Select Page
Bħal-lum 103 snin ilu twieled Nelson Mandela

Bħal-lum 103 snin ilu twieled Nelson Mandela

Nelson Mandela kien l-ewwel President Afrikan ta’ karnaġġjon skur, tal-Afrika t’isfel mill-1994 sal l-1999. Huwa serva biss bħala president għal mandat wieħed.

Huwa magħruf partikolarment għas-sehem tiegħu fil-moviment li ġġieled biex itemm l-apartheid fl-Afrika t’Isfel.

Nelson Mandela kien determinat li jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu stess fil-ġlieda għal-libertà tal-poplu tiegħu minn meta kien għadu tifel żgħir.

Bħala politiku u attivist tad-drittijiet soċjali, Mandela nvolva ruħu f’attiviżmu tad-drittijiet tal-bniedem waqt li kien fil-Kulleġġ tal-Università ta’ Fort Hare u ġie mkeċċi talli ħa sehem fi protesta.

Ħafna minna familjari mal-priġunerija ta’ Nelson Mandela u x-xogħol tiegħu kontra l-apartheid, imma skoprejna ftit affarijiet li forsi ma tafx dwar dan il-mexxej dinji ta’ ispirazzjoni, li twieled proprju fit-18 ta’ Lulju tal-1918.

  • Nelson Mandela għamel 18-il sena ħabs solitarju.

Huwa kien il-ħabs mill-1962 sal-1990 għal tradiment u konspirazzjoni kontra l-gvern. Ġie kkundannat għall-għomor il-ħabs, iżda ġie meħlus kmieni meta l-ANC reġgħet saret legali. Huwa qatta’ 18-il sena fil-ħabs ta’ Robben Island, u 9 snin il-ħabs ta’ Pollsmoor f’Tokai, Cape Town. Il-kundizzjonijiet kienu aħjar f’Cape Town.

  • In-numru tal-ħabs ta’ Nelson Mandela kien 46664.

In-numru jindika li kien il-466 priġunier tal-1964. Huwa kien jgħożż dan in-numru tant li għamlu l-isem tal-kampanja tiegħu ta’ għarfien dwar l-HIV/AIDS u l-isem ta’ sensiela ta’ kunċerti tal-karità.

  • Nelson Mandela pparteċipa fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Afrika t’Isfel.

L-imwiet u l-infezzjonijiet tal-HIV/AIDS kienu qed jiżdiedu fl-Afrika t’Isfel fil-bidu tad-disgħinijiet meta Mandela ħa t-tmexxija tal-pajjiż.

Fl-1998, 2,0 miljun Sud Afrikani kienu ġew infettati bil-virus.

Il-mewt tal-uniku tifel tiegħu, Makgatho, b’din il-kawża ħeġġeġ aktar lil Mandela biex jaghti s-sehem tiegħu f’kampanji ta’ saħħa pubblika mmirati biex jaħdmu għall-prevenzjoni tal-virus.

  • Nelson Mandela kien ħarab mid-dar!

Huwa u l-kuġin tiegħu Justice kienu ħarbu mid-dar fl-1941 biex jevitaw żwieġ irranġat.

  • Kellu jikkumbatti ma’ ħafna traġedji personali.

Fl-aħħar huwa rnexxielu jiżżewweġ għall-imħabba fl-1944, ma’ Evelyn Mase, iżda r-relazzjoni tagħhom ma damitx ma kellha tiffaċċja traġedja. It-tieni tifel tagħhom, Makaziwe, miet ta’ 9 xhur biss. Huma kellhom żewġt itfal oħra: Madiba Thembekile (Thembi), li mietet f’ħabta ta’ karozza waqt li Mandela kien il-ħabs fl-1969, u Makgatho Lewanika, li miet bl-AIDS fl-2005. Mandela kellu żewġt itfal oħra mat-tieni mara tiegħu Winnie u bosta neputijiet.

  • Nelson Mandela għandu din il-ġurnata ddedikata għalih.

F’Novembru tal-2009, l-Asaemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat it-18 ta’ Lulju, il-jum t’għeluq sninu bħala l-“Jum Mandela’. Hija ċelebrazzjoni nazzjonali u rikonoxximent tal-kontribuzzjoniijiet ta’ Mandela għal-libertà.

  • L-elezzjoni ta’ Mandela bħala l-President tal-Afrika t’Isfel kisret diversi rekords.

L-inawgurazzjoni ta’ Mandela bħala president fl-1994 kienet storika għal mill-inqas erba’ raġunijiet (u probabilment ħafna aktar). Huwa kien l-ewwel President elett demokratikament tal-Afrika t’Isfel. Huwa kien ukoll l-ewwel president ta’ karnaġġjon skur tal-pajjiż, u l-akbar persuna eletta għall-kariga. L-inawgurazzjoni tiegħu għaqqdet l-akbar numru ta’ kapijiet ta’ stat mill-funeral tal-President tal-Istati Uniti John F. Kennedy fl-1963.

  • L-ewwel isem ta’ Nelson Mandela ma kienx fil-fatt Nelson.

L-isem mogħti ta’ Mandela kien Rolihlahla, li l-għalliema tiegħu ma setgħux jippronunzjaw. Wieħed minnhom beda jsejjaħlu Nelson wara l-ammirall Ingliż Horatio Nelson, u l-isem ovvjament baqa’.

  • Aktar tard kien ingħata l-laqam ta’ “mkhulu”.

L-Afrikani t’Isfel ġeneralment kienu jsejħu lil Mandela “mkhulu” li tfisser “nannu”, jew Madiba, l-isem tal-familja Mandela għal anzjan rispettat

  • Kien jinteressah sport partikolari.

Minbarra l-politika, il-passjoni l-oħra ta’ Mandela kienet il-boxing. “Ma kienx jogħġobni l-vjolenza tal-boxing. Jien kont aktar interessat fix-xjenza tiegħu, kif tmexxi ġismek biex tipproteġi lilek innifsek, kif tuża pjan biex tattakka u ċċedi, u kif tmexxi lilek innifsek fil-ġlieda,” huwa jgħid fil-bijografija tiegħu.

Kont taf?

Li minkejja li Mandela dejjem ċaħad, għal raġunijiet politiċi, li qatt kien membru tal-Partit Komunista, riċerka storika ppubblikata fl-2011 evidentament turi li huwa kien ingħaqad fl-aħħar tas-snin 50 jew fil-bidu tas-sittinijiet. Dan ġie kkonfermat kemm mis-SACP kif ukoll mill-ANC wara l-mewt tiegħu.

  • Nelson Mandela kien fuq il-lista ta’ sorveljanza tat-terroriżmu tal-Istati Uniti għal 47 sena.

Il-President tal-Istati Uniti Ronald Reagan qies lil Nelson Mandela bħala terrorist u poġġih fuq il-lista ta’ sorveljanza tat-terroriżmu.

Il-President Reagan ma kienx waħdu, l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Margaret Thatcher kienet tqisu bħala persuna b’moħħ magħluq u li l-ANC kienet magħmula minn terroristi u komunisti.

Fl-1986, il-President Reagan ġie kkwotat jgħid li l-gvern tal-Afrika t’Isfel ma kienx obbligat li jinnegozja futur tal-pajjiż ma’ organizzazzjonijiet komunisti li użaw it-terroriżmu u l-vjolenza

Ismu tneħħa millista fl-2008.

  • Ivvota għalll-ewwel darba ta’ 76 sena.

Qabel l-1994, il-biċċa l-kbira tal-Afrikani t’Isfel ta’ karnaġġjon skur ma kinux jipparteċipaw fl-elezzjoni demokratika tal-mexxejja tagħhom.

Fl-elezzjoni tal-1994 fl-Afrika t’Isfel kien hemm ammont kbir ta’ votanti ta’ karnaġġjon skur li ħarġu biex jitfgħu l-vot tagħhom għall-ewwel darba.

Iktar minn 17-il miljun votant ta’ karnaġġjon skur minn 18-il sena ‘l fuq ħadu sehem fl-elezzjoni demokratika.

Kienet dik is-sena li Nelson Mandela wkoll ivvota għall-ewwel darba. Huwa ġie wkoll elett b’mod demokratiku bħala l-ewwel president ta’ karnaġġjon skur tal-Afrika t’Isfel.

Ix-xogħol ta’ Nelson Mandela ġie rikonoxxut madwar id-dinja.

Matul ħajtu, Mandela rċieva aktar minn 695 premju, inkluż il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1993.

  • Isem Nelson Mandela jibqa’ mfakkar sal-lum.

In-nies kienu jħobbu jonoraw ix-xogħol ta’ Mandela għal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem. Bħallikieku dawk is-695 premju ma kinux biżżejjed, aktar minn 25 skola, università, u istituzzjonijiet edukattivi ġew imsemmija għalih. Mill-inqas 19-il scholarship u fondazzjonijiet għandhom l-isem Nelson Mandela, u saru iktar minn 95 skultura, statwi, jew biċċiet tal-arti tiegħu jew ġew iddedikati lilu.

Mandela miet fil-5 ta’ Diċembru tal-2013, fl-età ta’ 95 sena fid-dar tiegħu f’Johannesburg, l-Afrika t’Isfel. Huwa ngħata funeral statali li għalih attendew mexxejja globali. Huwa ġie midfun fid-dar rurali tiegħu f’Qunu, l-Afrika t’Isfel.

Filmat: Alison Bezzina – Il-Kummissarju l-ġdid għat-trattament xieraq tal-annimali

Filmat: Alison Bezzina – Il-Kummissarju l-ġdid għat-trattament xieraq tal-annimali

Nitkellmu ma’ Alison Bezzina

Għidilna ftit dwarek…

Jien ilni attivista tal-annimali għal ħafna snin. Minn dejjem kont inħobbhom u dejjem kont nipprova ngħin, imma wara ftit bdejt ninduna li l-problema ta’ moħqrija, abbandun u abbuż hija ħafna ikbar milli kont naħseb, u li kien hemm bżonn tibdil minn fuq, fis-sistema, u fl-imħuħ tan-nies. Ma bqajtx sodisfatta billi nsalva kelb jew xi qattus ‘l hemm u ‘l hawn, ridt nagħmel xi ħaġa iżjed long term u li tħalli impatt akbar. B’hekk bdejt ninvolvi ruħi fl-attiviżmu għat-trattament xieraq tal-annimali. Għal ħafna snin kont nikteb fil-gazzetti. U għalkhemm kont nikteb fuq suġġetti kurrenti kemm-il darba ktibt fuq l-annimali. Imbagħad tlett snin ilu iddeċidejt li nikkonċentra biss fuq il-qasam tal-annimali u ftaħt il-blog tiegħi www.iwillnotgoaway.com. Lil hinn mill-attiviżmu jien gradwata mill-Università ta’ Londra b’Masters fil-komunikazzjoni, ħdimt għal ħafna snin fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u mal-Inspire Foundation.

Għadek kemm ingħatajt il-kariga ta’ Kummissarju għat-trattament xieraq tal-annimali. Xi tfisser għalik din il-kariga ġdida tiegħek?

Ir-rwol tal-kummissarju mhuwiex daqshekk differenti minn dak ta’ attivista tal-annimali. Id-differenza tinsab fil-metodu ta’ kif naħdmu.

Bħala kummissarju naħdem mat-tim tiegħi, (għandi tim ta’ esperti), biex nagħtu pariri u tagħrif direttament lill-awtoritajiet dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex flimkien, nippruvaw intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-annimali f’Malta u Għawdex.

Dan ma jfissirx li l-pariri li nagħtu dejjem jiġu milqugħa u implimentati, imma Gvern li jinvesti f’Kummissarju, ikun għaqli li juża l-għarfien u l-esperjenza tat-tim li jkun investa fih biex jieħu deċiżjonijiet u azzjonijiet iżjed għaqlija f’dan ir-rigward.

Bħala kummissarju, ir-responsabilitajiet huma varji. L-iżjed li nikkunsidra importanti huma li nqajmu kuxjenza fost il-pubbliku, li nedukaw u noħolqu djalogu soċjali dwar id-drittijiet tal-annimali u li nsaħħu l-infurzar tal-liġi.

Nixtieq niċċara li r-rwol tal-kummissarju mhuwiex ir-rwol tad-direttur tad-dipartiment tal-animal welfare. Dawn huma żewġ rwoli differenti ħafna. Għalkemm iż-żewġ rwoli għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tal-annimali tagħna, il-kummissarju m’għandux setgħat eżekuttivi.

Fejn tħoss li hemm bżonn isir l-aktar progress?

Bla dubju hemm ħafna xi jsir, u l-bulk tax-xogħol jikkonsisti f’edukazzjoni tal-pubbliku, f’infurzar tal-liġi li diġà teżisti anka fir-rigward ta’ farm animals, u rehoming centre iżjed adekwat għall-bżonnijiet tal-annimali tagħna.

Issa li ngħatajt din il-kariga, se tkun f’pożizzjoni li tagħmel differenza ikbar. Fejn qed taspira li tasal?

Personalment nemmen bis-sħiħ li l-annimali m’għandhom qatt ikunu għall-użu tal bniedem, u bħala Kummissarju din tibqa’ l-pożizzjoni tiegħi. Naspira li xi darba l-annimali ma jibqgħux ikkunsidrati bħala oġġett jew propjetà, iżda sakemm naslu hemm xogħli se jkun li ntejjeb il-ħajja ta’ dawn l-annimali.

Minkejja li fil-maġġoranza magħrufin għall-imħabba lejn l-annimali, iżda min-naħa l-oħra r-rati ta’ moħqrija u inġustizzji huma għoljin. X’taħseb li hi l-problema ewlenija?

Nemmen li l-problema ewlenija hija nnuqas ta’ għarfien u nuqqas ta’ edukazzjoni. Storikament l-annimali konna nikkunsidrawhom biss għall-użu tagħna u ma konniex niġu mgħallma sew fuq il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Ħafna kienu jemmnu pereżempju, li żżomm kelb marbut mhijiex moħqrija, jew li tneħħi d-dwiefer ta’ qattus biex ma jqattax sufan mhjiex moħqrija. L-affarijiet inbidlu, imma n-nies mhux neċessarjament inbidlu bl-istess pass. It-tieni l-akbar problema hija l-infurzar tal-liġi. Minħabba nuqqas ta’ riżorsi u sistemi antiki, l-awtoritajitiet isibuha diffiċli li jinfurzaw il-liġi li diġà teżisti.

Xi rwol għandhom l-annimali fil-ħajja personali tiegħek?

Naħseb li nista’ ngħid li l-annimali għandhom rwol prinċipali ferm fil-ħajja tiegħi. Apparti li għandi żewġt iklieb li dawwart ħajti biex ikunu komdi, kemm bħala attivista u issa bħala kummissarju, il-parti l-kbira tal-ġurnata tiegħi tinvolvi b’xi mod jew ieħor l-annimali.

Alison tikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ:

L-attivist – Michela Dalli

L-attivist – Michela Dalli

M’hijiex faċli tkun attivist…

Nemmen li s-soċjetà tilfet xi ftit id-definizzjoni ċara ta’ xi tfisser li tkun attivist, dan għaliex ħafna drabi naħsbu li bl-użu tal-midja soċjali biss nistgħu nagħmlu d-differenza biex inwettqu l-bidla li nkunu mxennqin għaliha. Attivisti bħal Malala Yousafzai, John Lewis, Greta Thunberg, Mahatma Gandhi u ħafna oħrajn urew lid-dinja li l-kuraġġ tagħhom, li tibqa’ sod f’dak li temmen fih u li tieħu azzjoni jista’ verament iwassal għal bidliet soċjali kemm fejn jidħol ambjent, drittijiet ċivili u ugwali, drittijiet umani, drittijiet għal annimali u fejn tidħol kull forma u tip ta’ inġustizzja.

Bħala soċjetà rridu l-ewwel u qabel kollox nedukaw lilna nfusna biex ilkoll inbiddlu l-mentalità rigward l-attiviżmu u l-attivisti. Jekk verament irridu l-bidla rridu mmorru lil hinn mill-midja soċjali biss, irridu naħsbu f’ideat oħra, ninvolvu ruħna f’attivitajiet biex insemmgħu leħinna u ma nħallux f’idejn ħaddieħor biex jitkellem għalina. Fl-aħħar mill-aħħar irridu ningħaqdu, nitgħallmu u niċċelebraw bidliet ġusti li lkoll ikun ħaqqna li naraw.

Enable Notifications OK No thanks