Select Page
Avveniment organizzat mil-Librerija tal-Università b’risq Richmond Foundation

Avveniment organizzat mil-Librerija tal-Università b’risq Richmond Foundation

Jekk nhar it-Tnejn li ġej, l-14 ta’ Novembru, se tkun qrib l-Università, mur sa quddiem il-Librerija, għax se jkun hemm bake sale b’risq Richmond Foundation.

Ir-Richmond Foundation hija fondazzjoni li tagħti għajnuna u appoġġ lin-nies li jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali, u lil dawk ta’ madwarhom, matul ħajjithom. Fil-fatt hija toffri diversi servizzi ta’ għajnuna li jvarjaw minn gruppi ta’ appoġġ u soluzzjonijiet ta’ għajxien assistit, għal programmi edukattivi u servizzi ta’ konsulenza. Apparti dan, din il-fondazzjoni tipprovdi għajnuna b’xejn lill-individwi li għandhom bżonnha iżda ma jistgħux iħallsu għaliha.

Reċentement Richmond Foundation qed tesperjenza żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha iżda tnaqqis fid-dħul finanzjarju. Minkejja dan, huma baqgħu impenjati u qed jaħdmu aktar minn qatt qabel biex jiżguraw servizzi kontinwi lill-persuni fil-bżonn.

Għalhekk, jekk tixtieq li din il-fondazzjoni tkompli tagħmel aktar ġid fil-kommunità, nhar it-Tnejn żur il-kampus tal-Università, mur sa quddiem il-Librerija, ixtri tazza kafè u xi ħelu delizzjuż u tkun qed tgħin lil Richmond Foundation.

Kun parti minn din l-inizjattiva tant sabiħa!

Ir-Russja xorta tista’ tikkompeti fil-Eurovision minkejja l-invażjoni tal-Ukrajna

Ir-Russja xorta tista’ tikkompeti fil-Eurovision minkejja l-invażjoni tal-Ukrajna

Ir-Russja se titħalla tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, minkejja l-attakki militari tagħha fuq l-Ukrajna.

L-organizzaturi qalu li l-kompetizzjoni hija avveniment kulturali mhux politiku u li bħalissa qed jippjanaw li jospitaw il-parteċipanti kemm mir-Russja kif ukoll mill-Ukrajna f’Mejju li ġej.

Madanakollu, qalu li se jkomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni mill-qrib.

Ix-xandar tal-Istat tal-Ukrajna talab li r-Russja tiġi sospiża.

Qal li x-xandara Russi, li jissorveljaw il-parteċipazzjoni tal-kontea fil-konkors kienu kelliema għall-Kremlin u għodda ewlenija ta’ propoganda politika, u ħadu sehem f’disseminazzjoni sistematika ta’ diżinformazzjoni kontra l-Ukrajna. Sostna li dan huwa kuntrarju għall-valuri tal-EBU.

Id-delegazzjoni tar-Russja għad trid twieġeb għall-kummenti tagħhom.

Arnold Cassola jitlob investigazzjoni dwar l-ispiża tal-Malta Film Awards

Arnold Cassola jitlob investigazzjoni dwar l-ispiża tal-Malta Film Awards

Fost il-kontroversja li nqalgħet dwar is-serata tal-Malta Film Awards li saret nhar is-Sibt li għadda, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-awditur ġenerali biex jinvestiga l-infiq mill-Malta Film Commission fuq il-Malta Film Awards.

Huwa qal li l-baġit iddikjarat, li huwa ta’ €400,000, diġà huwa ammont fenomenali meta wieħed iqis li l-baġit annwali tal-Kummissjoni huwa ta’ €600,000.

Żied jgħid li s-somma ta’ €400,000 setgħet ukoll inqabżet, wara li l-Kummissarju tal-films, Johann Grech irrifjuta li jgħid jekk is-somma nqabżitx meta ġie mistoqsi.

Numru ta’ produtturi esprimew il-kritika tagħhom dwar l-avveniment, b’uħud minnhom iddikjaraw li saħansitra ma daħħlux ix-xogħlijiet tagħhom għal dan l-avveniment biex iwasslu messaġġ.

Il-Karnival tradizzjonali kif nafuh qabel il-pandemija se jittella’ f’Mejju

Il-Karnival tradizzjonali kif nafuh qabel il-pandemija se jittella’ f’Mejju

Festivals Malta ħabbar li l-Karnival ta’ Malta se jsir b’verżjoni ridotta bejn il-25 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2022.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera sostna li l-Karnival huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti.

Huwa qal li wieħed ma’ setgħax ma jħossx in-nuqqas tal-Karnival u t-talent tal-entużjasti u tad-dilettanti illi jagħtu il-maġġoranza tal-ħin tagħhom fil-preparazzjoni għal dan l-avveniment, li fiħ jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.

Żied jgħid li ġaladarba issa jidher li se jkun hemm reviżjoni fil-miżuri, hekk kif tħabbar ftit tal-jiem ilu, flimkien ma’ Festivals Malta se jiġi mħejji programm kulturali karnivalesk, li għal din is-sena biss se jittella’ fl-20, 21, 22 ta’ Mejju 2022, biex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb il-kbar u ż-żgħar, b’mod responsabbli mal-miżuri relevanti f’dawk iż-żminijiet.

Għaldaqstant Festivals Malta ħaseb biex xorta waħda jsiru attivitajiet marbuta mal-Karnival fil-jiem ta’ Frar, b’programm li jiċċelebra l-kreattività marbuta ma’ dan iż-żmien tant maħbub mill-komunità Maltija.


“Il-Karnival ta’ Malta huwa avveniment importanti għall-pajjiżna u Festivals Malta qed jirsisti biex il-Karnival jerġa’ jiġi ċċelebrat kif verament jistħoqqlu”, qalet Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta.
“Tul dawn is-snin, Festivals Malta saħaq biex jippreserva d-drawwiet marbuta maż-żmien tal-Karnival filwaqt li jkompli jgħolli l-livell tiegħu. Għalkemm il-format tal-Karnival kellu jinbidel minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Festivals Malta xorta waħda ħadem biex l-ispirtu tal-karnival jibqa’ jinħass minkejja l-isfidi li din il-pandemija ġabet magħha”, ikkonkludiet is-Sa. Stivala.


Ic-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton, saħaq dwar l-importanza tal-Karnival, li jagħmel parti mill-wirt storiku Malti, tkellem ukoll dwar ix-xogħol bla waqfien u l-investiment li Festivals Malta qed jagħmel għall-artisti f’diversi setturi tal-arti. “Festivals Malta kburi li baqa’ jinvesti fl-artisti lokali permezz ta’ diversi inizjattivi, bħall-workshops tal-Karnival li saru s-sajf li għadda u inizjattivi oħra bħall-ICOM Project, u ħafna aktar”, ikkonkluda s-Sur Hamilton.


Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil spjega li din is-sena il-programm tal-karnival se jinkludi diversi stallazzjonijiet fit-toroq tal-Belt bejn il-25 u l-1 ta’ Marzu, esebizzjoni ta’ ritratti karnivaleski mill-fotografu Ġermaniż Frank Kirchner, ikkurata minn Antoine Farrugia, esebizzjoni mhux kompetittiva ta’ kostumi passati u produzzjoni teatrali live tal-Qarċilla kollha b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Se ssir ukoll produzzjoni teatrali ta’ żfin, projections u attivitaijiet oħra għat-tfal organizzata mit-Teatru Manoel b’kollaborazzjoni mat-TOI TOI Collective u bis-sapport ta’ Festivals Malta.


Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u bis-sapport ta’ Kinnie u Mapfre MSV Life. Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ din is-sena żur www.festivals.mt.

X’deherlek mill-Ewwel Edizzjoni tal-Malta Film Awards?

X’deherlek mill-Ewwel Edizzjoni tal-Malta Film Awards?

Ilbieraħ ġiet imtella’ l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards.

Bosta professjonisti fil-qasam tal-industrija tal-films, kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali taw sehemhom biex is-serata tal-bieraħ setgħet tittella’.

Dawn huma r-rebbieħa tal-Malta Film Awards:

Best Male Actor in Supporting RoleNarcy Calamatta

Best Female Actor in a Supporting Role Sarah Camilleri

Best Hair & Makeup Design Christian Kotey & Jannie Stax

Best Costume Design Angelle Farrugia & Audrey Brincat Dalli

Best Location AwardFort Ricasoli

Best Production DesignMela Melak

Crew Recognition Award Ino Bonello

Best Short FilmThe Maltese Fighter

Best DocumentaryPass Pass Għal Auschwitz

Best ScreenplayJean Pierre Magro

Best DirectorDavide Ferrario

Best Actress in a Leading RoleLouise Doneo

Best CinematographyMark Traskowski

Best Post-ProductionBlood on the Crown

Best Actor in a Leading Role Harvey Keitel

Best Musical ScoreAlexey Shor & Laurent Eyquem

Best Lifetime AchievementMario Philip Azzopardi

Best Classic TV Series Għeruq

Best Classic FilmScrooge

Best TV SeriesL-Għarusa

Best FilmThe Boat

Malta Film Commissioner’s AwardColin Trevorrow

Is-serata ppreżentata minn David Williams, ġiet imfaħħra minn uħud iżda qajmet ukoll kontroversja għall-fatt li ħafna esprimew id-dispjaċir tagħhom għan-nuqqas tal-lingwa Maltija f’dan l-avveniment kif ukoll il-fatt li l-preżentatur ma kienx Malti.

Fil-fatt, ħafna minn dawk li esprimew din il-fehma, faħħru lir-rebbieħa li għażlu li jitkellmu bil-Malti fid-diskors tagħhom meta ngħataw il-premju.

Int x’taħseb? x’deherlek mill-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards?

Enable Notifications OK No thanks