Ilek ma tiknes għax hemm wisq affarijiet mal-art? Agħmel xi ħaġa dwarha! – Tanja Cilia

Ilek ma tiknes għax hemm wisq affarijiet mal-art? Agħmel xi ħaġa dwarha! – Tanja Cilia

Għandi ħbieb li jgħidu li “jgħixu” fil-kamra tas-sodda.

Saħansitra għandhom sink ckejken, hotplate, u magna tal-kafè biex kemm jista’ jkun jibqgħu mgeddsin hemmhekk.

Meta tmur tarahom, jew jistħu, u jdaħħluk fil-kċina jew fis-salott, jew, jekk tkun “ta’ ġewwa”, jistednuk tidħol f’din l-imbierka kamra, u jkollok tpoġġi fit-tarf tas-sodda, għax iż-żewġ siġġijiet li jkun hemm, ikunu mburġati bil-ħwejjeġ u biex inkunu għidna kollox, donnhom ma jxommux ir-riħa qarsa li jkun hemm fl-arja.

Dawn, ovvjament, għandhom ukoll kompjuter, televixin, telefon, armarju mimli ikel u xorb, skrivanija, gwardarobba, armarju, friġġ zgħira, xkaffa mżaqqa daqskemm hemm kotba fuqha, fann, heater, magna tal-ħjata, u forsi dehumidifier, ukoll.

Kull meta jfettlilhom, jaqbdu fliskatur, jimlewh bil-maggijiet u platti maħmuġin, u jaħsluhom, sakemm iddur load ħwejjeġ. Imbagħad, lura lejn il-ħajja l-antika.

Issa jien mhux qed nitkellem fuq studio flats, jew kmamar tas-sodda daqs sala; iżda kmamar ta’ qisien normali, fejn is-sodda tkun imrekkna mal-hajt u biex tgħaddi sat-tieqa biex tħares ‘l barra, trid tgħaddi mġenba. Fi ftit kliem, qisha ħanut tar-regettier, li eżatt kif ibiegħ siġġu, xi ħadd iġiblu tlieta oħra.

Issa jekk aħna inzertajna dawn in-nies, u mhux dawk li jiġu jarawhom, ta’ min naħsbu dwar jekk forsi wasalx iż-żmien li xi affarijiet żgħar jinbidlu. Imma mhux lakemm taqbad nofs tużżana kaxxi u titfa’ kollox fihom u tibgħat kollox liċ-Charity Shop.

Ma ninsewx li din il-kamra, għalina, hija żvog u santwarju, u fiha nħossuna protetti. X’aktarx li qalbna tkun marbuta mal-affaijiet li nkunu geddisna matul is-snin; u forsi l-flokk li ilu ħames snin jistenna biex jissewwa, għandu marbutin memorji sbieħ.

Imma forsi, jekk nistaqsu lilna nfusna dawn it-tużżana mistoqsijiet li ġejjin, bil-mod il-mod, naslu biex nagħmlu t-tibdiliet li meta jsiru, naraw kemm swew.

  • Għandek ħwejjeġ li ilek iżjed minn sena ma tilbishom?
  • Għandek platti bl-ikel magħqud fuqhom, u tazzi maħmuġin?
  • Għandek xejn għanqbut, kamla, u kokroċ ‘l hawn u ‘l hinn?
  • Għandek xi kaxxi taħt is-sodda?
  • Ġieli ħbatt ma’ xi ħaġa fid-dlam?
  • Ilek ma tiknes, għax hemm wisq affarijiet mal-art?
  • Ilek xejn ma tbiddilhom il-lożor u l-purtieri?
  • It-tapit għadu l-istess kulur li kien meta xtrajtu?
  • Qabel ma torqod, trid tneħħi l-affarijiet minn fuq is-sodda?
  • Tista’ tagħlaqhom il-bibien u l-kxaxen tal-armarji u l-gwardarobba?
  • Tista’ tara barra mil-ħġieġ tat-tieqa?
  • Tista’ tgħaddi minn fejn trid fil-kamra, bla ma tiġġenneb?

Jekk weġibt “iva” għal sitta jew iżjed minn dawn il-mistoqsijiet, forsi wasal iż-żmien li tirranġa s-sitwazzjoni.

Cristiano Ronaldo jaqsam ritratt tiegħu ma’ bintu li twieldet ftit jiem ilu – Rajtu?

Cristiano Ronaldo jaqsam ritratt tiegħu ma’ bintu li twieldet ftit jiem ilu – Rajtu?

Cristiano Ronaldo qasam ritratt tiegħu jżomm lil bintu tat-twelid, inqas minn ġimgħatejn wara li miet ħuha t-tewmi.

L-attakkant ta’ Manchester United u s-sieħba tiegħu Georgina Rodriguez, ta’ 28 sena, ħabbru li binhom kien miet mat-twelid fit-18 ta’ April, iżda oħtu t-tewmija baqgħet ħajja.

Ronaldo, ta’ 37 sena, li diġà għandu tifla ta’ 4 snin ma’ Rodriguez, kif ukoll tlett itfal oħra, tella’ ritratt iswed u abjad fuq Instagram tiegħu mingħajr flokk waqt li jgeddes miegħu lit-tarbija.

Ir-ritratt kien akkumpanjat bit-titlu “Forever Love” u kellha wkoll emoji ta’ qalb.

It-tarbija dehret liebsa skufja, li wassal biex ħafna mis-segwaċi ta’ Ronaldo wieġbu bi qlub ħomor.

Il-koppja għadha ma żvelatx l-isem li għażlu għat-tifla ċkejkna tagħhom.

Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

“Jekk għandek id-determinazzjoni u s-sapport ta’ dawk ta’ madwarek, li huwa importanti immens, jirnexxilek tagħmel kollox” – Roberta Magri

F’intervista li saret mit-tim tal-programm Awla, id-direttriċi ta’ dan is-sit, Roberta Magri tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha fosthom proprju dan il-proġett, skoperta.net, li għaliha kienet ħolma li rnexxielha twettaq.

Roberta qalet kif minkejja li minn barra tidher li għandha diżabilità, dejjem għamlet ħilitha biex ma tħallix id-diżabilità tkun l-identità tagħha.

Minkejja dan, hija qalet li meta kienet żgħira, kellha l-isfidi tagħha, aktar milli minħabba d-diżabilità, kien minħabba l-karattru tagħha u l-fatt li kienet magħluqa fiha nnifisha. Fil-fatt hija tgħid li dawk li jafuha llum, m’għandhomx idea tal-persuna li kienet dak iż-żmien.

Roberta tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha, dawk tad-drama, il-mużika, il-kitba u l-ġurnaliżmu. Passjonijiet li kollha kemm huma rnexxielha ssarrafhom fil-prattika u twettaq il-ħolm li kellha.

Hija semmiet s-sehem tagħha f’sensiliet televiżivi Maltin, il-kanzunetta li kitbet għall-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika, u ovvjament ma setax jonqos, l-akbar proġett li qatt wettqet f’ħajjitha, dan is-sit, skoperta.net.

Roberta qalet li minkejja li x-xogħol ta’ direttriċi ta’ skoperta.net huwa x-xogħol prinċipali tagħha u li ħafna mix-xogħol tagħmlu hi, iżda ma kienx jirnexxilha tasal sa fejn waslet mingħajr l-għajnuna u s-sapport tal-persuni qrib tagħha, partikolarment il-kuġina tagħha Janice, li hija wkoll direttriċi ta’ skoperta.net, u persuna importanti fil-ħajja tagħha, Patrick, li fi kliem Roberta, jgħinha ħafna u li kieku ma kienx hu ma kinitx tasal sa fejn waslet.

Awla, jixxandar fuq ONE, kull nhar ta’ Ħamis fit-20:35.

Il-preżentatriċi Mireille Bonello ssir omm

Il-preżentatriċi Mireille Bonello ssir omm

Nhar il-Ħamis l-4 ta’ Novembru, il-preżentatriċi Mireille Bonello saret omm taċ-ċkejkna Mya.

F’post li tellgħet ftit minuti ilu fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Mireille irringrazzjat lill-istaff kollu tal-isptar Mater Dei, u lill-familja u l-ħbieb tagħhom.

Awguri lil Mireille Bonello u Joseph Gerada mit-tim ta’ skoperta.net!

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Eżattament ġimgħa ilu.
U hu kien qiegħed hawn.
Mimdud fuq il-ħamrija umduża bil-weraq niexef fuqha.
Għajnejh kienu kollha dmugħ. Iżda għal xi raġuni jew oħra ma felaħx jibki. Kien ilu jissportihom.
“Jean……? L-imwarrab?”
Leħen is-subien instema’ jidwi mal-akkwati.
Għajnejn Jean qabżu pulzier ‘il barra, in-nifs batut wara l-għeja tal-ġirja li kien għadu ġej minnha kien kważi maqtugħ għal kollox, idejh bdew jirtogħdu u xagħru kien xi ftit imħabbel.
Ma kellux ħin.
Ried jistaħba ta’ malajr. Inkella kienu jsibuh.
Qam inkiss inkiss u biż-żarbun iqarmeċ fuq il-weraq niexef, telaq jiġri lejn siġra kbira li kienet fit-tarf nett tal-ġnien kbir fejn kien jinstab.
“Jean?” reġa’ semagħhom. Niżel kokka wara s-siġra u żamm in-nifs. L-għaraq beda nieżel ma ġbinu.
Allaħares isibuh!
Qalbu ċkejkna f’sidru kienet bdiet tħabbat b’mod ifferoċjat minn taħt il-qafas.
Jekk isibuh…………
Kien ilaqqat dirsa tajba!
“Jean!” beda jgħajjat l-ikbar wieħed fosthom. “Morru fittxuh. X’imkien hawn irid ikun!”
Kienu grupp subien. Kollha kemm huma kienu fil-klassi tiegħu. Minn mindu kienet mietet ommu, kien mar jgħix ma’ nanntu li ftit li xejn kienet għadha tiflaħ tlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu.
Jean kellu seba’ snin.
Issa xagħru kien ikun xi ftit imgerfex, il-ħwejjeġ tal-uniformi ma kinux għadhom ifuħu bħal ma kienu jkunu qabel. It-tbissima unika li kien ikollu Jean fuq wiċċu kienet għebet għal kollox. Ommu kienet kollox għalih. Il-firda li kien ħass kienet iebsa wisq biex wieħed jiddeskriviha.
“Morru fittxuh!” reġa’ qalilhom Andrew, l-aktar wieħed robust minnhom.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks