X’taħseb dwar id-dehra ta’ din il-Madonna?!

X’taħseb dwar id-dehra ta’ din il-Madonna?!

Fost diversi stampi li jittellgħu ta’ kuljum fuq il-midja soċjali, uħud jispikkaw aktar minn oħrajn għal xi raġuni jew oħra.

Uħud isostnu li ħafna drabi l-midja soċjali tippromwovi stampa li mhix realistika, kemm fejn jidħlu aspetti ta’ kif wieħed għandu jgħix ħajtu kif ukoll fejn tidħol apparenza fiżika.

Iltqajna ma’ dan ir-ritratt, li għalkemm anke għal dawk li jemmnu, id-dehra dettaljata tal-Madonna hija xi ftit jew wisq misterjuża, juri xbieha tal-Madonna li forsi wieħed jista’ jargumenta li mhix daqstant realistika.

Dan għaliex wieħed jista’ jinnota li wiċċ il-Madonna hu ferm differenti milli mdorrijin naraw is-soltu.

Int x’taħseb dwar dan?

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.


Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.


F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.


Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.

Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.

Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.

Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto – Goddess of Motherhood and Demureness.

It-Tazza tal-Ilma (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

It-Tazza tal-Ilma (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Naf li forsi se ninstema’ xi ftit stramb jew taċ-ċajt.
Issa aħsbu li tridu fuqi, kulħadd għandu opinjoni, però se nkun sinċier magħkom. Mhux se noqgħod naħsibha.
Għalkemm jiena għandi statura kbira, twil u mibni sew; u naf li dawk in-nies li ma jafunix malli jarawni miexi fit-triq jaħsbuni xi wieħed nippretendiha, jiena bniedem qalbi żgħira.
Mhux ftit.
Eħe, qalbi żgħira ħafna. Jgħidu li l-apparenza tinganna.
Kull tfajla li kien ikolli, meta jitilquni, tgħidx kemm kont nibki u ninkwieta. Kont ningħalaq waħdi d-dar u noqgħod innewwaħ.
Nerġa’ ngħid li għax għandi qalbi żgħira. Naf inħobb.
U nibża’ ħafna wkoll.
Minn meta konna żgħar…….jiena u ħija. Jiena ikbar minnu sew miż-żmien u anke mill-istatura. Iżda għall-kuraġġ…….għall-kuraġġ jgħaddini sew.
Meta konna ngħixu fid-dar t’ommi u kien ikolli nqum billejl ħalli nagħmel il-bżonnijiet tiegħi, kont ngħajjatlu u nqajmu ħalli jiġi miegħi. Kont inkun irridu ħalli nistaħba warajh u jixgħel id-dwalijiet tad-dar hu. Għax waħdi kont nibża.
Dik l-għodwa kont wasalt id-dar t’ommi, inżajt iż-żarbun u dħalt ħalli nagħmel kafè, kif is-soltu kelli drawwa nagħmel eżatt malli nidħol. Lanqas ilħaqt nibda nkewwes mal-bank tal-kċina li daħal ħija eżatt.
“Agħmel tnejn!” qalli.
Xi trid tagħmel bih hux? Mhux għax tant kelli aptit. Imma dejjem irrispettani u kien hemm għalija. Jien u ħija totalment l-oppost. Jien mibni u kbir. U hu qisu qażba tixxejjer mar-riħ u ftit qasir ukoll. F’kelma oħra ma kien fih xejn. Imma kellu kollox. Kellu dak kollu li jien ma kellix. Kuraġġ.
“Għandi bżonnok Mike,” qalli.
“Eħe?” ħtaftu fil-pront. Kont diġà daħħalt nofs biskuttell f’ħalqi u għal ftit ma xraqtx fih. “X’għandek bżonn?” għidtlu nibla’ l-kumplament f’nifs.
Poġġejt il-kikkri mimlija kafe fuq il-mejda u poġġa bilqiegħda ħdejja.
“Mike, għandi bżonn insiefer għal jumejn………lejl wieħed biss. Għandi bżonn inġib apparat minn barra biex inkun nista’ naħdem bih. Xtaqtek tiġi miegħi,” qalli bla ma’ qagħad jomgħodha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Kif tista’ żżomm id-dwiefer u l-ġilda ta’ idejk u saqajk f’kundizzjoni tajba?

Kif tista’ żżomm id-dwiefer u l-ġilda ta’ idejk u saqajk f’kundizzjoni tajba?

Illum nixtiequ naqsmu magħkom xi linji gwida li tistgħu ssegwu mill-kumdità ta’ djarkom, sabiex iżżommu d-dwiefer, flimkien mal-ġilda ta’ l-idejn u s-saqajn, fl-ahjar kundizzjoni possibbli.

L-indafa fid-dwiefer hija importanti ħafna biex nevitaw iċ-ċans li jittrabbew diversi mikrobi, bħall-batterji jew moffa. F’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija huwa rrakkomandat li nżommu d-dwiefer qosra kemm jista’ jkun, biex ma jidħolx ħmieġ taħthom. Id-difer għandu wkoll jinħasel bi brush żgħira li tilħaq sew kull rokna, u kif ukoll inżoqqu lill-“cuticle” bi żjut apposta sabiex nevitaw li jikbru x-xullief u nagħtu iktar vitalità lill-ġilda ta’ madwar id-difer. Wara li nagħmlu dan, nistgħu nużaw wkoll “nail hardner” sabiex id-difer jissoda iktar. Il-vitamini B u C, u l-minerali bħall-“magnesium”, l-ħadid u z-“zinc” ukoll jgħinu biex jissaħħaħ id-difer.

Minħabba li bħalissa qegħdin naħslu ħafna iktar idejna u nużaw is-sanitizer ta’ spiss, hemm tendenza li l-ġilda ta’ idejna tixxotta. Għalhekk, huwa importanti li nużaw krema tal-idejn, li tgħin il-ġilda tkun aktar morbida. Il-kura tal-ġilda tas-saqajn hija importanti wkoll. Apparti li napplikaw “body butters” ħalli nevitaw li jittrabbew il-kallijiet, dan nistgħu wkoll nagħmluh billi nżommu saqajna nodfa u xotti mill-ilma, u fejn nistgħu, inħallu saqajna ftit għall-arja biex nipprevjenu l-infezzjonijiet tal-moffi. Jekk wieħed jara li qed irabbi xi ġilda iebsa, nefħa, uġigħ jew kundizzjonijiet abnormali oħrajn fis-saqajn, dejjem għandu jieħu parir professjonali mingħand podoloġista.

Fatti oħrajn importanti li ta’ min wieħed isemmi huwa li d-difer jaf saħansitra jbiddel il-forma jew il-kulur tiegħu, jew jinqasam u jsir iktar fraġli, anke b’riżultat ta’ ċerti kundizzjonijiet mediċi li ma jkunux qegħdin jiġu kkontrollati sew. Bħal ngħidu aħna; problemi fit-thyroid, fil-pulmun, fil-qalb jew fil-fwied, f’infezzjonijiet bħal l-endocardite u l-hepatite, il-psoriasis, f’malnutrizzjoni jew f’defiċjenzi ta’ ċerti minerali u vitamini, f’anemija, u anke b’kaġun ta’ ansjetà jew stress qawwi, fost oħrajn. Għaldaqstant, huwa importanti li dejjem titkellmu mat-tabib tagħkom, jekk tħossu li hemm xi bidliet drastiċi fl-apparenza tad-dwiefer tagħkom, speċjalment jekk dawn xorta jibqgħu jiddgħajfu minkejja li qegħdin tittrattawhom bi prodotti professjonali msemmija hawn fuq.

Dan l-artiklu ġie mwassal lilkom b’kollaborazzjoni ma’ Ms. Roxanne Calleja (Teknixin tad-Dwiefer)

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Filmat: Għadu Sieket – Rumanz ġdid minn Gino Lombardi

Filmat: Għadu Sieket – Rumanz ġdid minn Gino Lombardi

Żgur li ħafna minnkom il-qarrejja tagħna familjari mal-pinna ta’ Gino Lombardi. Ftit jiem ilu, ippubblika rumanz ieħor bl-isem ta’ Għadu Sieket.

Għamilna kuntatt ma’ Gino u qasam magħna kif oriġinat l-idea għal dan ir-rumanz kif ukoll kif kompliet tiżviluppa l-istorja tiegħu.

Dan hu dak li qalilna Gino…

“Bdejna nisimgħu dwar dan il-virus minn Diċembru 2019, għall-ewwel ħadd ma nkwieta wisq dwaru, imma niftakar li fi żmien il-Milied konna diġà qed insemmuh. Imbagħad, meta bdew igerrbu l-ġimgħat l-affarijiet bdew jisserjaw għax bdejna nisimgħu li nstabu każi barra minn Wuhan u saħansitra ’l barra miċ-Ċina, imma ħadd ma kien għadu qed jibża’ minnu.

Imma meta fuq il-midja soċjali bdew jidhru filmati ta’ nies jaqgħu u jmutu f’nofs ta’ triq xegħlu l-bozoz il-ħomor. Fil-bidu kien jissejjaħ ‘Novel Coronavirus’ imbagħad sar Covid-19. Forsi tistaqsi kif issawwar dan l-isem? Covid-19 ġejja minn ‘CO’ għal Corona, ‘VI’ għal virus, ‘D’ għal disease u n-‘19’ għas-sena li twieled fiha dal-virus.


Fis-7 ta’ Marzu feġġ l-ewwel każ hawn Malta u malajr bdilna fehmetna dwaru. Kien il-każ ta’ tifla Taljana ta’ 12-il sena, li minħabba fih skattaw il-miżuri li kienu maħsuba minn qabel għal meta tasal din l-eventwalità inevitabbli. It-tifla u l-familja tagħha sfaw iżolati skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa sakemm, wara testijiet ġodda, ħareġ li ħadd minnhom ma kien infettat.


Min jafni sew jaf kif jien, f’moħħi mill-ewwel bdew ġejjin ħafna ħsibijiet, bdejt nipprova nimmaġina x’kienet il-kawża ta’ dan il-virus. Minn dak li bdejt naqra u nisma’ ħloqt xi forma ta’ opinjoni dwar dan u meta ddiskutejt l-ideat li ġewni ma’ ħbieb tiegħi, numru sostanzjali minnhom qablu miegħi.


Hawn ġara dak li hu ovvju, f’moħħi bdiet tissawwar l-istorja tal-ktieb li għandek f’idejk. Għall-ewwel kienet għadha duħħan biss, imbagħad bdejt inpoġġi l-ideat li bdew ġejjin fuq il-karta, kif jgħidu. Ftit ftit ħloqt il-ftuħ li ridt, ippjanajt kif se nqassam il-ġrajja u anke t-tmiem. Jien u nikteb infilsajt ukoll dettalji u ġrajjiet li ġraw fil-verità biex l-istorja li se taqra jkollha aktar kulur u tiġi iżjed ħajja.


Meta kelli dawn lesti bdejt nagħmel ir-riċerka, u minħabba li dan huwa l-ewwel rumanz li ktibt li mhux ambjentat hawn Malta kelli nidħol aktar fil-fond, speċjalment għax il-parti l-kbira tar-rakkont iseħħ fiċ-Ċina. Ta’ min jgħid li dan huwa pajjiż magħluq ħafna, allura huwa diffiċli ħafna li tara l-ambjent reali li jgħixu fih iċ-ċittadini tal-pajjiż.


Għal min ma jafx, iċ-Ċiniżi, minbarra fuq il-ħajja in-ġenerali, għandhom ħafna restrizzjonijiet fuq il-midja soċjali; Google, Yahoo, Bing Bing u search engines popolari oħra ma tistax taċċessahom. Facebook, Instagram, Twitter u l-oħrajn lanqas. Tista’ tgħid li kollox huwa kkontrollat mill-gvern. Eżempju minflok Facebook għandhom il-Wiebo, minflok Google hemm Qihoo360. Imma dawn restritti għall-konfini Ċiniżi biss u ftit li xejn issib informazzjoni dwar dak li jiġri barra l-pajjiż.


L-aġenziji tal-aħbarijiet huma kollha manipulati mill-istat ukoll. Dawn, u ħafna affarijiet oħra jwassluk biex taħseb; immaġina ftit kieku jiġri dan f’pajjiżna u nkunu f’sitwazzjoni simili. Tmur tipprova tfittex tagħrif dwar suġġett partikolari u ssib verżjoni waħda biss, tkun maqtugħ u iżolat mid-dinja u tkun taf x’inhu jiġri f’Malta biss; lanqas taħsibha ma trid, aħseb u ara tgħixha, taqbel miegħi?!


Jien u nirriċerka dwar iċ-Ċina ġietni f’moħħi s-sensiela popolari ‘Keeping Up Apperances’, ħa nispjega għaliex. Meta l-Gvern Ċiniż irid jagħti stampa tal-pajjiż ikollu kollox ippjanat minn qabel. L-ewwel jagħżel ftit familji minn bliet differenti, jagħtihom impjieg aħjar milli jkollhom, jagħtihom ilbies isbaħ u wara perjodu qasir imorru għandhom bil-kamera u fuq skritt ippreparat minn qabel jiffilmjawhom u jintervistawhom fid-dar tagħhom dwar il-ħajja fiċ-Ċina, u miskin hu min jipprova jmur kontra dak li jiġi ordnat jgħid.
Wara jibagħtu l-filmati ppreparati lill-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali bl-impressjoni li se jbellgħulhom ir-ross bil-labra, imma dan mhu xejn qrib ir-reality shows li naraw fil-punent.


Xi snin ilu tim ta’ ġurnalisti mill-Punent talbu permess jagħmlu intervisti indipendenti ma’ familji Ċiniżi. Skantaw mhux ftit meta t-talba tagħhom ġiet aċċettata, imma meta waslu fil-pajjiż kellhom sorpriża akbar. Ittieħdu f’lukanda mill-isbaħ imma kuntrarju għal dak li ħasbu ma ngħatawx permess joħorġu mill-kmamar tagħhom jekk ma jkunux akkumpanjati minn żewġ uffiċjali tal-armata. Meta setgħu joħorġu minn kamarthom ħaduhom dawra madwar il-Belt Kapitali u setgħu jaraw il-postijiet li ħaduhom fihom biss, la ħallewhom liberi li jmorru f’partijiet li xtaqu huma, aħseb u ara kemm setgħu jintervistaw nies li ltaqgħu magħhom fit-triq.


Meta jara dan kollu wieħed jasal għall-konklużjoni li kważi kull ħaġa, biex ma ngħidx kollox, li tara li qed tippromwovi l-mod kif jgħix il-poplu Ċiniż, u eventwalment il-pajjiż immexxi mill-partit Komunista, hija biss għall-apparenza.

Biex inkompli nikkonferma t-tagħrif li għaddejt aktar ’il fuq, nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar 2021 ħarġet l-aħbar li aktar minn 150,000 persuna anzjana sparixxew mil-lista ta’ nies intitolati għall-benefiċċji soċjali tal-Provinċja ta’ Hubei. Dan seħħ fl-ewwel kwart tas-sena 2020 biss; min jaf kemm hi ogħla din iċ-ċifra llum?! Dan meta l-figura uffiċjali tal-gvern turi li n-numru ta’ mwiet kawża tal-Covid-19 hija biss ta’ 4,636. Kif tista’ temmen dak li juruk?


Mela issa għandek idea ta’ kif inhu l-ambjent fiċ-Ċina u l-ambjent li jgħix fih il-karattru ewlieni ta’ dan ir-rumanz, bis-saħħa tad-dettalji li għarraftek bihom minn qabel, meta tibda taqra dak li jkun qed jiġrilhom uħud mill-karattri li se jidhru aktar ’il quddiem, m’għandkomx taħsbu li nkun qed nesaġera, lanqas xejn!


Mhux se noqgħod neħodlok rasek bid-dettalji dwar kemm il-pandemija Covid-19 ħadet nies magħha, dawk malajr tista’ ssibhom inti. Se ngħidlek biss li fit-tielet ġimgħa ta’ Frar tal-2020 tħabbar li l-imwiet fl-Amerika biss qabżu n-nofs miljun persuna; total akbar minn dawk li tilfu ħajjithom fl-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-Gwerra tal-Vjetnam ikkombinati flimkien.


Issa ħalli npinġilek, fuq fuq, fejn kien jgħix il-Professur Phil Burke. Kien blokk ta’ appartamenti lussużi, id-dsatax-il wieħed minn għoxrin taħt l-isem Palazz tal-Poplu, li fih kienu jabitaw ċittadini barranin li bil-professjoni tagħhom jagħtu servizz lill-poplu Ċiniż. Ir-residenza tal-profs tinsab fis-sbatax-il sular ta’ binja għolja d-doppju jew aktar, kollox imħallas mill-gvern.
Kif tidħol issib ruħek f’nofs l-appartamenti, fuq il-lemin issib open plan, li tinżel għalih minn tliet tarġiet, dan jinkludi kċina moderna, salott u kamra tal-pranzu. Fuq ix-xellug issib kuritur bi tliet kmamar tas-sodda, uffiċċju mdaqqas, laundry room u żewġ kmamar tal-banju. Mill-gallarija ta’ quddiem kien igawdi veduta mill-isbaħ tal-belt ta’ Wuhan u mill-gallarija tal-kamra tas-sodda ewlenija kont tara l-parkeġġ, il-parti l-kbira tiegħu kienet riservata għar-residenti. Kull appartament huwa fornut bl-aqwa għamara fis-suq, li tkun magħżula minn qabel fuq it-talba tas-sidien infushom.


Minbarra r-riċerka li nagħmel ikolli bżonn l-għajnuna ta’ ħafna nies, nies li jkunu esperti jew midħla sew tas-suġġett li nkun qed nikteb dwaru. Ma nistax noqgħod insemmihom wieħed wieħed għax żgur li nħalli lil xi ħadd barra, imma lanqas ma nista’ ma nurix ir-rikonoxximent tiegħi lejhom.


Ma’ dawn ikun hemm numru żgħir ta’ ħbieb li jiskrutinjaw dak li nkun qed nikteb billi jieħdu paċenzja bija u jaqraw dak li nikteb, kapitlu kapitlu. Nassigurakom li xejn mhu eżerċizzju pjaċevoli li tasal fi tmiem kapitlu li jispiċċa bi ‘cliff hanger’ u ma tistax taqleb il-paġna biex tkompli taqra, imma minflok trid tistenna sakemm jasallek il-kapitlu li jmiss.


Ikolli ngħid li did-darba lis-Surġent Claire Casha ma tantx ħabbattha wisq b’mistoqsijiet dwar xogħol il-pulizija għax ma involvejthomx daqshekk. Minbarra Claire u l-għażiża oħti, Louiselle Calleja Lombardi, it-tim ta’ ‘Għadu Sieket’ kien kważi ġdid kollu, tlieta minn nies ġodda, Thelma Cassar, Tania Mifsud u biex dejjem ikolli l-opinjori ta’ raġel, daħal magħhom il-ħabib tiegħi Costantino Vella, li bil-kritika tagħhom dan il-ktieb żgur li ħareġ aħjar. Magħhom kien hemm ukoll Louise Grech Abela, li għamlet ukoll il-qari tal-provi. Xi ħin jew ieħor matul il-vjaġġ li għamilna flimkien kollha ħarġu bl-ideat tagħhom, anke qaluli li jħossuhom li kienu qed jimponuli xi ftit iżżejjed, imma bħalma dejjem ngħid, jien nistma l-opinjoni ta’ kulħadd, u jekk dak li jiġbduli l-attenzjoni fuqu ma jkunx se jibdilli l-andament tal-istorja, naċċettah b’umiltà.


Issa li qrajt dawn il-kelmtejn u tista’ tifhem aħjar kif inbena dar-rumanz, tista’ tikkonċentra aktar fuq il-qari. Jalla tieħu gost taqra ‘Għadu Sieket’ daqs kemm ħadt pjaċir niktbu jien.”

Enable Notifications OK No thanks