi ftit mis-sintomi u l-iskumdità li jkollu.

Huwa importanti wkoll li wieħed jixrob spiss. Minkejja li l-aktar komuni huma fost it-trabi u t-tfal, din il-marda tista’ taqbad lill-adulti ukoll.

Dan il-virus idum ġeneralment madwar 10 ijiem u wieħed ikun irid joqgħod jistrieħ id-dar ħalli ma jxerridx il-virus lil nies oħrajn permezz tal-għatis, sogħla jew kuntatt bl-idejn. Din il-marda ġeneralment ma tħallix konsegwenzi serji però tista’ tkun ta’ skumdità għall-marid.

Kull sena jkun hawn infezzjonijiet ta’ din il-marda u din is-sena mhix eċċezzjoni. Għaldaqstant, it-tfal għandhom jerġgħu jirritornaw l-iskola meta jkunu nixfu kompletament il-ponot, wara madwar għaxart ijiem.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Il-liġi dwar l-użu personali tal-kannabis tiġi approvata mill-Parlament Malti

Il-liġi dwar l-użu personali tal-kannabis tiġi approvata mill-Parlament Malti

Il-Parlament Malti għadu kemm approva l-liġi dwar l-użu personali tal-kannabis b’36 vot favur u 27 kontra.

Dan ifisser li Malta se ssir l-ewwel pajjiż Ewropew li jillegalizza l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għall-użu personali, għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena.

Il-liġi se tkun qed tippermetti li konsumaturi adulti jippossjedu sa 7 grammi kannabis mingħajr biża’ li qed jiksru l-liġi u li jiġu arrestati. Madanakollu, il-pulizija xorta jkollha d-diskrezzjoni li tieħu passi jekk ikun hemm suspett raġonevoli ta’ traffikar jew kummerċ tad-droga.

Din il-liġi tippermetti wkoll li żżomm sa 4 pjanti tal-kannabis fid-dar, irrispettivament min-numru ta’ residenti.

Se jinħolqu assoċjazzjonijiet tal-kannabis taħt il-liġi l-ġdida biex iqassmu d-droga jew iż-żerriegħa biex tiġi kkultivata, li tirrifletti s-sistema użata f’Barċellona.

Se jkun permess li tinbiegħ sa 7 grammi kannabis f’ġurnata waħda lil membru, li ma jkunx jista’ jixtri aktar minn 50g f’xahar. Sadanittant, se jkun permess biss li jitqassmu mhux aktar minn 29 żerriegħa fix-xahar lil kull membru.

In-nies mhux se jitħallew ipejpu fil-pubbliku sakemm ma jkunux ġew awtorizzati għal raġunijiet mediċi.

Il-grupp Parlamentari Laburista vvota kontra filwaqt l-Oppożizzjoni kollha vvutat kontra.

Din il-iġi tidħol fis-seħħ hekk kif il-President jiffirmaha.

Mit-Tlieta l-14 ta’ Diċembru jibda t-tilqim tal-Covid-19 għat-tfal ta’ bejn il-5 u 11-il sena

Mit-Tlieta l-14 ta’ Diċembru jibda t-tilqim tal-Covid-19 għat-tfal ta’ bejn il-5 u 11-il sena

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej se jasal Malta l-ewwel vaċċin tal-Covid-19 għat-tfal, għaldaqstant, mit-Tlieta l-14 ta’ Diċembru se jibdew jitlaqqmu t-tfal ta’ bejn il-5 u 11-il sena.

Il-proċess tat-tilqim se jibda b’dawk li huma meqjusa bħala vulnerabbli, b’mard kroniku, u mbagħad jitkompla skont l-età.

Huwa qal li d-doża tat-tfal hija inqas minn dik tal-adulti.

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Ir-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija kundizzjoni kronika li fiha l-kontenut likwidu tal-istonku jirrigurġita lura fl-esofagu. Peress li dawn il-kontenuti huma aċidużi ħafna, tibda tinħass sensazzjoni ta’ ħruq fin-nofs tas-sider jew fin-naħa xellugija taż-żaqq.

Il-gravità u l-bżieq huma mekkaniżmi protettivi importanti għall-esofagu, iżda dawn huma effettivi biss meta l-individwi jkunu fil-pożizzjoni wieqfa. Għaldaqstant waqt l-irqad, il-gravità m’għandha l-ebda effett, u anke tkun qed titnaqqas is-sekrezzjoni tal-bżieq. Għalhekk, ir-rifluss tal-aċtu li jseħħ matul il-lejl huwa aktar probabbli li jikkawża ħsara lill-kisja tal-esofagu.

Il-kawżi tar-rifluss tal-aċtu mill-istonku huma pjuttost kumplessi u għandhom tendenza li jvarjaw f’individwi differenti. Madankollu, hemm bosta fatturi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex persuna tiżviluppa din il-kundizzjoni; bhall-obeżità abdominali, tqala, ftuq tat-tip hiatus, mard tat-tessuti konnettivi, kif ukoll abnormalitajiet tal-isfinter tal-esofagu.

Id-dijanjosi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija ssuspettata meta s-sintomi tipiċi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni jkunu preżenti fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn jistgħu jinkludu ħruq fl-istonku, rigurġitazzjoni tal-aċidu jew tal-bili, żieda fil-bżieq, kif ukoll dardir jew rimettar. Madankollu, dawn is-sintomi mhumiex speċifiċi. Għalhekk, l-istandard attwali għad-dijanjosi definittiva ta’ din il-kundizzjoni huwa l-monitoraġġ tal-pH tal-esofagu fuq 24 siegħa.

L-endoskopija tal-istonku hija wkoll rrakkomandata f’dawk l-individwi li ma jirrispondux tajjeb għat-trattamenti jew li jippreżentaw b’sintomi aktar allarmanti bħal diffikultà biex tibla’, anemija, demm fl-ippurgar, tħarħir, telf ta’ piż jew bidliet fil-vuċi.

It-trattament primarju tal-aċtu fl-istonku tipikament jinvolvi bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll certi mediċini li jiġu preskritti biex jinnewtralizzaw ir-rifluss tal-aċtu u li jipprevjenu wkoll il-formazzjoni tal-aċtu żejjed fl-istonku.

Bħala linja gwida, għandhom ukoll jiġu evitati bibiti u ikel aċidużi bħall-kafè, luminata, ċitru, tadam, ikel pikkanti jew xaħmi. Barra minn hekk, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol għandhom jiġu minimizzati.

Diversi bidliet oħrajn bħal li wieħed jiekol porzjonijiet iżgħar tal-ikel u li jservi l-ikliet aktar kmieni filgħaxija huma wkoll irrakkomandati. Il-konsum ta’ chewing gum u l-ħalib frisk, kif ukoll l-elevazzjoni tar-ras u l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem waqt l-irqad jistgħu wkoll itejbu s-sintomi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku.

Madankollu, xi drabi dawn ir-rimedji ma jkunux biżżejjed. F’dawn il-każijiet severi tal-aċtu fl-istonku, it-trattament kirurġiku jkun il-fundoplication. F’din il-proċedura, il-parti ta’ fuq tal-istonku tiġi mgeżwra madwar l-isfinter tal-esofagu t’isfel biex tissaħħaħ.

Fil-popolazzjonijiet tal-Punent, din il-kundizzjoni taffettwa bejn wieħed u ieħor minn 10 sa 20 fil-mija tal-individwi. Ir-rata ta’ prevalenza tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku f’nazzjonijiet żviluppati hija wkoll marbuta sew mal-età, bl-adulti ta’ bejn il- 55 u 65 sena li huma l-aktar affettwati.

Il-kumplikazzjonijiet tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku li ma jiġux solvuti jistgħu jinkludu ulċeri gastriċi, esofagu Barrett kif ukoll defiċjenza tal-ħadid u infjammazzjoni tal-esofagu. Għalhekk, huwa vitali li tfittex parir mediku jekk is-sintomi jippersistu għal aktar minn ġimgħatejn infila.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks