Select Page
Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Wara l-bieb dehret mara kemmxejn irqiqa żżejjed, b’karnaġġjon ċar u b’għajnejn żgħar skuri, tħares lejh.
Axel sogħol ftit ħalli jkun jista’ jitkellem ċar.
“Ġejt………..ġejt biex inkellem lil Nadia.”
Il-mara ma ċċaqalqitx. Induna li bdiet tagħfas subgħajha mal-bieb għax bjadu.
“Skużi……….ġejt biex……….” reġa’ qalilha bil-mod.
“Int trid tiċċajta jaqaw?” staqsietu.
“Sinjura……..jaqaw ma toqgħodx hawn Nadia?” infixel.
“It-tifla ilha mejta diġà sentejn,” qaltlu bla ma qagħdet togħmodha.
Kesaħ.
Immuta.
Beda jżomm mal-ħajt għax saqajh ħasshom jinqatgħu minn ġewwa.
“Naħseb għandek żball……” qalilha. “Ilbieraħ iltqajt magħha, qaltli li toqgħod hawn u jien tajtha l-ġakketta tiegħi. U qaltli biex niġi neħodha lura llum!”
“Ma jistax ikun,” qaltlu, wiċċha abjad karti. “Ejja miegħi.”
Daħlet fid-dar b’Axel warajha. Imxiet tul kuritur twil u waslet quddiem bieb. Għalkemm id-dar kienet tidher klassika u armata b’għamara sabiħa, malli fetħet dan il-bieb, li beda jżaqżaq, kull ma ra kienet kamra vojta b’ kaxxa kbira tal-injam fin-nofs, b’riħa ta’ moffa taqsam ma’ kullimkien, trab u ħmieġ.
“Din kienet il-kamra tagħha. Dak kollu li kellha, qiegħed f’dik il-kaxxa,” qaltlu. “Ma niflaħx nara………..memorji………” Daħlet fil-kamra mdallma. Axel mar warajha.
Il-kaxxa kienet magħluqa.
“L-aħħar li dħalt hawn, dakinhar tal-funeral……….” qaltlu mbikkma.
Fetħet l-għatu tal-kaxxa u Axel resaq ‘il quddiem. Ħarġet album tar-ritratti u tatulu. Għal mument ħass għoqla fi griżmejh u xtaq li r-ritratti kien fihom persuna oħra. Persuna oħra li ma kienx iltaqa’ magħha l-lejl ta’ qabel.
B’idu tirtogħod beda jiftaħ l-album.
Nadia.
Kienet hemm.
Titbissem fir-ritratti, isbaħ milli kien qatt immaġina! Ta’ etajiet differenti, f’sitwazzjonijiet differenti. Ma’ nies differenti.
“Biex mietet?” Kellu jistaqsiha. Ried ikun jaf.
“Inċident tat-traffiku. Tajritha karozza waqt maltempata bħal tal-bieraħ………” bdiet tgħidlu ommha.
U dak il-ħin raha.
Resaq ‘il quddiem u ħass nifsu jinqata’.
Il-ġakketta tiegħu.
Il-ġakketta tiegħu kienet mitwija pulita fil-wiċċ tal-kaxxa, fost oġġetti oħra. U malli qabadha b’idejh tirtogħod induna li kienet għadha niedja.
“Isma……….għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura,” sema’ leħinha jidwi f’widnejh.
Tgħid x’kien ġara eżatt? X’kien ġara, f’dak il-lejl li kienet għamlet ix-xita?
“Nadia,” lissen minn taħt u waqgħet demgħa minn ma’ wiċċu għal fuq ir-ritratt tagħha.

Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Ma kienx jaf għala iżda malli ra t-tbissima fuq wiċċha, ħass qalbu tħabbat mija mija u kien jaf li kieku ltaqgħu taħt ċirkostanzi differenti, kien jistaqsiha toħroġ miegħu. Imma hekk beża’ li jgerrixha.
U telqu flimkien. Jimxu taħt umbrella waħda. Hi mgeddsa fil-ġakketta tiegħu u hu mitluf jitkellem magħha.
Sakemm waslu fit-triq ta’ fejn qaltlu li kienet toqgħod hi, kien diġà qalilha l-istorja ta’ ħajtu, irrakkuntalha fid-dettal dwar xogħlu u l-karozzi li kien biddel u anke fuq in-nisa li kellu qabel!
“Jien se nħallik………..” qaltlu.
Waqfu bilwieqfa quddiem xulxin, Axel għadu jżomm l-umbrella f’idu.
“Ħadt gost nitkellem miegħek,” qalilha.
Axel isserja. Qatt ma kien ħassu daqshekk komdu jitkellem ma’ xi ħadd. Kien ħa grazzja magħha. Iva, il-mod ta’ kif kienet ħarset lejh tul it-triq, ta’ kif tbissmet u kompliet miegħu hu u jirrakkontalha u kif kellmitu………………
“Ħudha, grazzi,” qaltlu hi u tibda tinża’ l-ġakketta minn fuqha.
“Le!” waqqafha. “Ma tarax! Tieħu riħ!”
Infaqgħu jidħqu.
“Isma……….għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura.”
“Niġi. Niġi żgur.”
Għal mument ħarsu f’għajnejn xulxin u Axel kien jaf li f’dan il-preċiż mument kienu qalu ħafna affarijiet lil xulxin mingħajr ma lissnu kelma waħda. Ma kienx hemm bżonn kliem. Kienu skambjaw mument intimu bejniethom li ma kien ifisser xejn u fl-istess ħin kien ifisser ħafna.
“Narak għada, Nadia!” qalilha.
Rasset il-ġakketta tiegħu magħha u telqet tiġri.
Axel baqa’ hemm bilwieqfa. Jitbissem.
“X’int tagħmel hawn fix-xita qisek baħnan?” sema’ s-subkonxju jerġa’ jgħidlu.
Nadia.
Kemm xtaq jerġa’ jaraha!
Kemm kien ħerqan li jasal għada ħalli jmur għandha bl-iskuża tal-ġakketta!
U telaq iħaffef lejn daru jkanta xi melodija ma tagħmilx sens.
U l-għada tgħidx kemm ħaseb fuqha xħin kien qiegħed ix-xogħol!
Fuq din l-imbierka Nadia!
U kellu seba’ mitt sena sakemm jagħlaq il-bieb tal-uffiċċju u jitlaq lejn darha.
U fil-fatt hekk għamel.
Daħal fil-karozza, saq lejn Triq Dolores u sab id-dar il-kbira li kienet eżatt fil-kantuniera. Għajnejh xegħlu malli ra isem id-dar.
“Dar il-Friefet,” qal b’leħen għoli, hekk kif ipparkja malajr u bla ma qagħad jaħli l-ħin telaq jiġri lejn ir-rixtellu, fetħu u beda jdoqq il-qanpiena.
Stenna.
Beda’ jisma’ l-passi ġejjin minn wara l-bieb.
Infetaħ.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Il-Pożittivi – Dramm komiku ġdid ta’ Simon Bartolo

Il-Pożittivi – Dramm komiku ġdid ta’ Simon Bartolo

L-isfida ta’ dan id-dramm, skont il-kittieb Simon Bartolo, kienet li jikteb b’mod ċajtier dwar xi ħaġa serja. Fil-fatt Il-Pożittivi jittratta l-problema tal-virus tal-HIV li għalkemm fiż-żminijiet tal-lum m’għadhiex toqtol sakemm dak li jkun jieħu l-mediċini kif suppost, xorta ġġor magħha stigma li skont wieħed mill-karattri fid-dramm stess, iġġiegħel lin-nies ma jibqgħux jarawk bħala uman għax kif isiru jafu li għandek l-HIV jitilqu jiġru. Bartolo mhuwiex ġdid għall-idea li jżewwaq is-serju mal-komiku. Dan għamlu fi drammi bħal Ħabbilni ħa Nirbaħ, Il-Ħanina Maddalena, u ħafna oħrajn. Għalhekk huwa ma ħasibhiex darbtejn biex laqa’ l-isfida.

Id-dramm għandu direzzjoni ta’ Toni Attard, u jdur madwar il-karattru ta’ David (Benjamin Abela), li jixtieq jesperimenta bis-sess bħal sieħbu imma fl-istess ħin jibża’ u jinkwieta wisq dwar il-konsegwenzi. Mill-banda l-oħra sieħbu Axel (Stephen Mintoff) m’għandux minn dawn il-problemi. M’għandekx ċans li se joqgħod iħabbel rasu qabel ma jieħu l-aktar azzjoni li tkun tħajru dak il-ħin. Huwa jħobb jesperimenta u jbiddel il-ħsieb, fil-fatt ikun huwa stess li jagħżel ismu meta jaqleb minn Alex għal Axel.

David, li trabba mingħajr missier, iħoss ġibda partikolari lejn irġiel ikbar minnu u l-inkwiet jibda meta jiltaqa’ ma’ Karl (Ray Calleja). Hu jistqarr li ma’ Karl iħoss xi ħaġa li qatt ma ħass ma’ ħadd qabel. Fl-istess ġurnata Axel jiltaqa’ ma’ raġel barrani, Marcus (Chris Vincent), li jgħix Malta u li għandu ideat kemxejn mhux tas-soltu li jattiraw lil żagħżugħ.

Mill-banda l-oħra, Emily (Clare Agius) omm David, għandha ħabiba li magħha tiftaħ qalbha … iżda mhux dwar kollox! Il-ħabiba tagħha hija Susan (Josette Ciappara), mara ta’ 60 sena li ilha tgħix bl-HIV għal dawn l-aħħar 28 sena bla problemi. Hija tgħid li avolja r-riżultat tal-HIV ħareġ « positive » hija mhux se tkun negattiva, imma se tibqa’ tgħix ħajjitha bl-aktar mod pożittiv.

Bejn intriċċi, daħq, biki, rabja, frustrazzjoni, imħabba u fuq kollox, tama, dan id-dramm jeħodna fuq vjaġġ komiku ma’ karattri Maltin bħalna li qed jgħixu ħajjithom bl-aħjar mod li jafu.

Il-Pożittivi huwa tajjeb għal udjenzi minn 15-il sena ’l fuq u se jkun disponibbli on demand fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata, mit-18 ta’ Ġunju. L-ispettaklu huwa bil-Malti u sottotitli bl-Ingliż. Il-biljetti jiswew €10 u jistgħu jinxtraw minn hawn.

Enable Notifications    OK No thanks