Select Page
Belt fl-Italja ddaħħal il-miżura tal-leave menstruwali

Belt fl-Italja ddaħħal il-miżura tal-leave menstruwali

Fi Quarto d’Altino, belt ta’ inqas minn 10,000 abitant fil-provinċja ta’ Venezja, daħlet fis-seħħ miżura sinifikanti fid-destigmatizzazzjoni tal-menstruwazzjoni.

Il-grupp Ormesani, magħmul minn ħames kumpaniji, daħħal miżura ġdida biex jgħin lin-nisa li jbatu minn “uġigħ fiċ-ċiklu menstruwali”. Huma ser jingħataw ġurnata mħallsa ta’ mistrieħ fix-xahar, mingħajr ma jippreżentaw ċertifikati mediċi.

Huma ftit il-pajjiżi li qed joffru xi forma ta’ leave menstruwali. Dawn jinkludu l-Ġappun, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, l-Indoneżja, u ż-Żambja.

Ftit xhur ilu fi Spanja, il-Gvern approva abbozz ta’ liġi rigward dan it-tip ta’ leave għall-ħaddiema fuq livell nazzjonali. Jekk din il-liġi tgħaddi, Spanja ssir l-ewwel pajjiż Ewropew li joffri lill-ħaddiema dan il-benefiċċju.

Belt Olandiża x’aktarx l-ewwel fid-dinja li se tipprojbixxi reklami tal-laħam

Belt Olandiża x’aktarx l-ewwel fid-dinja li se tipprojbixxi reklami tal-laħam

Il-belt Olandiża ta’ Haarlem mistennija tipprojbixxi l-biċċa l-kbira tar-reklami tal-laħam minn spazji pubbliċi minħabba l-impatt tal-ikel fuq il-klima.

F’dik li hija maħsuba li hija l-ewwel mossa bħal din minn belt, se tinforza l-projbizzjoni mill-2024.

Kunsillier mill-partit li ressaq il-mozzjoni qal li l-laħam jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent. “Ma nistgħux ngħidu lin-nies li hemm kriżi fil-klima u nħeġġukom jixtru prodotti li huma parti minnha.”

Il-mozzjoni ffaċċjat oppożizzjoni mis-settur tal-laħam u xi wħud li jgħidu li dan il-pass se joħnoq il-libertà tal-kelma.

il-gvern tal-belt ta’ 160,000 ruħ, qal li għadu mhux deċiż jekk laħam prodott b’mod sostenibbli hux se jiġi inkluż fil-projbizzjoni tar-reklami.

Ma tistax aktar taħsel idejk u tinħasel b’ilma sħun f’postijiet pubbliċi ta’ Belt fil-Ġermanja

Ma tistax aktar taħsel idejk u tinħasel b’ilma sħun f’postijiet pubbliċi ta’ Belt fil-Ġermanja

Il-belt Ġermaniża ta’ Hanover waqqfet milli tipprovdi ilma sħun fil-postijiet pubbliċi kollha u minflok qalbet għal ilma kiesaħ biss minħabba l-kriżi tal-gass Russu.

Hija l-ewwel belt kbira li tfiet l-ilma sħun wara li r-Russja naqqset b’mod drammatiku l-provvista tal-gass tal-Ġermanja.

Il-Ġermaniżi qalulhom jistennew miżuri kbar ta’ tnaqqis tal-gass u ħlasijiet żejda fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

L-UE qablet li tnaqqas id-domanda għall-gass Russu din ix-xitwa bi 15%.

Fi sforz biex tiffranka l-enerġija, il-belt tat-Tramuntana tal-Ġermanja ta’ Hanover iddeċidiet li l-ilma sħun mhux se jibqa’ disponibbli għall-ħasil tal-idejn f’bini pubbliku, jew fid-doċoċ fil-pixxini, swali tal-isports u gyms.

Funtani pubbliċi qed jintfew ukoll biex jiffrankaw l-enerġija, u mhux se jkun hemm dwal ta’ billejl fuq bini bħal mużewijiet.

Is-Sindku Belit Onay qal li l-għan kien li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-belt bi 15% b’reazzjoni għal “nuqqas imminenti tal-gass” li ħoloq sfida sinifikanti għall-ibliet il-kbar.

Ir-regoli japplikaw ukoll għat-tisħin. Bini pubbliku mhux se jkollu tisħin minn April sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena, b’temperaturi tal-kamra limitati għal massimu ta’ 20C għall-bqija tas-sena, b’xi eżenzjonijiet.

Il-belt qed tipprojbixxi wkoll air conditioners, heaters u radjaturi portabbli.

Dawn il-miżuri huma konformi ma’ avviżi minn Berlin il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif il-Ġermanja tfittex biex tibni r-riżervi tagħha qabel ix-xitwa. Bliet oħra, bħal Augsburg fil-Bavarja, diġà introduċew il-miżuri tagħhom stess bħat-tifi tal-funtani pubbliċi.

Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15% f’Hanover taqbel mal-mira tal-UE kollha li titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass Russu.

U nhar il-Ħamis, il-Ġermanja kkonfermat li soprataxxa tal-gass ippjanata fuq il-klijenti tista’ tkun ferm ogħla milli kien mistenni qabel, biex tipprova tiżgura li l-kumpaniji tal-enerġija ma jfallux fix-xhur li ġejjin. “S’issa ma nistgħux ngħidu kemm se jiswa l-gass f’Novembru, iżda l-aħbar xejn sabiħa hi li żgur huma ftit mijiet ta’ ewro għal kull dar,” qal il-Ministru għall-Ekonomija Robert Habeck.

Xi rapporti qalu li l-imposta tista’ tiswa lill-familji €500 żejda fis-sena.

Il-Ġermanja ilha tiddependi fuq il-gass Russu għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħha iżda dan l-aħħar akkużat lir-Russja li naqqset il-provvisti tal-gass bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet tal-UE dwar il-gwerra fl-Ukrajna, xi ħaġa li r-Russja tiċħad.

Il-provvisti tal-gass Russu issa jammontaw għal madwar kwart tal-ħtiġijiet tan-nazzjon, meta mqabbla ma’ aktar min-nofs qabel il-gwerra.

Putin jgħid lil Macron li l-Punent għandu jieqaf jibgħat l-armi lill-Ukrajna

Putin jgħid lil Macron li l-Punent għandu jieqaf jibgħat l-armi lill-Ukrajna

Il-President Russu Vladimir Putin qal li l-Punent jista’ jgħin biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna billi jagħmel aktar pressjoni fuq il-President Volodymyr Zelenskyy u jieqaf jibgħat il-kunsinni tal-armi lill-forzi tiegħu.

Putin kien qed jitkellem fl-ewwel taħditiet telefoniċi tiegħu f’aktar minn xahar mal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Il-mexxej Franċiż reġa’ sejjaħ għal waqfien mill-ġlied u għal taħditiet biex tintemm il-gwerra miġjuba mill-invażjoni tar-Russja.

Huwa talab lil Putin biex jippermetti aktar evakwazzjonijiet fil-belt ta’ Mariupol.

Fil-belt seħħ ġlied mill-aktar aħrax tal-gwerra u mijiet ta’ ċivili huma maħsuba li baqgħu maqbuda taħt it-tifrik ta’ fabbrika tal-azzar miżmuma mill-forzi Ukreni.

L-istati tal-Punent qed jaċċertaw li l-Ukrajna tkun armata b’mod estensiv fil-ġlieda tagħha kontra r-Russja, u nhar it-Tlieta r-Renju Unit ħabbar wegħda oħra ta’ tagħmir militari li jiswa £300m inkluż tagħmir ta’ gwerra elettronika, sistema tar-radar, GPS jammers u apparat tan-night vision.

Eluf ta’ nies, kemm suldati kif ukoll ċivili, inqatlu jew ndarbu mill-invażjoni tal-24 ta’ Frar u aktar minn 5.5 miljun ħarbu barra minn pajjiżhom bħala refuġjati.

Il-forzi Russi rtiraw mir-reġjun tal-kapitali Kyiv biex jiffukaw l-operazzjonijiet tagħhom fuq il-Lvant tal-Ukrajna.

Waqt li sejjaħ għall-waqfien tal-provvisti tal-armi, Putin akkuża lill-forzi Ukreni li wettqu reati tal-gwerra billi bbumbardjaw bliet fil-Lvant tal-Ukrajna fejn separatisti appoġġjati minn Moska jikkontrollaw żoni kbar, skont stqarrija tal-Kremlin.

Għadd ta’ attakki fuq żoni residenzjali ġew irreġistrati f’żoni kkontrollati mis-separatisti minn mindu bdiet l-invażjoni iżda xejn fuq l-iskala ta’ bumbardamenti ta’ bliet miżmuma mill-gvern mill-forzi Russi. L-Ukrajna tiċħad li bbumbardjat żoni residenzjali.

Il-forzi Russi ġew akkużati li wettqu atroċitajiet, inkluż f’Bucha, belt barra Kyiv.

Il-mexxej Russu insista li r-Russja hija miftuħa għad-djalogu mal-Ukrajna.

Skont stqarrija mill-Palazz tal-Élysée, Macron talab lil Putin biex itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u qal li lest jgħin biex tinkiseb soluzzjoni negozjata għall-kunflitt li tirrispetta s-sovranità tal-Ukrajna.

Il-President Franċiż, li rebaħ l-elezzjoni mill-ġdid ix-xahar li għadda, tkellem ma’ Putin bosta drabi minn mindu bdiet l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Qal li kien disponibbli biex jaħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jgħin biex jitneħħa l-imblokk tar-Russja fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna sabiex tkun tista’ terġa’ tibda l-esportazzjoni tal-ikel.

Il-bandiera tar-rebħa Sovjetika tat-Tieni Gwerra Dinjija tibda tidher madwar partijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi

Il-bandiera tar-rebħa Sovjetika tat-Tieni Gwerra Dinjija tibda tidher madwar partijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi

Il-bandiera tar-rebħa Sovjetika mit-Tieni Gwerra Dinjija qed tibda tidher f’partijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi qabel iċ-ċelebrazzjoni tar-Russja fid-9 ta’ Mejju ta’ Jum il-Vitorja tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-bandiera l-ħamra, imtajra fuq ir-Reichstag ta’ Berlin fid-9 ta’ Mejju tal-1945, meta s-Sovjetiċi rebħu lin-Nażisti, iġġorr l-insinja tal-martell u l-minġel Sovjetiċi bl-iskrizzjoni, “150th Rifle, Order of Kutuzov Second Class, Idritz Division, 79th Rifle Corps, 3rd Shock Army, 1st Belorussian Front.”

Minn dak iż-żmien id-9 ta’ Mejju saret festa meqjuma fir-Russja u l-bandiera ikona importanti.

Għalkemm din il-bandiera ma kinitx l-unika waħda li ttellgħet fuq ir-Reichstag, kienet l-ewwel u l-unika waħda li baqgħet sal-lum mill-bnadar uffiċjali kollha ppreparati apposta biex jittellgħu hemmhekk.

Filmati li xxandru mill-midja barranija nhar it-Tlieta juru t-truppi Russi jtellgħu bandiera kbira f’Kherson. Aktar tard, truppi Russi dehru wkoll ipoġġu l-bandiera ma’ bini tal-gvern Ukren.

Il-bandiera tpoġġiet ukoll fuq il-bini tal-Kunsill reġjonali fil-belt ta’ Henichesk, li hija okkupata mir-Russi, fil-provinċja ta’ Kherson.

Skont is-CNN, statwa tal-eks mexxej Sovjetiku Vladimir Lenin reġgħet ġiet installata quddiem il-bini tal-kunsill aktar kmieni din il-ġimgħa.

Qed jingħad ukoll li l-forzi Russi qed iħossu pressjoni biex jiksbu xi forma ta’ rebħa qabel iċ-ċelebrazzjoni tar-Russja ta’ jum ir-rebħa fid-9 ta’ Mejju. Ir-Russja ġeneralment timmarka l-festa b’parata militari mill-Pjazza l-Ħamra u diskors mill-President Vladimir Putin.

Enable Notifications OK No thanks