Il-maskra mhix se tibqa’ obbligatorja għal dawk imlaqqma bil-booster u li ma jkunux aktar minn żewġ persuni

Il-maskra mhix se tibqa’ obbligatorja għal dawk imlaqqma bil-booster u li ma jkunux aktar minn żewġ persuni

Id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej, il-maskra mhix se tibqa’ obbligatorja għal dawk il-persuni li huma mlaqqma bil-booster.

Huwa qal għalkemm xorta waħda huwa rakkomandat l-użu tal-maskra, minn nhar it-Tnejn li ġej, mhux se jibqa’ obbligatorju fil-pubbliku għal dawk imlaqqma bil-booster u li ma jkunux aktar minn żewġ persuni.

Minn nhar it-Tnejn li ġej ukoll, l-istabbilimenti tal-ikel fosthom ristoranti, snackbars u każini se jkunu jistgħu jneħħu r-regola tal-metru u nofs bejn mejda u oħra. Dan għaliex dawn l-istabbilimenti se jkunu qed jilqgħu biss persuni mlaqqma kompletament.

Ħabbar ukoll li l-attivitajiet sportivi se jerġgħu jibdew isiru bl-udjenza, għal dawk biss b’ċertifikat tal-vaċċin validu.

Il-Papa jikkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal

Il-Papa jikkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal

Il-Papa Franġisku kkritika lill-koppji li jagħżlu li jkollhom annimali minflok tfal u ddeskrivihom bħala egoisti. Sostna li d-deċiżjoni tagħhom li jabbandunaw il-ħajja ta’ ġenituri twassal għal telf ta’ umanità u hija ta’ detriment għaċ-ċiviltà.

Huwa qal dan waqt li kien qed jitkellem ma’ udjenza ġenerali dwar San Ġużepp u s-suġġett tal-adozzjoni u t-tfal orfni, u qal li d-deċiżjoni ta’ San Ġużepp li jrabbi lil Ġesù hija fost l-ogħla forom ta’ mħabba

Il-Papa Franġisku qal li ħafna koppji m’għandhomx tfal għax ma jridux, jew inkella jagħżlu li jkollhom wieħed biss, imma għandhom żewġt iklieb jew żewġ qtates. Qal li l-annimali qed jieħdu post it-tfal, u dan jista’ jwassal sabiex nitilfu l-umanità.

Ir-rimarki tal-Papa jirriflettu t-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar l-importanza li l-koppja jkollhom jew irabbu t-tfal, u l-konsegwenzi demografiċi li ma jagħmlux dan.

Saħaq li koppji li bijoloġikament ma jistgħux ikollhom it-tfal għandhom jikkunsidraw l-adozzjoni.

Ma’ min se jerġa’ jiltaqa’ Carlo Borg Bonaci waqt Sibtek li jmiss?!

Ma’ min se jerġa’ jiltaqa’ Carlo Borg Bonaci waqt Sibtek li jmiss?!

Ġimgħa biss ‘il bogħod mill-Milied u Sibtek jirritorna b’aktar personalitajiet.

Gordon Bonello, Carlo Borg Bonaci, In-nutar ta’ Moħħok Hemm Cristina Calleja Tufigno u Dorianne Mamo huma l-mistednin ta’ Ryan u Josmar waqt l-edizzjoni li jmiss ta’ Sibtek li jixxandar kull nhar ta’ Sibt mill-12:15 ‘l quddiem fuq TVM.

Carlo Borg Bonaci se jerġa’ jiltaqa’ ma’ dak il-mistieden li kellu ħafna snin ilu waqt programm minn tiegħu. Tiftakruh lil dak il-mistieden li ma seta’ jieqaf jidħak b’xejn???

Gordon Bonello se jiltaqa’ ma’ personalità Maltija sinonima mal-Milied u jrid jimitah waqt li taparsi jbiegħ is-siġar tal-Milied.

Dorianne se jkollha blind date, imma ma min?!

U tgħid in-nutar belgħetha ċ-ċajta li għamel fuqha Josmar?!

Bħal dejjem, il-mistednin ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti u sorpriżi li żgur ħadd mhu se jistenna. Ma tonqosx ukoll il-mużika lajv flimkien ma’ Christian Arding.

Jekk tħobb issegwi Sibtek, dan huwa programm ieħor li ma tistax titlef!

Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Tkellimna ħafna dwar relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u allura ħsibt li nitkellmu wkoll dwar relazzjoni magħna nfusna, speċjalment meta kontinwament niltaqgħu ma’ nies li ma japprezzawnix biżżejjed u ma jurux rispett lejna..

Meta tkun fiha tirrealizza li dawk ta’ madwarna jistgħu jħallu impatt negattiv fuqna. Infatti meta niltaqgħu ma’ attitudni negattiva ħafna drabi li nagħmlu hu li ninħarqu u nirreaġixxu..Mhux faċli nibqgħu kalmi meta ma neħdux dak li jistħoqqilna.. Tajjeb li forsi nzommu f’mohhna ukoll li l-attitudni ta’ dik il-persuna mhux faċli nibdluha iżda aħna kif nirreaġixxu għal imġiba taghha huwa litteralment fil-kontroll tagħna.

Pereżempju: Jekk il-boss tiegħek juri ċertu poter li jkun qed jifgak.. Dik li kuljum trid tmur għax-xogħol u tiffaċċjah mhix faċli.. u jista’ jkun li jkun qed jinfluwenzak u jpoġġik f’ċerta negattività u anke ansjetà. Meta aħna ninqabdu f’emozzjoni ta’ rabja u uġigħ dan ma jgħinx is-sitwazzjoni għax hekk inkunu qed naħlu l-enerġija tagħna fuq xi ħaġa li mhux fil-kontroll tagħna. Iżda kif aħna nirreaġixxu għall-imġiba negattiva dan huwa kollu fil-kontroll tagħna.

Kultant nistgħu nieħdu l-affari bħala xi ħaġa personali, però jekk pereżempju jekk hija xi ħaġa relatata max-xogħol tajjeb li nkunu kapaċi naqtgħu linja li ngħidu isma din hija xi ħaġa li għandha x’taqsam biss max-xogħol li nagħmlu. Il- probabilità tista’ tkun li anke l-boss tagħna għandu/ha l-problemi u anke l-insikurezzi u dan qed jaġixxi hekk minħabba dawn l-insikurezzi u mhux minħabba fina personali. L-aġir jekk mhux tajjeb jibqa’ mhux tajjeb .. imma li nieħdu l-perspettiva tal-persuna se tgħinna nimxu ‘l quddiem għax nifhmu aktar minn fejn jevolvu l-affarijiet..

Mhux faċli li ssib lil min ikissirlek l-ispirtu pożittiv tiegħek, li ma jikkalkulakx jew li ma japprezzax l- isforzi li tagħmel u allura fejn hu possibbli tajjeb li noqogħdu l- bogħod minn dak li jkissirna…

Jekk hi sitwazzjoni aktar ikkumplikata u forsi nħossni mgħaffġa/mgħaffeġ f’ħafna emozzjonijiet importanti li nfittex għajnuna professjonali

Xi punti li jistgħu jgħinuna:

  • Niftakru li huwa normali li nħossuna maħkuma minn ħafna emozzjonijiet meta xi ħadd jittrattana ħażin
  • Forsi jgħinna li naħsbu fil-ħajja diffiċli jew l-ammont ta’ xogħol li għandha l-persuna li qed tittrattana ħażin, mhux biex niġġustifikaw l-azzjonijiet iżda biex nifhmu aktar li mhix xi ħaġa personali.
  • Tista’ tikteb kif qed tħossok fi djarju ħalli tesprimi dak li qed tħoss
  • Jekk kapaċi fl-arti tista’ tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek fl-arti tiegħek ..
  • Il-meditation u l-yoga jgħinu ħafna biex issib il-paċi u l- kalma..
  • L-eżerċizzju wkoll jista’ jgħinek tikkalma u toħroġ il-frustrazzjoni tiegħek..
  • Li tieħu nagħsa meta tħossok imħawwad/imħawda wkoll jista’ jgħinek tħossok aħjar
  • Tkellem ma’ xi ħadd li tafda jew ma’ professjonist biex mhux talli tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek iżda wkoll issib opportunitajiet jew perspettivi ġodda li forsi ma tkunx irrealizzajt li jeżistu
  • Li tieqaf lill-persuna li tkun qed tagħmel inġustizzja miegħek.. tista’ tgħinek issib elementi ta’ perseveranza u reżiljenza li qatt ma kont tirrealizza li għandek..u tkun tagħlima li tgħinek għall-kumplament ta’ ħajtek ..

Li tirrispetta lilek innifsek huwa pass kbir li jgħinek issib il-paċi..

Tibqax waħdek fid-dlam, li titkellem huwa l-ewwel pass biex tiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li tinsab fiha..

Awguri u tislijiet.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Anke Jien (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Anke Jien (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Lilha biss bqajt inħobb.
Amelia.
Għalkemm kienu għaddew ħmistax-il sena mill-aħħar li kont rajtha, kont għadni niftakar kollox fuqha.
Ir-riħa tfuħ ta’ xagħarha.
Dawk l-għajnejn kbar ileqqu.
Ħaddejn ruxxana meta konna ninħabbu.
Leħinha.
Anke l-forma ta’ subgħajha delikati u puliti kont għadni niftakar.
Għalija kienet id-dinja.
Għalkemm meta ltqajna kont għadni daqxejn ta’ ġuvni baħnan, moħħi fix-xalar u d-divertiment, malli bdejt noħroġ magħha ħassejtni ninbidel. Ħassejt li ridtha tkun marti għal dejjem.
Tiegħi. Tiegħi biss.
“Inħobbok Amelia,” kont ngħidilha kull filgħaxija qabel ninfirdu u naraha dieħla fid-daħla tar-rixtellu tad-dar il-kbira fejn kienet tgħammar flimkien mal-familja tagħha.
U hekk kif kienet tagħmel dejjem, kienet tieqaf bilwieqfa, iddur tħares lejha u f’dik il-ħemda tat-triq mudlama…………”anke jien……….” kienet tlissen.
Titbissem. U titlaq tiġri.
Perfett.
Dak il-ħin, għalija kien ikun perfett.
Ma kontx nagħti kas jekk kien ikun il-bard, ir-riħ, ix-xita…………..
Amelia kienet tħobbni.
U dak biss kien jimporta.
Dak il-Milied kont tajtha l-isbaħ rigal li qatt kienet qalgħet.
Ifhem, hi hekk kienet qaltli, waqt li bdiet iżżomm il-kaxxa żgħira f’idejha jirtogħdu, tiftaħ b’ġentilezza l-karta kkulurita li kien hemm madwarha u tħares lejn il-fossa kbira li kien hemm fuq il-wiċċ taċ-ċurkett.
Fossa bajda. Djamant.
Ma kontx għidtilha dakinhar.
Ma kontx għidtilha li biex nixtrilha dak il-ġojjell, kont ksirtha għal ftit żmien ma’ missieri għax kont begħt xi għodda li kelli fil-garaxx.
“Qalbi……………” kienet qaltli.
U peress li kienet toqgħod maġenb tagħna, kont erġajt wassaltha lejn darha bil-mixi.
“Inħobbok……….” erġajt lissint minn taħt.
“Anke jien, Jason……………” weġbitni, leħinha qisu balzmu fiż-żiffa ta’ dik il-lejla xitwija.
Imma l-affarijiet mhux dejjem imorru kif inkunu ppjanajnihom.
Fil-ħajja, tippjana mod u ġieli jiġri l-oppost.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks