Select Page
Nifs – Il-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2021

Nifs – Il-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2021

Ftit tas-sigħat ilu, ġiet fi tmiemha s-serata tat-30 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Dan il-festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti li tul l-istorja tiegħu ra diversi rebbieħa, fosthom: Miriam Christine, Claudette Pace, Ira Losco, Fabrizio Faniello, Mike Spiteri, Eleanor Cassar, Claudia Faniello u Ruth Portelli, issa jżid lill-kantanta żagħżugħa Cherylis. Nifs, il-kanzunetta li hija interpretat għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella.


Fuq il-midja soċjali, l-awtur Emil Calleja Bayliss spjega kif li din il-kanzunetta kitibha wara żmien fejn il-kliem li bih jesprimi lilu nnifsu ma setax isibu.

“Biex ħarġu dawn il-versi nistqarr li ma kinitx faċli xejn imma kif tlestew kont naf li kapaċi jmissu l-qlub.”


Wara r-rebħa, Cherylis stqarret li lanqas biss riedet temmen.

“Xħin għajtu ismi bħala r-rebbieħa lanqas biss indunajt għaliex kont għadni qiegħda nifraħ ma’ sħabi l-kantanti li klassifikaw fit-tieni u t-tielet post. Kien biss xħin ġibduli l-attenzjoni li ndunajt u nfexxejt f’bikja, bikja ta’ ferħ. Nixtieq minn qiegħ qalbi nirringrazzja lil kull min kien involut f’din il-kanzunetta tant għal qalbi.”

Hija temmet il-messaġġ tagħha bil-frażi, “Nannu u Nanna, din għalikom.”


Cherylis żgur li mhix wiċċ ġdid għax-xena tal-mużika lokali, bi tliet parteċipazzjonijiet fil-festival L-Għanja tal-Poplu fejn klassifikat fit-tieni post darbtejn, darba bħala solista bil-kanzunetta Tfewwaħ, u darba fi dwett bil-kanzunetta Mhux Kif Ħsibt, kif ukoll seba’ parteċipazzjonijiet fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, erbgħa minnhom bħala solista u tlieta fi dwett.

Hija klassifikat fit-tielet post lura fl-2012 bil-kanzunetta Ħolma ta’ Nazzjon u issa fl-2021 bil-kanzunetta Nifs. Flimkien ma’ Mikhail Attard fi dwett, hija kienet ukoll finalista fil-Malta Eurovision Song Contest fis-sena 2020. Il-kanzunetta tagħhom Breaking Point klassifikat mal-ewwel għaxra.


Il-vjaġġ ta’ Cherylis fix-xena tal-mużika lokali żgur mhux ħa jieqaf hawn għaliex diġà beda jberren xi proġett jew tnejn f’moħħha. Intant, Nifs, ġiet ippubblikata b’mod diġitali mill-kumpanija CAP-Sounds fi sħab ma’ Ironic PR & Artist Management u għaldaqstant tista’ tinxtara minn fuq siti diġitali iTunes jew Amazon kif ukoll tinstema’ permezz ta’ pjattaformi bħal Apple Music u Spotify.

Filmat: Done – Kanzunetta ġdida minn Lyndsay Pace

Filmat: Done – Kanzunetta ġdida minn Lyndsay Pace

Ftit tal-ħin ilu, il-kantanta Lundsay Pace nediet il-kanzunetta ġdid tagħha bl-isem ta’ Done, produzzjoni u lirika ta’ Michael James Down, Will Taylor u Rafaela Truda, flimkien ma’ vidjow mużikali b’produzzjoni u direzzjoni ta’ Marlon Polidano.

Din hija uffiċjalment it-tieni kanzunetta mill-album il-ġdid tal-kantanta li jġib l-isem ta’ Dopamine, b’kollaborazzjoni ma’ Highkey Music u li jinkludi 12-il kanzunetta b’kollox.

Minbarra li dawn il-kanzunetti se jkunu qed jindaqqu fuq l-istazzjonijiet ewlenin tar-radju, l-album sħiħ se jkun dipponibbli għall-bejgħ fuq il-pjattaformi diġitali kollha bħal iTunes, Spotify u Apple Music fil-futur qarib.

Enable Notifications    OK No thanks