“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

“Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti” – Kevin Borg

Nitkellmu ma’ Kevin Borg

Kevin, kif tiddeskrivi ħajtek bħalissa, mill-aspett ta’ karriera?

L-ewwel nett grazzi mill-qalb ta’ din l-intervista. Bħal kulħadd f’dan is-suq tal-ispettaklu, bħalissa mhux xi żmien pjaċevoli peress li x-xogħol waqaf ħesrem. Jiena xorta bniedem li dejjem nipprova nara l-pożittiv minn kull sitwazzjoni u bħalissa qiegħed niffoka fuq proġett li qiegħed naħdem fuqu mid-dar għal meta jerġa’ jiġi ż-żmien li niġu lura għan-normalità.

Hemm xi proġetti partikolari li qed taħdem fuqhom bħalissa?

Bħalissa qiegħed naħdem fuq materjal ġdid kemm għalija u kemm għal artisti oħrajn ġewwa l-Asia. Kif semmejt qabel qegħdin ukoll naħdmu qatigħ fuq proġett ieħor fuq skala ikbar. Ma tantx nista’ niżvela però jista jkun li għandu x’jaqsam mat-televiżjoni.

Iċ-ċirkostanzi tal-pandemija affettwaw lil kulħadd b’xi mod jew ieħor. Kif affettwaw lilek personali?

Affetwawni kemm b’mod tajjeb u kemm negattiv. In-negttiv huwa li ħafna events ġew posposti u meta tisma’ koppji jgħidulek li jridu jġeddu d-data tat-tieġ għall-tliet darbiet, tħoss għalihom. Il-pożittiv huwa li peress li qed inqatta’ ħafna ħin id-dar inkun ħafna iktar mat-tfajla tiegħi u l-qtates tagħna li bħalissa għandhom bżonn ta’ ħafna ħin u mħabba. Biex tgħaxxaqha, waħda minnhom għadu kif ħarġilha d-dijabete u tkissirna meta sirna nafu li Misty se jkollha tieħu t-tilqima darbtejn kuljum tul ħajjitha. Minn hawn nixtieq nirrangrazzja lil Nigel u Andrew Borg Cardona talli għarrfuni minnufih li Borg Cardona pet supplies u pharmacy kienu sejrin jidħlu biex jgħinu u jkunu parti mir-recovery ta’ Misty u l-pets tagħna. Meta tfajtha facebook, indunajt kemm il-poplu u s-segwaċi tiegħi verament iħobbu l-annimali tant li issa ta’ kuljum qed nitfa’ stories sabiex dak li jkun ikun jista’ jsegwi l-progress li jkunu qegħdin jagħmlu, fosthom Misty.

Min kienu l-aktar persuni li kienu ta’ influwenza fil-karriera tiegħek?

Kienu ħafna dawk li b’xi mod influwenzawni fil-karriera tiegħi. Nibda l-ewwel minn missieri li qatt ma ċaħħadni minn dak li ridt nagħmel, tant li anke meta għidtlu li sejjer l-Iżvezja, għalkemm kontra qalbu qalli “mur ibni”.

Mill-aspett mużikali kien hemm ħafna. Nibda mill-ewwel opportunitajiet li kelli fuq it-TV minn Alfred Zammit meta kelli biss madwar 17-il sena u mbagħad ma nistax ma nsemmix lil Jason Cassar illi tista’ tgħid li rawwimni fix-xena tal-ispettaklu lokali.

Ċertament li l-kanzunetti kollha tiegħek huma għal qalbek, iżda hemm minnhom li għandhom post speċjali f’qalbek aktar minn oħrajn?

Kull kanzunetta għandha l-istorja tagħha, però waħda li dejjem tibqa’ għal qalbi hija NEEDING YOU. Din il-kanzunetta n-nies għamluha tagħhom u dak huwa l-għan prinċipali ta’ din il-kanzunetta.

Il-kanzunetta Tlaqt Ħabib, xi tfisser għalik?

Tlaqt Habib tfisser mument ta’ dieqa għaliex hija iddedikata lill-ħabib tiegħi Clint Mizzi li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Hija kanzunetta miktuba minn Marcon Cassar fuq mużika ta’ Jason Cassar. Kanzunetta b’messaġġ sabiħ ħafna li kulħadd jista’ jirrelata magħha għaliex xi darba jew oħra kollha tlifna lil xi ħadd għal qalbna.

Liema tqis li kienu l-akbar kisbiet tiegħek s’issa?

S’issa kien hemm kisbiet mhux ħażin u dejjem nibqa’ grat għal kull min għeni nasal s’hawnhekk. Li rbaħt Swedish Pop Idol kienet kisba sabiħa ħafna għaliex jien kont l-ewwel kantant li qatt rebaħ dan ix-show li ma kienx ġej minn dak il-pajjiż speċifiku. Minn hemm għamilt iktar minn 400 kunċert madwar id-dinja. Kantajt ukoll darbtejn fil-palazz tar-Re u r-Reġina Svediżi taħt appuntament dirett tagħhom. Imbagħad hemm kisbiet bħala produttur u songwriter. S’issa rnexxieli wkoll nikteb u nipproduċi kanzunetti illi telgħu l-ewwel fil-Ġappun għal 18-il darba. Wieħed minn dawn l-albums kien l-iktar album mibjugħ fl-2019 u daħal ukoll fil-guiness book of records. Tlieta mill-kanzunetti li ktibt telgħu wkoll l-ewwel fil-listi tad-dinja kollha bi gruppi bħal Arashi, TVXQ u oħrajn. Irnexxieli wkoll nagħmel żewġ musicals bl-Isvediż u ħadt ukoll sehem bħala attur ġo film taċ-ċinema Svediż.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

Ikun hemm ħafna mumenti kemm sbieħ u kif ukoll ta’ dieqa fil-ħajja. L-agħar mument ta’ ħajti kien meta tlift lil ommi meta kelli 16-il sena. U l-isbaħ mument f’ħajti kien meta ltqajt mat-tfajla tiegħi Maria Francesca. Hija persuna li bħali għaddiet mhux ħażin u ta’ 5 snin biss hi ukoll tilfet lil ommha jiġifieri verament nirrelataw. Għandha qalb tant hi kbira illi impossibbli nitfa’ kollox f’sentenza. Kull ġurnata li nqum u tkun ħdejja hija l-isbaħ ġurnata ta’ ħajti.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li qatt kellek..

Kien hemm ukoll mhux ħażin. Darba żlaqt żelqa fuq il-palk ġewwa l-Iżvezja quddiem xi erba’ t’elef ruħ. Biex tgħaxxaqha mort nilgħabha tal-hero nipprova nqum b’qabża u nerġa’ nieħu oħra għal rasi! Ovvjament kulħadd spiċċa jidħak!

Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? Semmilna xi memorji li huma l-aktar għal qalbek..

Nista’ ngħidlek li kelli tfulija sabiħa ħafna. Kont inqatta’ ħafna ħin man-nanna Barbara u apparti Maria Francesca u ommi dik kienet ukoll imħabba ta’ ħajti. Kont inħobbha wisq. Kemm kienet tiġri bina l-bandli tal-Furjana u l-Belt. Peress li aħna mill-Furjana konna nqattgħu ħafna ħin il-bandli li dak iż-żmien kellu bandli tal-Ingliżi u l-Furjana kollha kienet tinżel hemmhekk tqatta’ ż-żmien. Tfal jilgħabu, bandli ma jispiċċaw qatt, waħda isbaħ mill-oħra. Kien hemm ukoll tennis court li aħna konna ġibnih qisu ground tal-football u minn hemmhekk ħarġu ħafna players li baqgħu sejrin tajjeb fil-karriera tagħhom. Konna nqattgħu ħafna ħin mal-familja wkoll u filgħaxijiet konna wkoll nitilgħu fuq il-Fosos, fejn kull familja kellka l-fossa tagħha ta’ fejn dejjem joqgħodu. Affarijiet li llum diffiċli tarahom. Il-ħajja kienet ħafna inqas stressanti dak iż-żmien, speċjalment għat-tfal.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Suċċess mhuwiex biss rebħ ta’ kompetizzjonijiet. Għalija anke li jirnexxilek tgħin lil xi ħadd u tagħmillu differenza f’ħajtu huwa suċċess.

Kemm hi importanti l-umiltà?

L-umiltà m’hawnx isbaħ minnha. Li qatt ma tinsa minn fejn bdejt u li tibqa’ dejjem ġenwin mingħajr ma tikbirlek rasek hija imprtanti ħafna. Il-ħajja hija sellun li tul is-snin titilgħu u tiltaqa’ ma’ ħafna nies jgħinuk, iżda mbagħad jasal ukoll iż-żmien li dak is-sellun trid terġa’ tinżlu u hemm terġa’ tiltaqa’ ma’ dawk in-nies li għenuk u l-fatt li tibqa’ umli tfisser li tkun tista’ tgħix bit-tbissima, u taf li ma trid deni lil ħadd.

Xi jferħek u x’jirrabjak l-aktar?

Nieħu pjaċir nara lil dawk ta’ madwari kuntenti, iferraħni l-ħin mal-familja u ovvjament iferraħni xi proġett li jirnexxi meta nkun ilni xi sena naħdem fuqu. Jirrabjani ħafna l-fatt li nara tant nies imutu b’dan il-virus li attakkana, filwaqt li oħrajn jixxalaw qisu xejn mhu xejn speċjalment għaż-żminijiet tal-Millied u l-Ewwel tas-sena li għaddew.

Kieku kellek tikteb kanzunetta bħalissa, fuq xiex tkun?

Fuq kemm qed tistaqsini domandi bis-sens u kemm qed nieħu gost nirrispondihom għalkemm għadhom is-seba’ ta’ filgħodu u għadni lanqas kafè ma ħadt.

Artisti li jispirawk..

Ħafna u diffiċli nsemmihom kollha. L-artisti kollha li għamlu suċċess u verament bdew mix-xejn huma artisti li jispirawni.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-isbaħ ġest li qatt tista’ tagħmel u tirċievi?

Wieħed mill-isbaħ ġesti illi tista’ tagħmel huwa li tisma’! Tisma’ jekk xi ħadd ikun irid jitkellem u jiftaħ qalbu. Ieħor huwa dak li titbissem, anki jekk bħalissa l-maskri qed jgħattulna t-tbissima. Li ġenwinament tkun hemm għal xi ħadd li jistaqsik għall-għajnuna. Jien ma nistenna li nirċievi xejn, però meta tkun imdawwar b’nies bħat-tajla tiegħi, l-isbaħ ġest li turini kuljum huwa dak tal-imħabba.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiv dwarhom? U għaliex?

Sensittiv ħafna fuq il-bullying! Meta kont żgħir, jien ukoll kont vittma ta’ bullying ġewwa l-iskola fejn kont nattendi u għalkemm irnexxieli negħlibha xorta tibqa’ mnaqqxa fik u ġġibek ovvjament iktar b’saħħtek. Jiġifieri lil dawk kollha li għaddejjin minnha bħalissa, ngħidilhom biex ifittxu l-għajnuna.

Sensittiv ħafna wkoll fuq moħrqrija tal-annimali. L-annimali inħobbhom ħafna. Fil-fatt aħna għandna ħamest iqtates u min jaħqar l-annimali għalija lanqas il-ħabs mhu tajjeb għalih, imma eżiljat taħt il-baħar.

Xi tfisser l-imħabba għalik?

L-imħabba hija verament sabiħa meta ssib lil xi ħadd li ġenwinament iħobbok lura b’dik l-istess imħabba. Jien nikkunsidra lili nnifsi iffurtunat li f’mument fejn kont se naqta’ qalbi mill-imħabba, iltqajt ma’ Maria Francesca.

X’differenza tagħmel fil-ħajja tiegħek Maria Francesca?

Maria hija persuna li ma tistax ma tħobbhiex. Il-kelma mħabba qiegħda fil-ħarsa t’għajnejha. Meta ltqajna, kont qisni qtajt qalbi li xi darba nissetilja. Dakinhar li ltqajna qisu waqaf il-ħin għall-mument u qalbi reġgħet bdiet tħabbat mill-ġdid.

X’fissret għalik li kellek irwol daqstant importanti fil-musical Il-Kbir Għadu Ġej, u li kont parti minn produzzjoni bħal din?

Li ġejt afdat b’dak l-irwol ta’ importanza kbira kien ovvjament unur ieħor fil-karriera tiegħi. Grat ħafna li mill-bidu l-maestro Dominic Galea ċempilli u qalli, “Kevin, int trid tagħmilha din il-parti” Minn hemm iltqajna, qrajt l-iskript flimkien mad-direttur ukoll u għoġobni ħafna. Ksibna wkoll record fejn jidħlu sales ta’ musical lokali li qatt ma kienet ġrat qabel. Sfortunatament kellha terġa’ ssir is-sena li għaddiet iżda dan il-Covid kissrilna l-pjanijiet kollha.

Minn hawnhekk nixtieq nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-Maestro Dominic Galea u lill-familja kollha tiegħu għaliex b’dieqa kbira ftit ġranet ilu ħalliena missieru, il-Maestro Sammy Galea. Sammy kien wieħed minn dawk li emmnu fija mill-bidu, tant illi meta ma kont litteralment xejn, kien fdani b’kanzunetta li kiteb hu.

Waqt li kontu għaddejjin bix-shows, kellek tagħmel intervent mediku ta’ malajr. Għidilna aktar dwar dan, u x’għadda minn moħħok? Bżajt li ma jirnexxilekx tkompli?

Dakinhar kienet waħda mill-iktar mumenti kruċjali fil-karriera tiegħi. Nistakar wara performance minnhom mort id-dar u waqt li bdejt ninħasel ħassejt qisha boċċa man-naħa ta’ ġewwa ta’ koxxti. Ma kinitx normali u iddeċidejt li nitla’ l-clinic fis-siegħa ta’ filgħodu. Qaluli li kull ma kien musmar minn ġewwa. U ħallejtha għaddejja b’rasi mistrieħa li mhi xejn. L-ghada qomt bil-groin minfuħ qisu larinġa. L-uġigħ li bdejt inħoss kien wieħed kbir u niftakar ċempilt lid-direttur Sean Buhagiar biex ngħidlu. Dawk ovvjament kienu se jiġġennu peress li jien kelli l-parti prinċipali u f’dak il-waqt beda jagħmel telefonati biex immur għand fiżjoterapista, u nara tobba differenti eċċ. Dakinhar ma laħħaqtx nara tobba u għamilt ix-show bl-uġigħ li ma nirrakomdahha lil ħadd.

Meta rajt tabib l-għada, qalli “Mur l-emerġenza issa!”. Issa jien dakinhar stess kien se jkolli wieħed mix-shows. Wasalt l-emerġenza u spiċċajt il-kuritur nistenna u muġugħ filwaqt li n-nies għaddejjin minn ħdejja u jgħiduli “Prosit tax-show Kevin”. Daħħluni ġo cubicle żgħira u ġie l-ewwel tabib li qalli li se jżommuni hemmhekk. Jien bdejt ngħidlu li ma nistax għax għandi show u hu baqa’ jinsisti li nibqa’ hemm.

Erġajt ċempilt lid-direttur u kulħadd f’battibekk wieħed. F’daqqa waħda niżel il-kbir tal-operazzjonijiet għax kien għadu kif spiċċa u staqsieni x’inqala. Spjegajtlu li jien kelli commitment għal kull min xtara biljett u li xtaqt li jarani dak il-ħin u li jekk hu possibbli l-operazzjoni jagħmilieli dakinhar stess. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet, “OK LET’S DO IT!”. Għalaq il-purtieri u għamilhieli. Erba’ siegħat wara kont fuq il-palk u beda x-show. Dakinhar naħseb l-adrenalina tiegħi kienet massima għax għamilt affarijiet li normalment noqgħod lura milli nagħmel, però tant ħassejtni ferħan mingħajr uġigħ li ridt intir. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tobba kollha ta’ Mater Dei speċjalment fl-emergenza u lit-tim kollu tal-Kbir Għadu Ġej li ħadu ħsiebi ħafna.

Għandek xi pjanijiet għall-futur?

Kif sejrin f’din is-sitwazzjoni sfortunatament ħafna events li kienu mxewli għal din is-sena, issa reġgħu mxew ghall-2022 u għaddejin minn żmien diffiċli fejn jidħol dan il-qasam. Nixtieq ovvjament li ‘l quddiem ikollna l-familja tagħna ukoll u nixtieq ukoll li forsi nidħol nippreżenta xi programm fix-xena lokali tat-televiżjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Nixtieq nibda billi ngħidlek grazzi ħafna talli għamiltli dawn id-domandi. Verament ħadt pjaċir nirrispondihom. Lis-segwaċi ta’ skoperta.net nixtieq ngħidilhom ukoll grazzi tas-sapport li dejjem urewni matul il-karriera. Il-messaġġ li nixtieq hu li għandna verament nieħdu ħsieb lil xulxin u lill-familji tagħna matul dan iż-żmien diffiċli.

Enable Notifications OK No thanks