Select Page
Jasal l-Awstralja cruise liner bi 800 każ pożittiv għall-Covid

Jasal l-Awstralja cruise liner bi 800 każ pożittiv għall-Covid

Cruise liner bl-isem ta’ Majestic Princess, li kien qed iġorr madwar 800 passiġġier pożittiv għall-Covid-19 wasal f’Sydney, l-Awstralja.

Il-vapur, li telaq minn New Zealand, kien qed iġorr madwar 4,600 passiġġier u membru ekwipaġġ, jiġifieri madwar wieħed minn kull ħamsa kellu l-Covid.

Il-president tal-operatur tal-cruise Carnival Australia Marguerite Fitzgerald, qalet li għadd kbir ta’ każijiet bdew jiġu skoperti f’nofs il-vjaġġ ta’ 12-il jum. Il-każijiet kollha kienu bla sintomi jew ftit sintomi.

Din it-tifqigħa seħħet hekk kif il-każijiet tal-Covid fl-Awstralja qed jiżdiedu.

Fi New South Wales, instabu 19,800 każ ġdid f’sebat ijiem sal-Ġimgħa.

L-ansjetà hija diffikultà ta’ kulħadd? – Lynn Aquilina

L-ansjetà hija diffikultà ta’ kulħadd? – Lynn Aquilina

Kelma li ilna nisimgħuha issa, u mill-Covid ‘l hawn donnha splodiet. X’inhu jiġri, il-ħajja saret tqila wisq biex ngħixuha jew aħna bħala bnedmin tlifna l-abbiltà kif niffaċċjaw u nikkumbattu l-istress?

Il-pandemija tal-Covid kixfet realtà li b’xi mod konna qed naħbuha tajjeb bl-aljenazzjoni tal-ħajja mgħaġla. Meta, imbagħad faqqgħet il-pandemija u kollox waqaf, sibna daharna mal-ħajt u kellna bilfors irridu u ma rridux, ngħixu ma’ dal-monstru tas-saħħa mentali.

Dan il-mostru, li jekk ma nagħtux kasu jattakkana bla ħniena u jiblagħna f’kemm ilni ngħidlek! La jħallina nirraġunaw b’mod razzjonali, moħħna jimtela’ b’ruxxmata ta’ ħsibijiet negattivi, li lanqas biss nibdew naqbdu art minn fejn ikunu ġejjin.

Fuq il-midja soċjali sirt naqra kummenti bħal, “illum aħjar tibqa’ b’wild wieħed għax biex tlaħħaq mal-piżijiet tal-ħajja.” Min jasal ikollu wild wieħed, għax donnha qed tidħol il-kultura li nagħżlu li jkollna kelb jew qattus għall-kumpanija u daqshekk.

Xi dnub u ħasra kbira ngħid jien, li l-ansjetà żejda, qed tisirqilna dak li hu sabiħ u jagħtina l-ferħ fil-ħajja! Qisu l-bniedem tant dera jgħix fl-istress u l-ansjetà li sar jikkuntenta ruħu billi baxxa l-istandards u l-aspettattivi ta’ ħajtu.

Meta ħa nqumu mir-raqda li ninsabu fiha, u kemm fuq livell personali u kemm fuq livell globali nindirizzaw din il-problema tas-saħħa mentali bis-serjetà?

Inħoss li l-ansjetà hi pandemija ikbar mill-Covid, li qed tinxtered aktar malajr u qed tħalli riperkussjonijiet li għalissa mhux jidhru, imma ‘l quddiem ħa naraw effetti gravi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Għalhekk hemm bżonn li naqbdu l-barri minn qrunu u nisimgħu lil ġisimna jkelllimna u jgħajjat permezz tal-ansjetà li tixref f’kull parti ta’ ġisimna biex jindikalna li għandu bżonn il-mistrieħ.

Tmut l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-età ta’ 119-il sena

Tmut l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-età ta’ 119-il sena

Tħabbret il-mewt ta’ Kane Tanaka, mara Ġappuniża ċċertifikata uffiċjalment bħala l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-età ta’ 119-il sena.

Mara li rnexxielha tegħleb il-kanċer darbtejn u għexet għadd kbir ta’ avvenimenti storiċi, għexet żewġ gwerer dinjija, l-influwenza Spanjola tal-1918, kif ukoll il-pandemija tal-Covid-19.

Kane Tanaka twieldet fl-1903, l-istess sena ta’ George Orwell, fi żmien meta l-Ġappun kien qed joħroġ bħala qawwa globali.

Iżżewġet seklu ilu, u kellha erbat itfal. Hija qattgħet l-aħħar snin ta’ ħajjitha f’dar tal-anzjani Ġappuniża. Il-familja tagħha qalet li Kane kienet iżżomm moħħha u ġisimha attivi.

Bil-mewt tagħha, l-ixjeħ persuna fid-dinja issa hija Lucile Randon, soru Franċiża ta’ 118-il sena.

Fis-sena tat-twelid tagħha wkoll, Theodore Roosevelt kien president tal-Istati Uniti u Edward VII kien ir-Re Brittaniku. Hija wkoll is-sena fejn kienet saret l-ewwel tellieqa tat-Tour de France.

Is-sena ta’ wara, ir-Russja marret għall-gwerra kontra l-Ġappun, u sofriet telfa kbira.

Tanaka kienet is-seba’ minn disa’ aħwa. Iżżewġet ta’ 19-il sena u mexxiet diversi negozji, inkluż ħanut tan-noodles.

Żewġha, li ma kinitx iltaqgħet miegħu qabel jum it-tieġ tagħhom, iġġieled fit-Tieni Gwerra Sino-Ġappuniża fl-1937 filwaqt li binha ġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija, u nżamm bħala priġunier mill-Unjoni Sovjetika.

Tanaka kellha tieħu sehem fit-torch relay fl-Olimpjadi ta’ Tokjo iżda l-pandemija tal-Covid żammitha milli tagħmel dan.

F’ċerimonja li rrikonoxxietha bħala l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-2019, qalet li kienet aktar ferħana milli qatt kienet.

L-aktar persuna li qatt għexet tibqa’ l-Franċiża Jeanne Louise Calment, li mietet fl-età ta’ 122 sena u 164 jum fl-1997.

Il-Ġappun għandu l-aktar popolazzjoni anzjana fid-dinja. Aktar minn kwart tas-soċjetà għandhom 65 sena jew aktar, bid-dieta, il-kura tas-saħħa, u l-fatt li ħafna anzjani jkomplu jaħdmu fl-aħħar snin tagħhom identifikati bħala raġunijiet wara l-ħajja twila li jgħixu.

Il-Bank Dinji jwissi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tista’ tikkawża katastrofi umana

Il-Bank Dinji jwissi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tista’ tikkawża katastrofi umana

Il-President tal-Bank Dinji David Malpass qal li d-dinja tista’ tiffaċċja katastrofi umana mill-kriżi tal-ikel ikkawżata mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Huwa qal li żidiet rekord fil-prezzijiet tal-ikel se jitfgħu mijiet ta’ miljuni ta’ nies fil-faqar u nutrizzjoni aktar baxxa, jekk il-kriżi tkompli.

Il-Bank Dinji jikkalkula li jista’ jkun hemm qabża kbira ta’ 37% fil-prezzijiet tal-ikel.

Dan jolqot l-aktar lill-foqra, li jieklu inqas u jkollhom inqas flus għal affarijiet oħra, bħall-edukazzjoni.

Huwa qal li hija tip ta’ kriżi inġusta, bħal ma kienet ukoll dik ikkawżata mill-Covid.

Żied jgħid li b’katastrofi umana, mhux biss tonqos in-nutrizzjoni imma ssir ukoll sfida politika għal gvernijiet li ma jistgħu jagħmlu xejn dwarha, ma kkawżawhiex huma u jaraw il-prezzijiet jogħlew.

Malpass qal li ż-żidiet fil-prezzijiet qed jaffettwa l-ikel ta’ kull tip, żjut, grains u aktar prodotti li huma magħmula mill-qamħ, għax jiżdied il-prezz tagħhom la ladarba l-prezz tal-qamħ jiżdied.

Huwa appella lill-pajjiżi biex ma jissussidjawx il-produzzjoni jew jillimitaw il-prezzijiet, minflok, huwa qal li l-enfasi għandha tkun fuq iż-żieda fil-provvisti madwar id-dinja ta’ fertilizzanti u ikel flimkien ma’ assistenza mmirata għall-ifqar nies.

Il-Kap tal-Bank Dinji wissa wkoll dwar kriżi oħra li tista’ tirriżulta mill-inkapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jħallsu d-djun pandemiċi kbar tagħhom, fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

Saħaq li dan huwa prospett reali ħafna, u qiegħed jiġri f’xi pajjiżi. Żied jgħid li ma jafux sakemm din il-kriżi tista’ teskala iżda 60% tal-ifqar pajjiżi bħalissa qiegħdin jew f’diffikultà ta’ dejn jew f’riskju għoli li jkunu f’dejn kbir.

Nisa tqal pożittivi għall-Covid jistgħu jkollhom persuna magħhom waqt it-twelid tat-tarbija

Nisa tqal pożittivi għall-Covid jistgħu jkollhom persuna magħhom waqt it-twelid tat-tarbija

Id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-isptar Mater Dei, b’effett immedjat, nisa tqal li jkunu pożittivi għall-Covid-19 se jitħallew ikollhom persuna magħhom waqt it-twelid tat-tarbija.

F’każ li s-sieħeb tal-omm ikun kwarantina mandatorja u ma jkollu l-ebda sintomi tal-Covid-19, se jitħalla wkoll ikun mal-omm waqt it-twelid tat-tarbija.

Enable Notifications OK No thanks