by skoperta.net | 21/Dec/22 | Konf Taf?, L-Aħħar Aħbar
Il-gvern tar-Renju Unit qed jipprepara biex sa’ Ġunju tal-2024, fil-biċċa l-kbira tal-ajruporti jiġu installati scanners 3D ġodda ta’ teknoloġija avvanzata, li juru stampi aktar dettaljati tal-bagalji.
Waħda miill-bidliet se tkun li r-regola li tippermetti likwidi sa 100 millilitru se tiżdied għal żewġ litri.
Bidla oħra se tkun dwar oġġetti elettroniċi. Il-passiġġieri bħalissa huma meħtieġa jneħħu oġġetti bħal tablets, laptops u likwidi mill-bagalja li jkollhom f’idejhom biex jiġu skenjati mis-sigurtà tal-ajruporti.
Likwidi, bħal krema tax-xemx, shampoo jew toothpaste jeħtieġ li jkunu sa 100 millilitru jew inqas u għandhom ikunu f’borża tal-plastik ċara.
Dawn ir-restrizzjonijiet ilhom fis-seħħ minn Novembru 2006 u l-likwidi ġew ipprojbiti fil-kabina tliet xhur qabel, meta l-pulizija Ingliża qalet li kienet skopriet pjan li kien se jwassal biex jisplodu daqs 10 ajruplani bl-użu ta’ splussivi moħbija fi fliexken tax-xorb.
Il-Gvern qal li l-pass li l-ajruporti jaġġornaw it-tagħmir tal-iskenjar għal CT scanners simili ta’ dawk użati fl-isptarijiet, se jfisser li eventwalment r-regoli dwar oġġetti elettriċi jistgħu jitneħħew u l-limitu tal-likwidu jista’ jiġi estiż għal żewġ litri.
Sakemm din il-liġi tgħaddi, ir-regoli attwali xorta se japplikaw f’ajruporti li ma jużawx it-teknoloġija. Il-passiġġieri huma avżati biex jiċċekkjaw dan qabel jivvjaġġaw.
Is-Segretarju tat-Trasport Mark Harper qal li t-teknoloġija l-ġdida se tnaqqas il-ħinijiet tal-kju biex ittejjeb “l-esperjenza tal-passiġġieri, u l-aktar importanti li tidentifika theddid potenzjali”.
Christopher Snelling, direttur tal-politika fl-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tal-Ajruport, li jirrappreżenta l-ajruporti tar-Renju Unit, żied jgħid li l-investiment kien “pass kbir ‘il quddiem għall-ivvjaġġar bl-ajru tar-Renju Unit’
“Se jagħmel il-vjaġġ mill-ajruporti tar-Renju Unit aktar faċli u l-ivvjaġġar bl-ajru nnifsu aktar pjaċevoli,” żied jgħid.
It-teknoloġija diġà ilha tintuża mill-ajruporti tal-Istati Uniti, bħal Hartsfield-Jackson ta ‘Atlanta u O’Hare ta’ Chicago, għal numru ta’ snin.
by skoperta.net | 30/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Eks ġeneral fl-armata Afgana jgħid li hu u ħafna eks suldati u politiċi oħra qed iħejju biex jibdew gwerra ġdida kontra t-Taliban.
Lt Ġen Sami Sadat qal li tmien xhur taħt it-tmexxija tat-Talibani kkonvinċew lil ħafna Afgani li azzjoni militari hija l-unika triq ‘il quddiem.
Huwa qal li l-operazzjonijiet jistgħu jibdew ix-xahar id-dieħel wara l-festival Iżlamiku tal-Eid, meta qed jippjana li jirritorna l-Afganistan.
It-Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż f’Awwissu li għadda.
Waqt li tkellem għall-ewwel darba dwar il-pjanijiet, Sadat qal lill-BBC li hu u oħrajn se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-Afganistan jinħeles mit-Talibani u s-sistema demokratika terġa’ tiġi stabbilita.
Il-ġeneral enfasizza kif it-Talibani kienu qed jerġgħu jintroduċu regoli dejjem aktar ħorox inklużi restrizzjonijiet severi fuq id-drittijiet tan-nisa u l-bniet, u skont hu wasal iż-żmien li jwaqqfu l-ordni awtoritarju tagħhom u jibdew kapitlu ġdid.
Huwa qal li fi tmien xhur taħt it-tmexxija tat-Talibani ma kien hemm xejn ħlief aktar restrizzjonijiet reliġjużi, kwotazzjoni ħażina, interpretazzjoni ħażina u użu ħażin tal-iskripts mill-Koran Imqaddes għal skopijiet politiċi.
Inizjalment, huwa qal li ppjana li jagħti lit-Taliban 12-il xahar biex jara jekk kinux se jinbidlu iżda sfortunatament komplew bit-torturi, qtil, għajbien, nuqqas ta’ ikel, malnutrizzjoni tat-tfal.
Qal li kuljum irċieva mijiet ta’ messaġġi mingħand Afgani jistaqsuh x’kien se jagħmel dwar dan.
Mistoqsi jekk kienx hemm xi alternattiva għal gwerra oħra, Sadat qal li jittama li t-Talibani moderati, magħrufa li huma skomdi b’sensiela dejjem tikber ta’ restrizzjonijiet li jfakkru fil-ħakma drakonjana tat-Talibani fl-1990, jistgħu jkunu parti minn gvern ġdid.
“Aħna m’aħniex kontra t-Taliban,” qal, biss kontra l-istil ta’ tmexxija attwali tagħhom. Żied jgħid l-Afganistan għandu jkun pajjiż fejn kulħadd jista’ jgħix b’mod liberu fih u mhux pajjiż għat-Talibani biss.
by skoperta.net | 25/Apr/22 | L-Aħħar Aħbar
Emmanuel Macron rebaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza, filwaqt li rnexxielu wkoll jegħleb sfida storika mill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen waqt il-votazzjoni ta’ nhar il-Ħadd.
Macron ħa 58.5% tal-voti tal-Ħadd, u b’hekk sar l-ewwel mexxej Franċiż li ġie elett mill-ġdid f’20 sena.
Hu u Le Pen għaddew għar-runoff wara li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post, rispettivament, fost 12-il kandidat li ħarġu fl-ewwel rawnd fl-10 ta’ April.
Filwaqt li l-elezzjoni kienet rematch tar-runoff presidenzjali Franċiża tal-2017, għal ħafna mill-Ewropa, din l-elezzjoni kienet waħda ta’ tħassib għaliex ir-riżultat kien se jiddetermina kif se tiġi affettwata r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea.
Presidenza ta’ Le Pen kienet tibdel b’mod fundamentali r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea u mal-Punent, fi żmien meta l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha jiddependu fuq Pariġi biex jieħdu rwol ewlieni biex jiffaċċjaw xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja, b’mod partikolari preżentament, il-gwerra fl-Ukrajna.
U għalkemm Macron rebaħ fuq il-viżjoni ta’ Le Pen għal bidla radikali, il-41.5% tan-nies li vvutaw għaliha poġġew lil-lemin estrem Franċiż eqreb lejn il-presidenza minn qatt qabel.
Ħafna minn dawk li ma kinux sodisfatti bl-aħħar żewġ kandidati baqgħu d-dar. Ir-rata ta’ astensjoni tal-votanti għar-runoff kienet ta’ 28%, skont il-Ministeru tal-Intern Franċiż, l-ogħla f’aktar minn 50 sena, skont il-midja Franċiża. Fil-fatt, aktar votanti astjenew milli vvutaw għal Le Pen.
Għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ferm inqas minn dawk ta’ wara r-rebħa ta’ Macron fl-2017, il-partitarji tiegħu nġabru fuq Champs de Mars, quddiem it-Torri Eiffel fiċ-ċentru ta’ Pariġi, jiċċelebraw ir-riżultat fejn hu ta d-diskors tiegħu u ndaqq ukoll l-innu Ewropew, komunement imsejjaħ “Ode to Joy.”
Fid-diskors tar-rebħa tiegħu, Macron wiegħed li jkun il-president ta’ kulħadd. Imbagħad irringrazzja lill-partitarji tiegħu u rrikonoxxa li ħafna, bħal fl-2017, ivvutawlu sempliċement biex jiżguraw li l-lemin estrem ma jingħatax il-poter.
Macron qal li t-tieni mandat tiegħu mhux se jkun kontinwazzjoni tal-ewwel tiegħu, billi jimpenja ruħu li jindirizza l-problemi attwali kollha ta’ Franza. Huwa ndirizza wkoll lil dawk li appoġġjaw direttament lil Le Pen, u qal li hu, bħala president, irid isib tweġiba għar-“rabja u n-nuqqas ta’ qbil” li wassluhom biex jivvutaw għal-lemin estrem.
Le Pen tat diskors ta’ konċessjoni fi żmien nofs siegħa wara l-ewwel riżultat, u tkellmet mas-sostenituri tagħha miġbura f’Bois de Boulogne fil-Punent ta’ Pariġi.
Minkejja li tilfet l-elezzjoni, Le Pen irrikonoxxiet il-fatt li l-lemin estrem qatt ma mar daqshekk tajjeb f’elezzjoni presidenzjali. Hija sejħet ir-riżultat bħala “storiku” u bħala “rebħa brillanti” li poġġiet lill-partit politiku tagħha, National Rally, “f’pożizzjoni eċċellenti” għall-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju.
“Il-logħba għadha ma spiċċatx,” qalet.
by skoperta.net | 04/Feb/22 | L-Aħħar Aħbar
Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.
Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.
Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.
Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.
Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.
Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.
B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.
Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.
Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.
Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.
Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.
Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.
by skoperta.net | 30/Jan/22 | L-Aħħar Aħbar
Il-President attwali tal-Italja Sergio Mattarella ġie elett mill-ġdid għat-tieni mandat.
Mattarella ġie elett b’759 minn madwar 1009 vot ta’ membri parlamentari u rappreżentanti reġjonali inkarigati mill-elezzjoni tal-president fi proċess li ma jinvolvix il-pubbliku, fit-tmien votazzjoni.
Din hija biss it-tieni darba fl-istorja li President Taljan reġa’ ġie elett biex iservi t-tieni mandat. Fl-2013, Giorgio Napolitano kien l-ewwel wieħed li serva t-tieni mandat minn meta l-Italja saret repubblika fl-1946, iżda rriżenja wara sentejn fl-2015.
Mattarella, ta’ 80 sena, sar President fl-2015 u minkejja li kien eskluda li jibqa’ fil-kariga wara li jispiċċa t-terminu ta’ 7 snin fit-3 ta’ Frar, rapporti mill-midja qalu li l-Prim Ministru Mario Draghi ikkonvinċieh jibqa’ għall-istabbiltà tal-Italja.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu hekk kif ġie elett, Mattarella qal li ħass sens ta’ responsabbiltà li jibqa’ fil-kariga fid-dawl tal-isfidi tas-saħħa u ekonomiċi li qed jiffaċċja l-pajjiż.
Il-ġimgħa d-dieħla mistennija ssir iċ-ċerimonja formali tal-ġurament.