Select Page
Andreana DeBattista u Melanie Kelly fost il-mistednin f’The Entertainers tal-lejla

Andreana DeBattista u Melanie Kelly fost il-mistednin f’The Entertainers tal-lejla

Il-personalitajiet televiżivi Andreana DeBattista u Melanie Kelly, il-kantanti Charlene Rae, Cherylis Camilleri u Laura Bruno, ir-rappreżentanti Maltin għall-Junior Eurovision, Ike u Kaya kif ukoll id-DJ sinonimu mas-snin 90, Colin Fitz, se jkunu fost il-mistednin ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20.30.

Bi preżentazzjoni ta’ Victorio Gauci, din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistednin. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċennji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin 50 u s-snin 90.

Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistednin li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettaturi.

Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenge.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Imwielda fil-belt ta’ New York ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka iżda residenti ġewwa r-raħal pittoresk ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-kantanta Charlene Rae għandha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, kif ukoll lejn il-ġeneru ta’ mużika rock, tant hu hekk li tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tamalgamhom flimkien. Dan kien il-punt tat-tluq għall-kanzunetta L-Isbaħ Fjura.

Fuq kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares, L-Isbaħ Fjura hija kanzunetta oriġinali bil-Malti li Charlene Rae, permezz tal-paġni uffiċjali fuq Facebook u Instagram iddiskreviet bħala “personali, dedikazzjoni għal missieri, bniedem lli għalkemm ħalla ħafna swied ta’ qalb, tani ħafna kuraġġ tul ħajti”.

Ritratt minn Owlet Photography

L-għażla tad-data tat-tnedija tal-kanzunetta, il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju ma kinitx b’kumbinazzjoni iżda waħda bi ħsieb, għaliex hija l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Jum il-Missier. Għaldaqstant, Charlene Rae flimkien mat-tim tagħha ħasbu li l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta jista’ joffri wens lil dawk li tilfu lill-għażiż missierhom.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura, hija akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika, maħdum minn Angie u Duane Laus ta’ Lava Graphics, fejn l-iskop hu li wieħed jifhem aktar r-relazzjoni bejn missier u bint, permezz tal-lirika mirquma bl-aktar mod sentimentali.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

Enable Notifications    OK No thanks