Select Page
Kif jista’ jgħinek il-brodu tal-għadam?

Kif jista’ jgħinek il-brodu tal-għadam?

💡🍖 Tixrob brodu tal-għadam jew tuża suppliment tal-collagen?

💪 Kont taf li tista’ tgħin fl-irkupru (recovery) mill-eżerċizzju tiegħek u uġigħ fil-ġogi?…. u anke ttejjeb il-ġilda u xagħrek! Xi studji juru li jista’ jkollu wkoll effetti ta’ ‘anti-aging’, u l-esperti jemmnu li jista’ jgħin anke l-imsaren.

💪 L-isfida ta’ din il-ġimgħa hija li żżid ftit aktar collagen mad-dieta tiegħek! (Tista’ wkoll tuża ġelatina, li bażikament hija l-istess ħlief li tiġi pproċessata b’mod differenti).

💇‍💅💄 In-nies ilhom jużaw il-ġelatina fid-dieti tagħhom għal mijiet ta’ snin. Matul is-snin 50, 60 u 70, ix-xorb tal-ġelatina kien meqjus bħala bżonn għal dwiefer u xagħar b’saħħithom …

👉 Iżda jista’ jkollu impatt fuq is-saħħa ġenerali tagħna lil hinn mid-dehra..

💡Meta tkun qed tikber, ġismek joħloq inqas ‘collagen’, u r-riċerkaturi jemmnu li l-fatt li żżidha lura mad-dieta tiegħek jista’ jgħin biex tissostitwiha. (Nota: ġib sorsi mitmugħa mill-ħaxix kull meta jkun possibbli.)

Hawnhekk hawn kif issaħħaħ il-konsum tal-‘collagen’/ ġelatina tiegħek:

🍖 Ixrob brodu tal-għadam! Tista’ tagħmlu int stess bl-għadam tat-tiġieġ li jifdal u ħaxix, tista’ tixtrih ukoll lest, u issa tista’ tixtri trab tal-brodu tal-għadam!

☕ Tista’ tuża trab tal-collagen. Ħawwdu ġo sopop, smoothies u anke l-kafè tiegħek.

🍹 Jew tuża suppliment tal-collagen peptide. Ħawwdu fi smoothie jew użah għal xi shake tal-proteina!

Lest li tipprova? Għidilna fil-kummenti!

Niċċelebraw San Patrizju b’differenza – Kif? – Maypole

Niċċelebraw San Patrizju b’differenza – Kif? – Maypole

L-aħjar għażla li wieħed jista’ jagħmel fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu hija li jibqa’ sikur ġewwa daru, iżda dan ifisser li ma’ nistgħux niċċelebraw waħda mill-festi tant mistennija minna l-Maltin? Assolutament le….

Il-festa ta’ San Patrizju daħlet sew fil-kalendarju ta’ ċelebrazzjonijiet tagħna l-Maltin. Minkejja li hija festa Irlandiża, il-Maltin adottawha biex isibu okkażjoni oħra fejn bħala poplu Mediterranju jsib skuża biex jiċċelebra. Peress li ninsabu f’nofs pandemija li għadha qed tikxef snienha u xejn ma qed tkun ħanina magħna, l-appell jibqa’ li nimxu mal-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, għaldaqstant huwa importanti li nżommu d-distanza soċjali, nevitaw milli niltaqgħu ma’ nies li ma jgħixux magħna u ma noħorġux jekk mhux għal bżonn. Importanti li nagħtu s-sehem tagħna biex in-numri jibdew juru ftit tama pożittiva. Madanakollu, ma jfissirx li wieħed ma jistax jiċċelebra fil-kumdità u s-sigurtà ta’ daru mal-persuni li jgħix magħhom.

Kif?

Żgur li biex niċċelebraw ikollna bżonn l-ikel. X’hemm aħjar milli f’din il-ġurnata nippreparaw l-ikel bit-tema tal-Irlandiżi. La qed insemmu l-ikel fuq il-menu żgur li ma nistgħux inħallu barra xi torta taċ-ċanga u l-birra Guinness. Torta li żgur se tinżel għasel ma’ kulħadd, b’dik it-togħma fl-isfond tal-birra tant famuża mal-Irlandiżi. Għall-adulti, biex takkumpanja dan id-dixx żgur ma jistax jonqos xi pinta Guinness kiesħa.

Mużika fl-isfond…

Xi naqra mużika biex inżommu l-atmosfera xejn ma jżommna li ndoqqu u għaliex le?? Iva niżfnu xi żifna flimkien. Wieħed faċli jsib din il-mużika, flimkien mal-istruzzjonijiet ukoll tal-passi biex nidħlu fl-atmosfera lkoll flimkien. Xi ngħidu għas-silta tant popolari Riverdance? Min se jirnexxielu jqarreb il-passi ma’ tal-Irlandiżi?

Għall-konservattivi? X’jistgħu jagħmlu?

Dejjem jidħlu dawk li forsi huma aktar konservattivi u ż-żfin ma jkunx il-forte tagħhom. Dawn x’jistgħu jagħmlu biex ukoll jidħlu fl-atmosfera? Lil dawn aħna nissuġġerulhom li jsegwu xi film Irlandiż, jew xi parata ta’ San Patrizju tal-passat. Films li huma adattati għall-familja kollha nsibu fost l-oħrajn The Secret Roan Inish, The Magic Legend of the Leprechauns, The Legend of Longwood. Għal udjenza aktar matura mbagħad hemm The Wind that Shakes the Barley, Angela’s Ashes, Tristan and Isolde jew The Young Offenders.

Nagħlqu b’togħma ħelwa…

Aħna l-Maltin żgur li nħobbu nagħlqu s-serata bid-deżerta… dik id-daqsxejn togħma ħelwa li tikkumplimenta ikla tajba. Fis-suq insibu għadd ta’ deżerti li jgħinuna nidħlu fit-tema ta’ San Patrizju. Ovvjament jiddomina l-kulur ħadrani. Ma’ dawn id-deżerti wieħed jista’ jikkumplimenta b’xi cafè Irandiż (Irish Coffee).

B’hekk inkunu qed niċċelebraw b’responsabbiltà t-tieni San Patrizju konsekuttiv fid-dawl ta’ pandemija.

Nittamaw li San Patrizju tal-2022 ikun aktar ħanin u forsi nkunu wasalna għan-normalità.

Tini Nifs! Il-Ħajja ma’ Narċissist… – Michelle Zerafa

Tini Nifs! Il-Ħajja ma’ Narċissist… – Michelle Zerafa

Għall-bidu bħal wieħed jaħseb li forsi hija insikurezza, iżda mbagħad wieħed jibda jirrealizza li hi xi ħaġa ta’ kuljum li l-persuna jkollha bżonn li tkun dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni, li jkollha bżonn lil xi ħadd jċapċpilha l-ħin kollu, li dejjem għandha raġun u li hi taf kollox u li hi aqwa u l-aħjar minn kulħadd. Tibda tgħajja tikkumbatti dawn il-karatteristiċi..

Meta tiddeċiedi li tagħti feedback lill-persuna li tħobb, din probabbli teħodha kontrik u mhux talli ma tammettix, talli tgħidlek li int tħobb taqla’ l-ġlied, li inti għandek xi ħaġa ħażina, li inti ma tafdahiex u li kemm ilha miegħek għajjiet tisma’ dawn l-affarijiet u li mhux sew li kissirtilha ħajjitha.

Il-ħasla li taqla’ għax tkun esprimejt dak li qed tħoss iġġiegħlek tgħaddi minn guilt trip tajjeb li tibda tiddubita minnek innifsek.

Dawn huma ftit eżempji ta’ dak li wieħed jgħaddi minnu meta jkollu partner narċissist. Huma eżempji meħudin mill-ħajja ta’ kuljum ..

Imma allura x’tagħmel jekk tinduna b’dan kollu jekk tkun investejt ammont sostanzjali minn ħajtek għal din il-persuna?

Mhix faċli xejn din is-sitwazzjoni..

Jekk hemm problema fejn is-sigurtà tiegħek jew dawk vulnerabbli hija mhedda… trid tara kif se ddabbar rasek bil-mod… iżda importanti li bil-mod… trid taħdem pjan..

Jekk m’hemmx problema ta’ sigurtà tista’ xorta tiddeċiedi li ddabbar rasek… anzi jekk m’hemmx irbit ikun aktar għaqli li ddabbar rasek..

Inkella trid tadatta ruħek biex kemm jista’ jkun ma’ tbatix wisq minn dan l-abbuż..

Imma kif?

  • Importanti li tirrealizza x’inhu jiġri biex b’hekk ikollok viżjoni aktar ċara ta’ minn fejn hi ġejja din il-problema
  • Importanti li tirrealizza li inti ma taħti xejn… li m’intix sensittiva żżejjed u lanqas li inti għandek xi ħaġa ħażina… dan il-kliem li qaltlek il-persuna narċissista ġejjin minn xi ħadd li ma jafx aħjar u mhux kapaċi jara l-perspettiva tiegħek
  • Probabbli nies li jafu sew lil persuna jgħidulek biex titlaq, ftakar li inti taf x’inhu l-aħjar għalik u jekk se titlaq taf inti meta hu l-aħjar li taġixxi
  • Aqra u informa ruħek dwar Narcissistic Personality Disorder. Aktar ma tkun taf aktar tista’ tħossok kunfidenti meta qed taħdem fuqek innifsek biex tiffaċċja karattru bħal dan.
  • Sib is-sapport li hemm bżonn. Probabbli n-nies ta’ madwarkom mhux dejjem se jifhmu minn xiex tkun għaddej għax ġeneralment in-narċissist jilbes maskra fil-pubbliku, ikollu kariżma, iżda jneħħiha hekk kif jidħol mill-bieb ‘il ġewwa. Sib għajnuna professjonali jekk hemm bżonn. It-terapisti huma newtrali u jkollhom esperjenza jaħdmu f’dan il-qasam u jkunu jistgħu jagħtuk is-sapport li jista’ jgħinek tiffaċċja l-imġieba diffiċli ta’ dan il-karattru
  • Żomm notebook u ikteb xi jkun ġara. Ħafna drabi dawn imeruk biex iġiegħluk temmen li inti qed tesaġera u li inti għandek problema. Ikteb xi jkun ġara u tista’ turi lil min tafda x’gara, li jkollok validation hija importanti għax tgħinek biex ma titlifx il-kunfidenza fik innifsek.
  • Ipprepara lilek innifsek jekk se tikkonfronta lin-narċissist. Ikteb xi tkun se tgħid minn qabel u imxi ma’ dak li ktibt. Ħafna drabi dan idawwar id-diskors kif jaqbillu u malajr jgħid li inti abbużajt minnu għax dawn il-karattri jħobbu jilagħbuha tal-vittma.
  • Qis li jkollok “boundaries” ċari. Wara li tinduna fiex tkun dħalt jekk tiddeċiedi li tibqa’ ma’ partner narċissist, kun sod/soda sa fejn tista’ tħalli li jiddeċiedi għalik, kemm lest/lesta li tħallih/ha j/ttik mill-agħar… pereżempju jekk tiġi umiljat quddiem in-nies minn narċissist insisti li darb’oħra ma tattendix l-attività li stednuk għaliha u ara kif tagħmel biex darb’oħra tevitaha.
  • Ftakar li huwa ok li xi kultant ikollok toqgħod ftit ‘il bogħod, bħal batteriji li jkollhom bżonn jieħdu charge l-istess inti. Mhix faċli li tgħix ma’ xi ħadd narċissist allura l-bżonn li tieħu n-nifs hija kruċjali biex iżżomm il-bilanċ.
  • Persuni narċissisti jistgħu jkunu negattivi ħafna u allura jista’ jkun li taqa’ f’letarġija. Importanti allura li ssib sors fejn tieħu pjaċir, jew li tħossok tajjeb. Li jkollok pet jista’ jgħinek tħoss li għandek kumpanija u li għandek sors fejn jgħinek tħossok importanti
  • Li finanzjarjament tkun indipendenti jagħtik iċ-ċans li tagħmel affarijiet li tixtieq għax ħafna drabi persuni narċissisti se jagħmlu minn kollox biex jikkontrollawk.
  • Ħafna jħossuhom ħażin għax ma jkunux indunaw bil-karattru tal-partner tagħhom qabel ma jkunu kkomettew ruħhom, ngħiduha kif inhi mhix faċli li tinduna għax dan il-karattru jirnexxilu jilbes maskra li diffiċli ħafna biex tinduna fiex tkun dieħel. M’intiex waħdek li tħoss li l-partner ikun daħak bik, il-kariżma li jużaw biex jaqbduk fin-nassa tagħhom hija fina ħafna u mhix faċli tinduna biha.

Kif qed naraw mhix sitwazzjoni faċli biex tgħix ma’ persuna narċissista…jekk tħoss li l-affarijiet huma tqal u tistax iġġorrhom waħdek importanti li titkellem ma’ professjonist biex tara liema triq se tieħu.

Ftakar li għalkemm diffiċli mhix impossibbli…

Biss, iżżommx kollox għalik għax ma jistħoqqlokx li ġġorr kollox waħdek…

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Diżabilità intellettwali tnaqqas il-bżonn sesswali tal-individwu? – Dr Claire Azzopardi Lane

Diżabilità intellettwali tnaqqas il-bżonn sesswali tal-individwu? – Dr Claire Azzopardi Lane

Fost twemmin komuni miżmum minn individwi mhux b’diżabilità hemm dak li persuni b’diżabilità intellettwali m’għandhomx bżonnijiet sesswali. Din il-perspettiva li turi s-sesswalità b’mod żvantaġġjat billi tirrinforza l-asesswalità, hija wkoll imsaħħa minn rappreżentazzjonijiet sterjotipiċi bħal dik li persuni b’diżabilità intellettwali jibqgħu tfal għal dejjem. Din tirrapreżenta lill-persuni b’diżabilità intellettwali bħala tfal perpetwi, u b’hekk ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom biex jidħlu għal relazzjonijiet intimi.

L-infantalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabilità intellettwali ħafna drabi hija mgħottija bi protezzjoni żejda li twassal għal iżolament, ħiliet soċjali fqar u nuqqas ta’ informazzjoni relatata mas-sesswalità u r-relazzjonijiet. Ħafna drabi persuni b’diżabilità intellettwali huma ristretti aktar fl-għażliet sesswali tagħhom minħabba l-preġudizzji u l-ansjetajiet tal-ġenituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom.

Is-sesswalità hija determinata soċjalment u kulturalment u tiddependi fuq il-kuntest li tiġi esperjenzata fih. Fil-kuntest Malti mhux tas-soltu li nitkellmu fil-miftuħ dwar is-sess u s-sesswalità, qasam li għadu influwenzat ħafna mill-modi reliġjużi. Minħabba li l-maġġoranza tal-persuni b’diżabilità intellettwali li jgħixu fis-soċjetà Maltija jqattgħu ħafna minn ħajjithom jgħixu mal-familja immedjata tagħhom, l-esperjenzi tagħhom u l-espressjoni tas-sesswalità jibqgħu ċensurati u mhux esplorati.

Persuni b’diżabilità intellettwali jsostnu li ġew miċħuda l-opportunitajiet għal soċjalizzazzjoni, divertiment, relazzjonijiet u espressjoni sesswali u qed jitolbu kwalità ta’ ħajja aħjar. Huma jemmnu li l-pożizzjonijiet soċjali marġinalizzati tagħhom huma marbuta b’mod attiv ma’ ostakli relatati mas-sesswalità tagħhom, billi l-esklużjoni soċjali tillimita l-aċċess għal sorsi formali ta’ informazzjoni, opportunitajiet biex jistabbilixxu relazzjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar biex jiksbu kwalità ta’ ħajja tajba.

Enable Notifications    OK No thanks