Putin jissospendi l-ftehim mal-Ukrajna dwar l-esportazzjoni tal-qamħ

Putin jissospendi l-ftehim mal-Ukrajna dwar l-esportazzjoni tal-qamħ

Il-President Russu Vladimir Putin qal li r-Russja qed tissospendi, iżda mhux twaqqaf għalkollox, il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim li sar mal-Ukrajna, li jippermetti passaġġ sikur għall-vapuri li jġorru esportazzjonijiet tal-qamħ Ukren.

Ir-Russja ħarġet mill-ftehim li sar min-NU, nhar is-Sibt, u allegat li l-Ukrajna użat passaġġ fil-Baħar l-Iswed biex tattakka l-flotta tagħha.

Madankollu, in-NU tgħid li ma kien hemm l-ebda vapur, u l-Ukrajna ma ħaditx ir-responsabbiltà għall-attakk.

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy akkuża lir-Russja li qed tirrikatta lid-dinja bil-ġuħ, dikjarazzjoni li ġiet miċħuda mir-Russja.

Minkejja dan, 12-il vapur li kien fihom madwar 354,500 tunnellata ta’ ikel, inkluż qamħ, telqu mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna nhar it-Tnejn.

Putin jgħid lil Macron li l-Punent għandu jieqaf jibgħat l-armi lill-Ukrajna

Putin jgħid lil Macron li l-Punent għandu jieqaf jibgħat l-armi lill-Ukrajna

Il-President Russu Vladimir Putin qal li l-Punent jista’ jgħin biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna billi jagħmel aktar pressjoni fuq il-President Volodymyr Zelenskyy u jieqaf jibgħat il-kunsinni tal-armi lill-forzi tiegħu.

Putin kien qed jitkellem fl-ewwel taħditiet telefoniċi tiegħu f’aktar minn xahar mal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Il-mexxej Franċiż reġa’ sejjaħ għal waqfien mill-ġlied u għal taħditiet biex tintemm il-gwerra miġjuba mill-invażjoni tar-Russja.

Huwa talab lil Putin biex jippermetti aktar evakwazzjonijiet fil-belt ta’ Mariupol.

Fil-belt seħħ ġlied mill-aktar aħrax tal-gwerra u mijiet ta’ ċivili huma maħsuba li baqgħu maqbuda taħt it-tifrik ta’ fabbrika tal-azzar miżmuma mill-forzi Ukreni.

L-istati tal-Punent qed jaċċertaw li l-Ukrajna tkun armata b’mod estensiv fil-ġlieda tagħha kontra r-Russja, u nhar it-Tlieta r-Renju Unit ħabbar wegħda oħra ta’ tagħmir militari li jiswa £300m inkluż tagħmir ta’ gwerra elettronika, sistema tar-radar, GPS jammers u apparat tan-night vision.

Eluf ta’ nies, kemm suldati kif ukoll ċivili, inqatlu jew ndarbu mill-invażjoni tal-24 ta’ Frar u aktar minn 5.5 miljun ħarbu barra minn pajjiżhom bħala refuġjati.

Il-forzi Russi rtiraw mir-reġjun tal-kapitali Kyiv biex jiffukaw l-operazzjonijiet tagħhom fuq il-Lvant tal-Ukrajna.

Waqt li sejjaħ għall-waqfien tal-provvisti tal-armi, Putin akkuża lill-forzi Ukreni li wettqu reati tal-gwerra billi bbumbardjaw bliet fil-Lvant tal-Ukrajna fejn separatisti appoġġjati minn Moska jikkontrollaw żoni kbar, skont stqarrija tal-Kremlin.

Għadd ta’ attakki fuq żoni residenzjali ġew irreġistrati f’żoni kkontrollati mis-separatisti minn mindu bdiet l-invażjoni iżda xejn fuq l-iskala ta’ bumbardamenti ta’ bliet miżmuma mill-gvern mill-forzi Russi. L-Ukrajna tiċħad li bbumbardjat żoni residenzjali.

Il-forzi Russi ġew akkużati li wettqu atroċitajiet, inkluż f’Bucha, belt barra Kyiv.

Il-mexxej Russu insista li r-Russja hija miftuħa għad-djalogu mal-Ukrajna.

Skont stqarrija mill-Palazz tal-Élysée, Macron talab lil Putin biex itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u qal li lest jgħin biex tinkiseb soluzzjoni negozjata għall-kunflitt li tirrispetta s-sovranità tal-Ukrajna.

Il-President Franċiż, li rebaħ l-elezzjoni mill-ġdid ix-xahar li għadda, tkellem ma’ Putin bosta drabi minn mindu bdiet l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Qal li kien disponibbli biex jaħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jgħin biex jitneħħa l-imblokk tar-Russja fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna sabiex tkun tista’ terġa’ tibda l-esportazzjoni tal-ikel.

Enable Notifications OK No thanks