“Għaliex għandna noqogħdu nidħlu l-Qorti biex kuntratt korrott jitwaqqaf?” – Simon Busuttil

“Għaliex għandna noqogħdu nidħlu l-Qorti biex kuntratt korrott jitwaqqaf?” – Simon Busuttil

Wara li nhar il-Ġimgħa li għadda l-qorti tat il-verdett tagħha dwar il-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kontra l-kumpanija Vitals, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qasam ir-reazzjoni u l-ħsibijiet tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.

Simon Busuttil huwa wieħed mill-politiċi li minn dejjem kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

F’kitba, Simon Busuttil iddeskriva l-verdett tal-qorti, fejn annullat il-ftehim kollu biex l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar San Luqa u Karin Grech ġew privatizzati, bħala konferma ta’ kemm f’pajjiżna, “in-nies fil-poter u l-kriminali saru ħaġa waħda.”

“Għax hekk seħħ f’pajjiżna, sa mill-2013. Korruzzjoni sfaċċata kull fejn tħares, li setgħet tkun possibbli biss għax il-korrotti taw lilhom infushom protezzjoni sħiħa minn kull konsegwenza għal dak li jagħmlu. Fi kliem ieħor, għandhom impunità totali. Għax il-poter sar ħaġa waħda mal-kriminalità,” żied jgħid Simon Busuttil.

Kull proġett pubbliku fassluh bil-ħsieb ta’ kif se jixxaħħmu. Minn power station sa sptarijiet pubbliċi. Minn proġetti ta’ toroq sa permessi tal-bini. Minn passaporti sa viżas tal-ivjaġġar. Anki fuq sempliċi liċenzja tas-sewqan ħammġu jdejhom. Biex żgur jiffangaw kemm jifilħu, ħatfu l-istituzzjonijiet biex ma jkunux jistgħu jieħdu passi kontrihom. Għalhekk għadhom jiġru barra.
Simon Busuttil

Huwa kompla jgħid li l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, li suppost ikunu l-aktar għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità, spiċċaw impotenti.

Fortunatament, nhar il-Ġimgħa, il-Qorti tatna raġġ ta’ tama. Imma kulħadd jaf li biex tieħu raġun il-Qorti trid tistenna snin twal u kif jgħidu, justice delayed is justice denied. U skużi: għaliex għandna noqogħdu nidħlu l-Qorti biex kuntratt korrott jitwaqqaf? Għaliex ma twaqqafx mill-ewwel mill-gvern flok tħalla għaddej 7 snin sħaħ, biex it-tixħim jibqa’ għaddej? Ir-risposta hija ovvja: għax kien il-gvern stess li kienu parti mill-korruzzjoni. U l-Qorti twassal biss għal responsabbilità legali. U r-responsabbilità politika kif ħadd ma jerfagħha?
Simon Busuttil

Simon Busuttil qal li dan kollu tħalla jsir għax min hu fil-poter jagħti protezzjoni lill-kriminali minflok jieħu passi kontrihom. Saħaq li meta l-poter u l-kriminalità jsiru ħaġa waħda “m’għandekx demokrazija. M’għandekx saltna tad-dritt. Għandek Gvern mafjuż.”

Għax trid tkun mafjuż biex tħalli biċċa korruzzjoni bħal tal-isptarijiet għaddejja meta jkollok il-poter u d-dmir li twaqqafha. U flok tieħu passi, tiddefendiha, sena wara sena wara sena, u saħansitra tattakka lil min ikun qed jiġġieled għas-sewwa. U trid tkun vili biex tagħmel, jew tagħlaq għajnejk għal, korruzzjoni minn fuq dahar is-saħħa tan-nies.
Simon Busuttil

“Kulħadd jaf min hu responsabbli,” enfasizza Simon Busuttil.

Huma responsabbli personalment il-prim korrotti Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, li kienu l-atturi ewlenin fir-roadmap ta’ korruzzjoni sa mill-2013, inkluż fis-serq tal-isptarijiet tagħna u fil-power station tal-Electrogas. Huma responsabbli l-Ministri fil-kabinett ta’ Joseph Muscat li flok waqfulu, kif kellhom il-poter u d-dmir li jagħmlu, dawwru ħarsthom in-naħa l-oħra taparsi ma raw xejn. U meta sfidajnihom, ivvutaw favurih fil-Parlament, għal darba, tnejn, tlieta. Iddefendewh. U attakkaw lilna li waqafnilu. Ma jmurx jitilfu s-siġġu. Mela kompliċi miegħu. Huwa responsabbli Robert Abela, li kien konsulent legali fil-kabinett ta’ Muscat u li meta sar Prim Ministru, baqa’ jiddefendi l-kuntratt u jippompja l-miljuni f’kuntratt frawdolenti flok waqqfu kif kellu l-poter u d-dmir li jagħmel. Huwa responsabbli Chris Fearne li messu ra dak li rajna aħna sa mill-bidu nett u mhux prova jbella’ r-ross bil-labra biċ-ċuċata manja tar-Real Deal. La għamel tiegħu ir-Real Deal, mela issa għandu jerfa’ l-konsegwenzi.
Simon Busuttil

Simon Busuttil staqsa, “possibbli ħadd mhu kapaċi jerfa’ responsabbilita’? Kif għaddew jumejn u għadu ma rriżenja ħadd minn dawk li huma responsabbli?”

Dawn ħasbu li billi jiddefendu l-indifensibbli, billi jtawwlu u jostakolaw u billi jattakkaw li kull min jazzarda jieqfilhom, kollox jista’ jibqa’ għaddej. Marru żmerċ.
Simon Busuttil

“Il-kbir għadu ġej,” enfasizza Simon Busuttil, frażi li jgħid diversi drabi wkoll l-eks deputat parlamentari Jason Azzopardi, li flimkien ma’ Simon kien ukoll fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Huwa fakkar li għad hemm diversi inkjesti għaddejjin, “fosthom l-inkjesta tiegħi dwar il-famużi kumpaniji li Mizzi u Schembri fetħu fil-Panama u li fihom kienu se jaħbu t-tixħim tal-Eletrogras. L-inkjesta tlabtha fl-2017 u flimkien mal-kollega Jason Azzopardi, kelli niġġieled sentejn sħaħ kontra ostaklu wara l-ieħor li għamlulna Muscat, Schembri u Mizzi biex ma tinfetaħx (daqstant jibżgħu mill-inkjesta). Sa fl-aħħar, l-inkjesta infetħet fuq ordni tal-Maġistrat Doreen Clarke u marret quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, f’April tal-2019, jiġifieri 4 snin ilu. Din l-inkjesta tista’ biss tikkonkludi li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Mizzi u Schembri għax kulħadd jaf għal xiex fetħu l-kumpaniji tal-Panama.”

“Fil-fatt, ma nistax nifhem kif il-Qorti għandha bżonn daqstant żmien biex tasal għal din il-konklużjoni ovvja. Bħalma ma nistax nifhem x’qed jistenna l-Kummissarju tal-Pulizija biex jarrestahom u jressaqhom, flok jistenna lill-Qorti tordnalu jagħmel dak li jmissu ilu li għamel. U la semmejt l-Electrogas, il-mistoqsija tiġi waħedha: jekk Robert Abela sa fl-aħħar ammetta li l-kuntratt tal-ispartijiet kien frawdolenti, tant li mhux se jappella, allura x’qed jistenna biex iħassar il-kuntratt SUPER-frawdolenti tal-Electrogas? Qed jistenna lill-Qorti tordnalu jwaqqfu? Possibbli Robert Abela mhux kapaċi jagħmel dak li hu sewwa, minn jeddu, mingħajr ma jiġi mġiegħel?” żied jgħid Simon Busuttil.

Tkellem ukoll dwar ir-rwol importanti tal-Partit Nazzjonalista f’dan kollu. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista, li huwa l-oppożizzjoni ewlenija fil-pajjiż u bħala tali, għandu l-obbligu li jopponi dak li hu ħażin.

Il-PN ilu mill-bidu nett, sa’ mill-2015, jisħaq li l-kuntratt tal-isptarijiet huwa ħadma nobis – tant li fil-programm elettorali tal-2017 konna diġa ntrabatna li gvern Nazzjonalista jerġa jieħu l-isptarijiet lura. Ħaqqu kull prosit Adrian Delia li, bħala Kap tal-partit warajja, baqa’ jsostni din il-ġlieda, u saħansitra fetaħ kawża u baqa’ jippersisti sakemm rebaħha nhar il-Ġimgħa. U ħaqqu kull appoġġ Bernard Grech li qed ikompli din il-ġlieda. F’isimna kollha. Ħaqqha kull prosit ukoll is-soċjeta’ ċivili, b’mod partikolari Repubblika, li mhux biss jagħtu vuċi lill-kuxjenza tagħna, iżda jieħdu kull tip ta’ azzjoni biex f’pajjiżna terġa tirrenja s-saltna tad-dritt. Kienet proprju Repubblika li talbet li tinfetaħ inkjesta kriminali dwar l-isptarijiet fl-2019 u l-konklużjoni tagħha tista’ tkun biss li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra min kien responsabbli għal din il-biċċa korruzzjoni papali. Fost dawk indagati hemm Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Edward Scicluna.
Simon Busuttil

Fl-aħħar nett, Simon Busuttil qal li l-persuna li fuq kollox u fuq kulħadd, ħaqqha kull rispett u apprezzament hija Daphne Caruana Galizia. Saħaq li anki fuq l-isptarijiet, kienet hi l-ewwel waħda li kixfithom, u għal darb’oħra, kellha raġun. “U għax kixfet l-iskandli, spiċċat maqtula. Ħallset l-akbar prezz.”

Huwa biss meta ssir ġustizzja fuq l-assassinju tagħha u fuq l-iskandli li kixfitilhom, li pajjiżna jkun jista’ jieħu r-ruħ. Dakinhar li sseħħ ġustizzja, f’pajjiżna nkunu nistgħu nerġgħu nieħdu nifs ta’ arja nadifa, bla ntiena ta’ ħmieġ u korruzzjoni. U Malta tkun tabilħaqq rebbieħa.
Simon Busuttil

L-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija tgħid li l-Gvern ma żammx l-impenn tiegħu

L-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija tgħid li l-Gvern ma żammx l-impenn tiegħu

L-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija esprimiet id-diżappunt tagħha u qalet li l-gvern ma żammx l-impenn tiegħu li sal-aħħar ta’ din is-sena jestendi l-provvista tal-Continuous Glucose Monitors, lill-persuni kollha li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, li għandhom sa 35 sena.

Nhar l-Erbgħa li għadda l-gvern ħabbar l-CGMs issa ġew estiżi għal persuni li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, li għandhom sa 23 sena.

S’issa, dawk il-persuni li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1 li għandhom sa 21 sena kienu eliġibbli għal dan l-apparat.

Filwaqt li qalet li hija ħaġa pożittiva li l-CGMs qed jiġu mqassma lil persuni oħra li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, anki għaliex l-assoċjazzjoni dejjem enfasizzat il-benefiċċju u l-importanza enormi ta’ dan l-apparat, l-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija fakkret li aktar kmieni din is-sena, il-gvern impenja ruħu li l-CGMs jiġu estiżi għal persuni li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1, li għandhom sa 35 sena, sal-aħħar ta’ din is-sena, u għall-persuni kollha li jgħixu bid-dijabete tat-tip 1 sas-sena 2023.

Dan kien ikkonfermat mid-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudette Pace f’Mejju li għadda.

L-assoċjazzjoni qalet li madankollu, sfortunatament dan ma seħħx.

Il-Continuous blood glucose monitors huma apparati żgħar li jintlibsu minn persuni li jgħixu bid-dijabete, li jimmonitorjaw u jirrappurtaw regolarment il-livelli taz-zokkor fid-demm tagħhom, b’hekk jgħinu biex ikunu jistgħu jikkontrollaw aħjar iz-zokkor fid-demm u l-impatt tiegħu fuq saħħithom

Jitħabbru emendi fil-liġi li jippermettu lit-tobba jtemmu t-tqala f’każ li l-ħajja tal-omm tkun f’periklu

Jitħabbru emendi fil-liġi li jippermettu lit-tobba jtemmu t-tqala f’każ li l-ħajja tal-omm tkun f’periklu

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li l-ġimgħa d-dieħla, il-Gvern se jkun qed iressaq emendi fil-liġi li jippermettu t-tobba jtemmu t-tqala f’każijiet li l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.

Preżentament, il-liġi tgħid li kull tabib, kirurgu jew spiżjar li jkun wera jew ta mezzi li jkunu kkaġunaw l-abort, jintbagħat il-ħabs u jista’ wkoll jitlef il-liċenzja medika, ladarba jinqabad. Din il-liġi ma fiha l-ebda eċċezzjoni fl-ebda ċirkostanza, tgħodd ukoll għall-mara li tkun għamlet l-abort.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne enfasizza li l-emendi li se jkunu qed jitressqu, japplikaw biss f’sitwazzjonijiet fejn is-saħħa u l-ħajja tal-omm fl-ewwel xhur tat-tqala jkollha kumplikazzjonijiet serji li jistgħu jwasslu li titlef ħajjitha.

Filwaqt li l-liġijiet se jibqgħu l-istess f’sitwazzjonijiet differenti mill-imsemmija, b’dawn l-emendi mhux se jibqa’ reat jekk professjonist mediku jsalva l-ħajja tal-omm f’każ ta’ periklu.

Mil-lum tista’ titlaqqam kontra l-influwenza u l-omicron b’xejn

Mil-lum tista’ titlaqqam kontra l-influwenza u l-omicron b’xejn

Permezz ta’ Twitter, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne fakkar lill-pubbliku li mil-lum wieħed jista’ jitlaqqam kontra l-influwenza u l-varjant tal-Covid-19, l-omicron, mingħajr ħlas.

Kif ġie spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni dan ix-xahar, it-tilqim qed jingħataw fiċ-ċentri tas-saħħa kollha u wieħed jista’ jieħu ż-żewġ dożi f’daqqa, waħda fuq kull id.

Se tkun qed titnieda helpline ġdida għas-Saħħa Mentali

Se tkun qed titnieda helpline ġdida għas-Saħħa Mentali

Ilbieraħ filgħaxija, waqt is-seduta parlamentari, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-ġranet li ġejjin, lejn tmiem ta’ dan ix-xahar, se tkun qed titnieda helpline ġdida, imħarsa minn professjonisti fis-servizz ta’ saħħa mentali pubblika.

Din il-linja se tkun miftuħa 24 siegħa kuljum, 7 t’ijiem fil-ġimgħa, fejn persuni li jkunu qed iħossuhom b’ansjetà jew b’dipressjoni, jistgħu jċemplu u jsibu l-għajnuna.

Il-Ministru żied jgħid ukoll li fejn ikun hemm bżonn, il-professjonisti joqogħdu fuq il-linja mal-individwu, sakemm jibagħtulu lil xi ħadd ħalli jgħinuh.

Dr Chris Fearne sostna li din il-helpline se tkun qed titnieda “biex kemm jista’ jkun innaqqsu dawn it-traġedji, għax kull każ ta’ suwiċidju huwa traġedja.”

Enable Notifications OK No thanks