by Danica Ann Cassar | 31/Jan/22 | Riflessjonijiet, Saħħa, Varjetà
Fil-klinika qed niltaqa’ ma’ ħafna problemi tas-saħħa mentali relatati ma’ ansjetà u telf ta’ direzzjoni bħala riżultat mill-pandemija.
Ilna kważi sentejn għaddejjin mill-pandemija u bħala umani qed insibuha diffiċli kultant inkomplu nissieltu mal-ħajja minħabba l-inċertezzi li qed ngħixu fihom. Hemm min jgħid imnalla ġiet dil-pandemija ghax ħadt pawża u hemm min il-pandemija ħaditlu lil xi ħadd li jgħożż jew qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Kollha qed nesperjenzaw il-pandemija b’mod uniku u differenti u għalhekk huwa tajjeb li nitkellmu dwar dak li ghaddejjin minnu.
Bil-vaċċin primarjament qed nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna li hija importantissima. Però għad m’għandniex xi ħaġa bħal vaċċin li tipproteġina għas-saħħa mentali tagħna. Minħabba ċerti esperjenzi ta’ iżolazzjoni, biża’ u inċertezza li għaddejna minnhom wassal li tmajna is-saħħa mentali tagħna. Hemm min għandu trawma u għadu għaddej minnha tort tal-pandemija. Hemm min qed isibha diffiċli jqum filgħodu u jmur ix-xogħol. Hemm min qed iħoss l-ansjetà u ma jafx minn fejn hi ġejja. Dawn jistgħu jkunu sintomi għaliex wieħed ikun għaddej minn bidla. L-ebda bidla mhi faċli.
Ħaġa importantissima li rridu nagħmlu biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna hi li nirrealizzaw minn xiex għaddejjin u nitolbu għas-sapport. Dan jista’ jkun billi nitkellmu ma’ xi ħadd li jifhimna u jagħtina xi parir, xi ħadd tal-familja, kollegi jew ħbieb. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd, speċjalment jekk huwa xi ħadd professjonali jista’ jservi ta’ gwida ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nirregolarizzaw l-emozzjonijiet tagħna.
Kultant tkun xi ftit diffiċli li nafdaw lil ħaddiehor bil-problemi u l-ħsibijiet tagħna għax forsi nibżgħu li ma jifhmuniex. Propju minħabba l-importanza tas-sapport soċjali u professjonali qed jinħolqu gruppi żgħar ta’ terapija onlajn fejn inti tista tikseb is-sapport mill-kumdità ta’ darek. L-għan ta’ dawn il-gruppi hu li jkun hemm spazju fejn tista’ titkellem u tiftaħ qalbek ma’ counsellor u tiltaqa’ ma’ nies li għaddejjin minn sitwazzjoni simili. Kultant li nkunu nafu li m’aħniex waħedna tgħin ħafna wkoll.
Issieħeb ma’ dawn il-gruppi billi tikkuntattja lil Willingness fuq 79291817 jew fuq info@willingness.com.mt biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek aħjar.
Health Psychology Practitioner
by skoperta.net | 20/Jan/22 | Tagħrif
Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.
Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.
Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.
Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.
Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.
Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.
Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:
- Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
- Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
- Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
- Servizzi disponibbli
- L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom
Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.
Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.
Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.
by skoperta.net | 09/Jan/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-preżentatriċi u kantanta Stephanie Chircop, esprimiet il-ħsibijiet u t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni preżenti relatata mal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta.
Fil-post tagħha, Stephanie staqsiet għaliex l-awtoritajiet spiċċaw jiġġieldu u jippersistu man-nies biex jieħdu t-tilqima, u staqsiet għaliex, fi kliemha, bl-istess argument, ma jiġux projbiti s-sigaretti li jagħmlu ħsara biss.
Hija sostniet li dan kollu qed isir minħabba l-flus. “Spiċċajna ngħixu ġo dinja fejn qed noqtlu lil xulxin minħabba l-flus.”
Stephanie ikkritikat b’mod qawwi ċerti deċiżjonijiet li qiegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet. Qalet li l-poplu qed jaċċetta li jitnaqqru d-drittijiet tal-bniedem.
Filwaqt li semmiet il-pjan li qed jissemma biex persuni fi kwarantina jkunu jistgħu jivvutaw, hija staqsiet għaliex allura persuni li jkunu pożittivi għall-Covid ma jitħallewx iduru bil-karozza.
Saħqet li qed jittieħdu d-drittijiet għal-libertà, tal-għażla u tal-moviment u li dan kollu qed isir skapitu tal-vulnerabbli u l-innoċenti.
“Se ġġibuna priġunieri ġo djarna stess! Nies, qumu minn hemm! Iktar qed jimirdu nies b’mard mentali milli bil-Covid! Però aħna għandna s-setgħa li nbiddlu dan kollu! Flimkien niġbdu ħabel wieħed!”
Stqarret li s-soltu qatt ma tikkumenta b’dan il-mod u li dejjem iġġib rispett lil kulħadd iżda ma tiflaħx issofri aktar inġustizzji u tkun xhud ta’ inġustizzji li qed isiru.
Stephanie ħeġġet lin-nies biex iqumu u jitkellmu, u jagħmlu xi ħaġa dwar dan kollu li qed jiġri.
Talbet ukoll lill-awtoritajiet kollha kkonċernati biex ma jħallux lill-pajjiżna jegħreq.
“Intom min intom, aħsbu f’uliedkom u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin! Jien ma nibża’ minn ħadd! Minn Alla biss nibża’! Imma uliedi bla vuċi u min hu vulnerabbli wkoll! Aħsbu b’imħabba, empatija u tolleranza u agħmlu l-għażliet ġusti.”
by skoperta.net | 04/Jan/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-membru parlamentari Laburista Jean Claude Micallef esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar il-qtil brutali li xxokkja lil pajjiżna fil-bidu tas-sena l-ġdida, u ċerta mentalità, li skont hu hemm bżonn li tiġġedded.
Fost oħrajn huwa qal li dan id-delitt juri kemm għandna soċjetà mejta quddiem l-edukazzjoni sesswali, is-saħħa mentali u l-litteriżmu diġitali.
Huwa qal li ħafna rrikorrew għall-midja soċjali biex joqtlu liż-żagħżugħ li qed jiġi akkużat bid-delitt, kif ukoll lil ommu u l-familja tiegħu.
Żied jgħid li ċerti kummenti huma stalletti lejn mara oħra, omm l-akkużat, li ma taħti f’xejn u qed tiġi mħaġġra mis-soċjetà fuq aġir ta’ binha.
“Il-vjolenza hi kundannabbli f’kull forma tagħha.” – Jean Claude Micallef
by skoperta.net | 27/Dec/21 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-Papa Franġisku rrikonoxxa li l-pandemija tal-Covid-19 aggravat xi problemi li jista’ jkun hemm fil-familji.
Huwa qal li l-lockdowns u l-kwarantini qed iġiegħlu lill-familji jqattgħu aktar ħin flimkien, imma f’xi każijiet dan jista’ jwassal għal ċerti diffikultajiet.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-koppji biex ifittxu l-għajnuna u dejjem jiftakru tliet kelmiet ewlenin fi żwieġ: “Jekk jogħġbok, grazzi u skużani.”