“Ninsabu ċerti li Robert qed jitbissem bi kburija minn hemm fuq”

“Ninsabu ċerti li Robert qed jitbissem bi kburija minn hemm fuq”

Ftit tal-ħin ilu l-paġna ta’ facebook ta’ Robert Arrigo ġiet aġġornata mill-membri tal-familja tiegħu. Fil-fatt, apparti li nbidlu r-ritratti prinċipali tal-paġna tiegħu, il-familja ħalliet kitba ta’ ringrazzjament u ta’ aġġornament.

L-aħħar post ta’ Robert Arrigo tmur lura għal kważi xahar ilu, nhar is-6 t’Ottubru, meta beda jħeġġeġ in-nies jattendu l-ikla li kien qed jorganizza huwa stess, b’risq Puttinu Cares. Minn dak in-nhar, Robert ħalla din id-dinja, però l-pjanijiet li kellu se jseħħu xorta waħda, kif ġie mwiegħed mill-familja tiegħu.

Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Robert Arrigo, il-mara tiegħu Marina, u ż-żewġ uliedu Alan u Andrew, irringrazzjaw lil kulħadd għall-imħabba, l-apprezzament u l-appoġġ muri lilhom wara l-mewt ta’ Robert.

Huma stqarrew li jinsabu ċerti li “Robert qed jitbissem bi kburija minn hemm fuq.”

Fil-kitba tagħhom huma assiguraw li kif ġie imwiegħed, l-attivitajiet kollha li Robert kien qed jorganizza għal Diċembru se jkunu qed isiru.

Fakkru ukoll lis-segwaċi tagħhom dwar l-ikla buffett b’risq Puttinu Cares.

Għad fadal l-aħħar postijiet disponibbli għall-Ikla tal-11 ta’ Diċembru b’risq Puttinu Cares. Il-bookings jistgħu jsiru billi wieħed iċempel fuq 23285000.

Il-familja Arrigo ħeġġet ukoll lill-pubbliku biex ikompli jsegwi l-paġna ta’ Robert Arrigo, għaliex huma se jkomplu jaġġornaw dwar l-attivitajiet kollha ta’ Diċembru kif ukoll dwar pjanijiet futuri li huma qed jaħdmu fuqhom, pjanijiet biex jonoraw il-memorja ta’ Robert.

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.


Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.


F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.


Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.

Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.

Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.

Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto – Goddess of Motherhood and Demureness.

Weraq Niexef (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Is-subien kollha li kien hemm fil-ġnien ġew jiġru lejn dik in-naħa ħalli jaraw eżatt dak il-ħoss x’kien. Raw lil Christopher iżomm mat-tarf tax-xorok b’idejh, b’ġismu mdendel għal isfel.
“Ajjut!” beda jgħajjat, jibki kemm jiflaħ.
“Ma nistgħux niġu ħdejk!” qallu Andrew.
Xi tnejn minn sħabu ppuntaw imorru jiġru lejn it-taraġ iżda Andrew waqqafhom.
“Ħalluh! Inkella nweġġgħu aħna!”
“Għinuni!” beda jwerżaq. Ix-xorok niżlu biċċa oħra.
“Tlaqna ‘l hemm!” ordnalhom Andrew.
Christopher ra lil sħabu jitilqu kollha.
U ħallewh hemm.
Kien qed jolfoq u jibki.
Passi. U dak il-ħin sema’ ħoss ta’ xi ħadd.
U rah.
Jean kien qed iħares lejh mit-taraġ.
“Inzertajt hawn! Ejja ħa ngħinek!” qallu.
B’attenzjoni kbira għadda minn fejn kien l-aktar sod, u mingħajr telf ta’ ħin, qabdu minn idejh u ġibdu ‘l fuq.
Ftit ħin wara, kienu t-tnejn li huma bilwieqfa quddiem xulxin fis-sular t’isfel, eżatt mal-entrata tal-bini. Christopher kien għadu qed iħoss saqajh jirtogħdu.
“Grazzi……” ried jgħidlu, iżda Jean kien diġa’ telaq jiġri.
U l-għada, xħin mar l-iskola ried jevita lil sħabu.
“Aħna għidna li ma jiġrilek xejn!” kixef snienu Andrew.
Iżda Christopher lanqas biss wieġbu, moħħu kien f’Jean u kien qed jgħid bejnu u bejn ruħu li mnalla kien hu li salvah għaliex sħabu kienu abbandunawh fil-mument tal-bżonn.
Iżda l-bank ta’ Jean baqa’ vojt illum ukoll.
“Miss….?” mar Christopher lejn l-għalliema, hekk kif kienet daqqet il-qanpiena biex jitilqu lejn id-dar.
“X’għandek bżonn?” staqsietu l-għalliema.
“Nixtieqek tgħidli fejn joqgħod għax irrid nagħtih rigal. Billi ilu ma jiġi…………”
L-għalliema waqfet qisha statwa, donnha riedet tgħidlu xi ħaġa.
“Jekk jogħġbok…….”
“Ma tistax tagħtihulu. Ġimgħa ilu kellu aċċident.”
“Imma lbieraħ………….ilbieraħ rajtu.”
“Ma jistax ikun,” qaltlu. “Ġimgħa ilu. Eżatt. Kien għadu kemm ħareġ jiġri minn dak il-ġnien tas-siġar twal u tal-weraq niexef. Tajritu karozza. Miet fil-post. ”

Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Għaddew xi jiem. Il-bank tal-iskola ta’ Jean kien vojt. Kien ilu ftit ma jersaq lejn l-iskola.
Waqt il-lezzjonijiet, Christopher kien joqgħod jiċċassa jħares lejn il-bank ta’ Jean.
Dak il-mument li għajnejhom it-tnejn kienu ltaqgħu ma’ xulxin qatt ma kien se jinsih. Kien ħass ħafna emozzjonijiet għal dak it-tifel. F’temp ta’ sekonda kien esperjenza d-dulur li kien għaddej minnu Jean. Jean l-imwarrab. Għax hekk kienu jsibuh sħabu l-oħra.
Ma damx ma reġa’ ltaqa’ miegħu.
“Wara l-iskola tridu mmorru f’dik id-dar l-abbandunata li hemm fit-tarf tar-raħal illejla?” staqsihom Andrew dakinhar stess.
Kulħadd qallu iva. Mur għidlu le lil Andrew! Kieku kien idawwar lill-grupp kollha konfoffa kontrik!
U wara l-iskola erħewlha lejn din id-dar abbandunata.
Kienet dar qadima, mingħajr bibien u twieqi, snin twal ta’ abbandun totali kienu ġabuha lok perfett fejn grupp subien ta’ dik l-età setgħu jesploraw u jgħaddu ftit ħin.
Kien fiha ġnien kbir fuq wara, mimli għollieq, ħurrieq u xi ħaxix twil ieħor li s-subien ma setgħux jagħrfuh.
“Jien sejjer sas-sular ta’ fuq,” qalilhom Andrew.
Għalkemm ħadd minnhom ma ried imur miegħu, tefa’ ħarstu fuq Christopher.
“Ejja miegħi, Christ,” qallu.
“Jien………?” U għal mument, Christopher kien se jgħidlu le, iżda beża’ li jekk jirrifjuta, Andrew kien ipattihielu.
Sħabhom baqgħu jduru fil-ġnien.
Hekk malli qabdu tielgħin it-taraġ, Christopher għamel it-tarf tal-komma tal-flokk quddiem imnifsejh għax kien hemm riħa ta’ moffa taqsam. Anke l-kulur tal-ġebel kien sfar u l-injam tat-taraġ kien kollu mkisser u ċedut lejn is-sular t’isfel.
Malli telgħu fis-sular ta’ fuq indunaw li l-madum kien kollu maqlugħ, b’xi partijiet tal-art sfrondut. Ix-xorok li kien hemm taħt, ftit li xejn kienu jipprovdu protezzjoni.
“Tal-biża’ hawn fuq,” wieġbu Christopher, saqajh kważi tegħleb bil-biża’.
“Tgħidlix li qed tibża’?” staqsieh sieħbu.
“Ma tarax!” gideb l-ieħor.
U kien propju dak il-ħin. Instema’ ħoss kbir. Ix-xorok ċeda. Il-madum ixxaqqaq aktar. L-art tas-sular ta’ fuq bdiet isserraħ ‘l isfel. Christopher ħass ġismu jegħleb u beda nieżel ‘l isfel mill-parti li sfrondat!
“Andrew!” beda’ jwerżaq.
Andrew telaq lejn it-tarf tal-kamra, lejn it-taraġ.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Eżattament ġimgħa ilu.
U hu kien qiegħed hawn.
Mimdud fuq il-ħamrija umduża bil-weraq niexef fuqha.
Għajnejh kienu kollha dmugħ. Iżda għal xi raġuni jew oħra ma felaħx jibki. Kien ilu jissportihom.
“Jean……? L-imwarrab?”
Leħen is-subien instema’ jidwi mal-akkwati.
Għajnejn Jean qabżu pulzier ‘il barra, in-nifs batut wara l-għeja tal-ġirja li kien għadu ġej minnha kien kważi maqtugħ għal kollox, idejh bdew jirtogħdu u xagħru kien xi ftit imħabbel.
Ma kellux ħin.
Ried jistaħba ta’ malajr. Inkella kienu jsibuh.
Qam inkiss inkiss u biż-żarbun iqarmeċ fuq il-weraq niexef, telaq jiġri lejn siġra kbira li kienet fit-tarf nett tal-ġnien kbir fejn kien jinstab.
“Jean?” reġa’ semagħhom. Niżel kokka wara s-siġra u żamm in-nifs. L-għaraq beda nieżel ma ġbinu.
Allaħares isibuh!
Qalbu ċkejkna f’sidru kienet bdiet tħabbat b’mod ifferoċjat minn taħt il-qafas.
Jekk isibuh…………
Kien ilaqqat dirsa tajba!
“Jean!” beda jgħajjat l-ikbar wieħed fosthom. “Morru fittxuh. X’imkien hawn irid ikun!”
Kienu grupp subien. Kollha kemm huma kienu fil-klassi tiegħu. Minn mindu kienet mietet ommu, kien mar jgħix ma’ nanntu li ftit li xejn kienet għadha tiflaħ tlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu.
Jean kellu seba’ snin.
Issa xagħru kien ikun xi ftit imgerfex, il-ħwejjeġ tal-uniformi ma kinux għadhom ifuħu bħal ma kienu jkunu qabel. It-tbissima unika li kien ikollu Jean fuq wiċċu kienet għebet għal kollox. Ommu kienet kollox għalih. Il-firda li kien ħass kienet iebsa wisq biex wieħed jiddeskriviha.
“Morru fittxuh!” reġa’ qalilhom Andrew, l-aktar wieħed robust minnhom.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks