Select Page
Riċetta: Risotto bit-Tiġieġ u z-Zalzett

Riċetta: Risotto bit-Tiġieġ u z-Zalzett

Għandek bżonn – għal 4 porzjonijiet):

50g butir

100g zalzett tal-għażla tiegħek, maqtugħ fi slajsis (Jien użajt zalzett Grieg bil-ħxejjex aromatiċi)

Basla kbira, mqatta’ b’mod fin

250g faqqiegħ, imfellel oħxon

400g ross tat-tip arborio

150ml inbid abjad

1.4L stokk tat-tiġieġ, sħun

150g tiġieġ mixwi jew mgħolli, imqatta’

50g ġobon parmesan maħkuk

Madwar 12-il cherry tomato, maqsuma min-nofs

Kuċċarina sweet paprika

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Għat-tiżjin:

Ġobon Parmesan maħkuk

Żewġ imgħaref tursin frisk imqatta’

Żewġ imgħaref cashew nuts imqatta’

Żewġ basal aħdar, imfellel

Metodu:

  • Saħħan il-butir f’taġen kbir u fond.
  • Żid iz-zalzett u aqli għal 5 minuti fuq nar medju.
  • Żid il-basla u kompli aqli għal 10 minuti sakemm il-basla tkun ratba iżda mhux ikkulurita.
  • Żid il-faqqiegħ u kompli sajjar, waqt li tħawwad, għal 5 minuti.
  • Żid it-tadam, l-isweet paprika, il-bżar u l-melħ.
  • Ħawwad għal żewġ minuti u mbagħad żid ir-ross u sajjar fuq nar medju għal 3 minuti.
  • Ferra’ l-inbid u ħallih żewġ minuti fuq in-nar.
  • Ferra’ kwart tal-istokk tat-tiġieġ u kompli sajjar, ħawwad ta’ spiss ħafna.
  • Kif tara li l-likwidu ġie assorbit, erġa’ żid nofs l-istokk sħun li baqagħlek. Normalment se żżid l-istokk tlett darbiet sakemm ir-ross ikun sar, u jista’ jkun li ma jkollokx bżonn l-istokk kollu.
  • Bejn wieħed u ieħor ir-ross se jdum xi 20 minuta biex isir.
  • Dejjem ħawwad spiss u l-konsistenza trid tkun li meta r-ross ikun sar, ikollok taħlita niexfa u kremuża.
  • Kif tara li sar, żid il-biċċiet tat-tiġieg u l-ġobon parmesan. Ħawwad malajr għal żewġ minuti.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar, għattih, u ħallih joqgħod għal 5 minuti.
  • Sadanittant, ħallat it-tursin, il-basal l-aħdar u l-cashew nuts flimkien fi skutella żghira.
  • Eqleb ir-risotto fi platti u żejjen il-wiċċ bit-taħlita tat-tursin.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Insalata bil-Fusilli

Riċetta: Insalata bil-Fusilli

Għandek bżonn (għal 6 porzjonijiet):

500g għaġin fusilli

Brunġiela kbira, imqatta’ f’dadi żgħar

12-il cherry tomato, maqsumin min-nofs

12-il żebbuġa maqsuma min-nofs

150g mozzarella, imqatta’ dadi

3 imgħaref tursin frisk imqatta’ rqiq

200g perzut tal-koxxa mqatta’ dadi

2 basal aħdar sħaħ imqatta’ roti rqaq

Niskata bżar

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Metodu:

Ibda billi tgħalli l-għaġin. Kif isir, laħalħu b’ilma kiesaħ sakemm jibred sew. Saffih u poġġih fi skutella kbira.

Sakemm isir l-għaġin poġġi d-dadi tal-brunġiel fuq dixx miksi bil-karta tal-forn. Aħmi f’forn medju għal bejn 10 u 15-il minuta sakemm jirtabu.

Neħħihom minn fuq id-dixx u warrabhom sakemm jibirdu sew.

Ixħet l-ingredjenti kollha mal-għaġin fl-iskutella u ħawwadhom sakemm jitħallat kollox sew.

Għatti l-iskutella u żommha fil-friġġ sakemm tkun trid isserviha.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Noodles biċ-Ċanga stil Mongoljan

Riċetta: Noodles biċ-Ċanga stil Mongoljan

Għandek bżonn (għal 4 persuni):

500g flett taċ-ċanga, maqtugħ fi strixxi

Madwar erba’ mgħaref basal aħdar mqatta’ roti rqaq

500g udon noodles, mgħollija

Żewġ kuċċarini żejt veġetali

Għall-immarinar:

Nofs kuċċarina baking soda

Kuċċarina zokkor abjad

Mgħarfa cornflour

Mgħarfa soy sauce

Kuċċarina rice vinegar

Żewġ imgħaref żejt veġetali

Għaz-zalza:

Nofs kuċċarina ġinġer midħun

Mgħarfa tewm ikkapuljat

125ml soy sauce

125ml ilma

Żewġ imgħaref zokkor ismar

Kuċċarina cornflour

Għat-tiżjin:

Basal aħdar imqatta’ roti rqaq

Ġunġlien

Erba’ bajdiet moqlijin (jekk tixtieq)

Metodu:

  • Fi skutella medja, ħawwad flimkien l-ingredjenti tal-immarinar.
  • Żid iċ-ċanga fl-immarinar, ħawwad sew biex il-laħam jinkesa bil-marinar, u kessaħ fil-friġġ għal mill-inqas 30 minuta.
  • Sadanittant, ħawwad flimkien l-ingredjenti taz-zalza u warrabhom.
  • Sajjar in-noodles skond l-istruzzjonijiet li għandek fuq il-pakkett. Tħallihomx jirtabu wisq. Ħallihom ‘al dente’.
  • Wara li tkun imarinajt il-laħam għal nofs siegħa, saħħan iż-żewġ kuċċarini taż-żejt veġetali f’wok jew taġen fond fuq nar medju sakemm jisħon sew.
  • Żid l-istrixxi taċ-ċanga u sajjar, waqt li tħawwad, sakemm iċ-ċanga tieħu kulur kanella. Hawnhekk jiddependi mill-gosti tiegħek kemm tħalli ċ-ċanga ssir.
  • Żid il-basal aħdar u sajjar, waqt li tħawwad, sakemm il-basal jirtab u jieħu ftit kulur.
  • Żid it-taħlita taz-zalza u sajjar, waqt li tħawwad, għal żewġ minuti.
  • Issa żid in-noodles u ħawwad bil-mod biex tħoll in-noodles minn ma’ xulxin.
  • Imbagħad sajjar għal ftit minuti, u ibqa’ ħawwad, sakemm iz-zalza tagħqad u n-noodles jisħnu sewwa.
  • Jekk tiggosta poġġi bajda moqlija fuq kull platt.
  • Servi mżejjen bil-basal aħdar imfellel u żrieragħ tal-ġulġlien.

L-ikla t-tajba!

Ir-riċetta tal-lum qed titwassal lilkom minni Jackie, u Leo.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks