
“Tkellimx stranġieri, Caroline” (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja
Caroline baxxiet rasha u għalqet ħalqha. Kienet diġà qaltilha kemm-il darba. Iżda nannitha kienet insiet.
Ħadu t-te fis-skiet. Iż-żgħira qabdet il-basket tal-iskola, libset iż-żarbun u eżatt malli waslet maġenb il-bieb ta’ barra, tat ħarsa ħafifa lejn nannitha li kienet reġgħet sabet postha fuq is-siġġu maġenb it-tieqa, bl-istess ktejjeb f’idha.
“Tkellimx stranġieri, Caroline,” qaltilha nannitha b’vuċi soda.
Għalkemm kienet taf li nannitha ma kinitx ratha, għamlitilha iva b’rasha u telqet tiġri ‘l barra mid-dar, tħaffef lejn l-istejġ fejn kienet tgħaddi l-karozza tal-linja għaliha.
Xħin ix-xarabank tfaċċat, Caroline poġġiet bilqiegħda fuq quddiem nett, donnha tibża’ tħares lura għax tara lilu hemm. Ma ħarsitx. Anzi, żammet rasha dritta ‘l quddiem taparsi mhix qiegħda tiddejjaq.
Xħin waslet maġenb l-iskola, telqet tiġri ‘l barra mingħajr ma ħarset ‘il ġewwa, tieqaf eżattament bilwieqfa, tħares lejn il-karozza tal-linja titbiegħed.
Qalbha għamlet tikk.
Ratu.
Raġel liebes skur u kappell.
Kien jidher fuq wara nett tal-karozza tal-linja u għal dak il-frazzjon ta’ mument, għajnejhom iltaqgħu.
Caroline ħasset il-kesħa tiela’ ‘l fuq minn saqajha lejn għonqha.
Tgħid kien qed isegwiha?
“Tkellimx stranġieri, Caroline,” ftakret f’leħen nannitha.
“Jekk ma nkellmux, ma jiġrili xejn…..” qalet lilha nnifisha hekk kif telqet tħaffef lejn l-iskola.
Iżda dakinhar stess filgħaxija kienet qiegħda terġa’ tħossha tibża’ milli tirkeb il-karozza tal-linja. Beżgħet, iva beżgħet minnu! Kien qed ikun hemm ta’ spiss! Kieku setgħet, kienet timxiha! Iżda kellha biċċa triq mhux ħażin u n-nanna kienet tkun qed tistenniha b’dik il-borma minestra jew brodu b’togħma bnina.
Waslet ix-xarabank.
“Narak għada Caroline!” qaltilha Shelley, ħabiba tagħha, hekk kif infirdu malli Caroline telgħet l-ewwel staffa b’qalbha tħabbat sitta sitta.
Dawwret ħarsitha lejn in-nies kollha li kienu rekbin. Ħadet nifs twil u ħassitha aħjar. Ma kienx qiegħed hemm illum! F’dak il-mument, ħassitha ferħana. Ajma, għall-erwieħ!
Tbissmet waħedha hekk kif ħarset ‘il barra mill-ħġieġa tal-karozza tal-linja, tifli ġnien sabiħ li kien hemm fil-viċinanzi. Kellha seba’ mitt sena sakemm tasal id-dar!
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi