Select Page
“Kif ħarġu permessi għall-bini ta’ lukandi li m’għandniex bżonn?” – Evarist Bartolo

“Kif ħarġu permessi għall-bini ta’ lukandi li m’għandniex bżonn?” – Evarist Bartolo

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Evarist Bartolo esprima t-tħassib tiegħu dwar il-bini ta’ ħafna lukandi f’pajjiżna.

Huwa semma li ħdejn ħabib tiegħu, li joqgħod fi triq dejqa f’Tas-Sliema, qed jinbnew żewġ lukandi ġodda. “Hemm bżonnhom dawn il-lukandi ġodda qalb ir-residenti?” staqsa Evarist Bartolo.

Evarist qal li f’dawn l-aħħar snin, kull min ried jibni lukanda ġdida jew ikabbar, tħalla jagħmel dan. “Biex issa qed jingħad li ħafna minnhom huma żejda għax m’għandniex bżonnhom.”

Qal li biex jimtlew tajjeb, iridu jiġu kważi 5 miljun turist fis-sena u stqarr li pajjiżna ma jiflaħx għal dawk il-miljuni kollha.

“Hija responsabbiltà tal-gvern li bħal bidwi għaqli, ilaqqel u jieħu ħsieb l-għalqa bil-ħsieb.”

Evarist Bartolo

Huwa staqsa għaliex il-gvern ħalla lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità Nazzjonali tat-Turiżmu jibqgħu joħorġu ħafna permessi żejda għal iżjed bini u tkabbir ta’ lukandi.

Kompla jgħid li turiżmu esaġerat, bl-addoċċ u bla pjan joqtol lit-turiżmu, ikerrah il-pajjiż u jdawwar lir-residenti kontra t-turisti, kif ukoll itellef lill-pajjiż l-attrazzjoni tipika tiegħu.

Filwaqt li staqsa għal min qed jinbnew, Evarist saħaq li tħalli l-bini bl-addoċċ u bla pjan ta’ iżjed lukandi, appartamenti u uffiċini, u tittama li b’xi mod jew ieħor se jimtlew, mhuwiex għaqli.

Daqstant ieħor mhuwiex għaqli li tħalli s-suq jirregola x’jiġri wara li l-bini jkun tela’, skont Evarist.

Żied jgħid li l-“id inviżibbli tas-suq” li b’xi mod mirakulu waħedha toħloq il-ġid komuni għax tikkoreġi l-egoiżmu u l-interessi personali tan-negozju, hija ħrafa.

“Li żgur mhijiex ħrafa hi li ħnoqna bil-bini lil din it-tikka ta’ art u għamilna lill-pajjiż ma anqas pjaċevoli li tgħix fih.”

Evarist Bartolo

X’taf dwar il-festa tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa?

X’taf dwar il-festa tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa?

Trinità Qaddisa – Il-Marsa

Il-Marsa saret parroċċa fl-1913 meta f’Malta kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Din il-knisja kienet iddikjarata bħala monument għal din l-okkażjoni.

Din il-parroċċa titmexxa mill-Patrijiet Kapuċċini.

Il-bini tal-knisja kien tħallas mill-familja Balbi.

Il-vara tat-Trinità inġiebet minn Bolzano, l-Italja, fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor.

Tagħrif minn Mario Coleiro.

19-il tifel u tifla maqtula f’attakk fi skola primarja f’Texas

19-il tifel u tifla maqtula f’attakk fi skola primarja f’Texas

Dsatax-il tifel u tifla u żewġ għalliema nqatlu f’attakk b’arma tan-nar fi skola primarja f’Texas, l-Amerika.

L-attakk seħħ nhar it-Tlieta fl-Iskola Elementari Robb f’Uvalde, madwar 80 mil fil-punent ta’ San Antonio.

Salvador Ramos, li għandu 18-il sena daħal l-iskola wara li spara barra l-bini.

Eventwalment huwa nqatel minn uffiċjal tas-sigurtà li kien qed jaħdem fil-viċin u mar fuq il-post wara li sema’ l-isparaturi.

Dan kien l-aktar massakru fatali fi skola fl-Amerika fi kważi għaxar snin.

Huwa mifhum li l-ġuvni spara lin-nanna tiegħu qabel ma mar l-iskola, iżda l-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa.

Dak Li Nsejt (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Dak Li Nsejt (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Iżda fl-istess ħin, dak il-ħsieb li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċju, kien qed jiekolni minn ġewwa.
Qbadt u qomt bilwieqfa, erġajt lebbitt il-kowt miegħi, ġbidt il-basket għal ma’ spallejja u tlaqt inħaffef ‘il barra f’nifs wieħed.
Kelli bilfors immur.
Ridt immur nara.
Ħassejt li kont insejt xi ħaġa importanti.
Ħaffift tul it-triq kollha.
Għaġġilt u ħassejt nifsi kważi jinqata’. Ridt nilħaq il-bini miftuħ qabel ma’ dawk tas-siġurtà kienu jitilqu lejn id-dar.
U wasalt.
Wasalt quddiem il-bini tax-xogħol.
Mingħajr ebda ħsieb ieħor, ġrejt b’kemm kelli saħħa ‘l ġewwa. Dawk iż-żewġt irġiel ta’ qabel kienu għadhom hemm.
Ma ħaristx lejhom. Ġrejt lejn il-lift u tlajt fis-sular lejn l-uffiċju tiegħi.
Ridt insib dak li kont insejt.
Għax ma kontx se nħossni komda qabel ma nkun naf eżatt…………..
U dak il-ħin, eżatt malli wasalt quddiem l-uffiċju tal-ħġieġ tiegħi, ħassejtni ninqata’ mill-art bil-qata’.
Qabditni r-rogħda………….
Indunajt.
Naf x’kont insejt warajja.
Lili nnifsi.
Rajtni hemm, mixħuta mal-art b’għajnejja miftuħin beraħ u ħalqi mbexxaq.
Dak li nsejt warajja kont jien.
Il-flixkun tal-pirmli qawwija kien għadu f’idi, vojt. Kont blajthom kollha, waħda waħda. Ġisem bla ħajja. Ġisem bla ruħ.
Kont qiegħda naħseb fih.
André.
U dak il-ħin indunajt.
Indunajt li l-ħajja hija sabiħa.
U jien kont tlift iċ-ċans li ngħixha.

Dak Li Nsejt (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Dak Li Nsejt (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Xtaqt kont werqa alka fuq wiċċ il-baħar. Kieku ħadd ma kien isibni. Ħadd ma kien iweġġagħni. Kont inkun bla emozzjonijiet. Kien ikun aktar faċli. Ħafna aktar faċli.
Imbagħad ftakart li kont għadni x-xogħol, erġajt ftaħt għajnejja, ħallejt il-viżta terġa’ toqgħod lura għad-dawl qawwi li kien dieħel mit-twieqi u erħejtilha b’ġirja waħda lejn il-lift.
Kont naf li kont qiegħda waħdi hawn fuq, għax dejjem jiena kont nitlaq lejn id-dar l-aħħar waħda. Dan ix-xogħol kien għal qalbi. U għalkemm kemm kien ilu li telaqni André kont waqajt lura f’ħafna oqsma, ix-xogħol kien jagħtini ċertu sens ta’ wens. Meta kont inkun qiegħda hawn, kont inħossni nehda fix-xogħol.
Malli nfetħu l-bibien tal-lift, dħalt niġri ġo fih qisni waħda tlaqt minn moħħi. Ħassejtni nieżla l-ħames sulari li kien hemm u sibt ruħi fl-apertura familjari tal-ħġieġ li kienet tieħdok ‘il barra.
“Ċaw għalikom…….” sellimt liż-żewġt irġiel li kienu appik biex jibdew jieħdu l-pensjoni u mingħajr ma tajthom ċans jibdew parlata bla sens tas-soltu li kienet tirrepeti ruħha kull filgħaxija, ħaffift lejn it-triq, inżomm il-basket f’idi u nkebbeb il-kowt eqreb lejja għall-irdoss.
Għalkemm kien diġà kważi Marzu, kien għadu qed jagħmel is-sirda u ħassejt ir-riħ frisk ta’ barra jmellisli wiċċi u jikxifli xagħri lura minn ma’ wiċċi.
Din il-parti tar-raħal kienet tkun mimlija nies, min għaddej jixtri, min sejjer passiġġata, min lesta mix-xogħol, min kien sejjer jiekol ikla mal-familja…………….u kulħadd għaddej b’ħajtu. U t-takkuna taż-żarbun tiegħi ma smajthiex ittakkan, bl-istorbju li kien hawn.
Dak il-ħin waqaft u dort inħares lura lejn il-bini fejn kont naħdem.
It-tabella kbira tal-azzar, il-ħġieġ modern li kien iżejjen dan il-bini ddisinjat mill-aqwa disinjaturi ta’ Malta u l-irtokki perfetti tal-faċċata, kienu jagħmluh bini distint u ta’ ċertu preġju.
Iżda bħalissa ftit kien jimpurtani minn dan.
F’dak il-preċiż mument, ħassejt qisu ħsieb jidħol f’moħħi.
Ħassejt li kont insejt xi ħaġa warajja. Hemm fuq. Ġo dak l-uffiċju.
Ġieli ġralkom hekk? Tħossu li tkunu insejtu xi ħaġa x-xogħol warajkom?
Kemmixt moħħi u bdejt ingerger minn taħt. Ressaqt il-basket li kelli mdendel ma’ kusi quddiem wiċċi u ftaħtu, ngħammex għajnejja bix-xemx li kienet għadha b’saħħitha. Bdejt ngħawwar idi ġo fih u ħriġt il-mobajl. Imbagħad il-portmoni mdaqqas, imbagħad iċ-ċavetta tad-dar.
“Fidila……..” għedt minn taħt, poġġejt kollox lura f’postu u tlaqt ‘l hemm, nimxi lejn il-parkeġġ ħalli noħroġ bil-mixi min-naħa ta’ wara u nkun eqreb lejn id-dar. Billi ma tantx kelli bogħod lejn l-appartament fejn kont noqgħod, kont niġi bil-mixi. Filgħodu ma tantx kont issib fejn tipparkja u l-parkeġġ kien ikun imbullat karozzi ta’ kull tip u lewn.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks