Select Page
Ir-Russja tgħid li l-provvisti tal-armi li qed jintbagħtu lill-Ukrajna jheddu s-sigurtà Ewropea

Ir-Russja tgħid li l-provvisti tal-armi li qed jintbagħtu lill-Ukrajna jheddu s-sigurtà Ewropea

Ir-Russja qalet li l-provvisti tal-armi li qed jintbagħtu mill-Punent lill-Ukrajna, qed jikkawżaw theddida għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew.

Dan intqal hekk kif il-Punent bagħtu aktar provvisti tal-armi lill-Ukrajna.

Peskov qal li fiha nnifisha, li jintbagħtu l-armi lejn l-Ukrajna u pajjiżi oħra huma azzjonijiet li jheddu s-sigurtà tal-kontinent u jipprovokaw instabbiltà.

Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija dwar rimarki mis-Segretarju Ingliż għall-Affarijiet Barranin Liz Truss, li nhar l-Erbgħa qalet li pajjiżi li jopponu l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna jridu jirduppjaw l-appoġġ tagħhom, inkluż billi jibagħtu armi, tankijiet u ajruplani.

Ir-Russja, li l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna qatlet ħafna eluf ta’ nies u spostat miljuni, b’mod konsistenti tirreferi għan-NATO u l-Punent bħala aggressuri li sfurzawha tiddefendi s-sigurtà tagħha stess.

Putin iwissi dwar riperkussjonijiet għal kwalunkwe pajjiż li jintervjeni fil-gwerra

Putin iwissi dwar riperkussjonijiet għal kwalunkwe pajjiż li jintervjeni fil-gwerra

Il-President Russu Vladimir Putin wissa li kwalunkwe pajjiż li jipprova jintervjeni fil-gwerra tal-Ukrajna se jiffaċċja riperkussjonijiet serji.

Huwa hedded li r-Russja għandha armi li m’għandu ħadd u li dawn se jintużaw jekk ikun hemm bżonn, b’referenza għall-missili ballistiċi u l-armi nukleari.

L-alleati tal-Ukrajna żiedu l-provvista tal-armi, bl-Istati Uniti wegħdu li se tiżgura li l-Ukrajna tegħleb lir-Russja.

Uffiċjali tal-Punent qalu li r-Russja qed tiġi mxekkla fl-isforzi tagħha fil-Lvant.

Il-ġimgħa li għaddiet, ir-Russja nediet offensiva kbira biex taħtaf ir-reġjun ta’ Donbas wara li rtirat minn żoni madwar il-kapitali Kyiv.

Iżda skont uffiċjal, il-forzi Russi qed isibuha diffiċli biex jegħlbu r-reżistenza qawwija tal-Ukrajna.

Fi żvilupp ieħor, il-Kummissjoni Ewropea akkużat lir-Russja b’rikatt wara li Moska qatgħet l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Polonja u l-Bulgarija.

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen qalet li din id-deċiżjoni wriet in-nuqqas ta’ affidabilità tar-Russja bħala fornitur.

Il-Kremlin qal li r-Russja kienet imġiegħla tieħu din id-deċiżjoni minħabba l-azzjonijiet u l-pożizzjoni tan-nazzjonijiet tal-Punent fil-konfront tagħhom.

Il-qtugħ ta’ Gazprom isegwi r-rifjut tal-Polonja u l-Bulgarija li jħallsu għall-gass f’rubli Russi, talba li saret mill-President Vladimir Putin f’Marzu, li kienet imfassla biex issaħħaħ il-munita li qed tbatti riżultat tas-sanzjonijiet tal-Punent.

Ir-Russja twissi li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà

Ir-Russja twissi li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja Sergey Lavrov wissa li r-riskji ta’ gwerra nukleari huma reali u għandhom jittieħdu bis-serjetà. Madanakollu, huwa qal li pajjiżu qed jistinka biex inaqqas ir-riskju li dan iseħħ.

B’referenza għal dikjarazzjoni famuża minn Ronald Reagan u Mikhail Gorbachev, meta l-mexxejja ta’ dak iż-żmien tal-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika qablu li “gwerra nukleari ma tistax tintrebaħ u qatt ma għandha tiġi miġġielda,” Lavrov qal li “l-inammissibbiltà tal-gwerra nukleari” baqgħet il-“pożizzjoni ta’ prinċipju” tar-Russja.

Lavrov issuġġerixxa wkoll li dawn ir-riskji huma konsegwenzi tar-reazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Punent u li qed jirrifjutaw li jafdaw lir-Russja. Huwa enfasizza l-falliment li jinstab suċċessur għal trattat tas-snin tmenin bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika li jipprojbixxi l-armi nukleari ta’ medda medja.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat Russa RIA Novosti, Lavrov qal lill-intervistatur Russu li l-pajjiżi tal-Punent kienu qed iħeġġu lill-Ukrajna biex tkompli tiġġieled – muri mit-talbiet li qed jinbidlu tal-Ukrajna, huwa qal.

Iżda qal li għadu jemmen li l-gwerra kienet se tispiċċa b’dak li RIA Novosti ddeskriviet bħala “l-iffirmar ta’ dokument diplomatiku.”

Will Smith ipprojbit mill-Oscars għal 10 snin

Will Smith ipprojbit mill-Oscars għal 10 snin

Will Smith ġie pprojbit mill-Oscars u avvenimenti oħra tal-Akkademja għal 10 snin wara li l-attur Amerikan ta’ daqqa ta’ ħarta lill-komiku Chris Rock fiċ-ċerimonja.

Fi stqarrija, l-Akkademja qalet li 94 edizzjoni tal-Oscars ġiet imfixkla mill-imġiba inaċċettabbli u ta’ ħsara ta’ Will Smith.

Smith skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu u rriżenja mill-Akkademja.

L-attur ta daqqa ta ħarta lil Rock wara li dan iċċajta dwar ix-xagħar imqaxxar ta’ martu.

Fi stqarrija, l-Akkademja qalet li l-projbizzjoni ta’ Smith hija mmirata biex tipproteġi l-artisti u l-mistednin u terġa’ tikseb il-fiduċja.

L-Akkademja skużat ruħha wkoll talli ma ndirizzatx is-sitwazzjoni b’mod immedjat filwaqt li rringrazzjat lil Rock talli żamm kalm fiċ-ċirkostanzi.

Roberta Metsola tintlaqa’ b’applaws fil-Parlament Ewropew wara ż-żjara fi Kyiv

Roberta Metsola tintlaqa’ b’applaws fil-Parlament Ewropew wara ż-żjara fi Kyiv

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola intlaqgħet b’applaws mill-membri parlamentari Ewropej hekk kif kienet se tibda d-diskors tagħha f’sessjoni plenarja dwar iż-żjara tagħha fl-Ukrajna.

Fid-diskors tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li kienet deċiżjoni diffiċli li tmur iżda li fissret ħafna għall-Ukreni li l-Parlament Ewropew kien preżenti magħhom.

Hija qalet li kienet kburija li wasslet il-messaġġ tal-UE fi Kyiv li juri li l-Parlament Ewropew jinsab magħhom f’dan iż-żmien diffiċli.

Il-President Metsola kkundannat l-atroċitajiet li qed isiru fl-Ukrajna u li dawn l-azzjonijiet inumani ma jistgħux jibqgħu għaddejjin.

Enable Notifications OK No thanks