Select Page
Filmat: “Grata li int il-mamà tiegħi għax tagħmilli ħajti ferm aħjar. Inħobbok ħafna” – Nicole lil Debbie Scerri

Filmat: “Grata li int il-mamà tiegħi għax tagħmilli ħajti ferm aħjar. Inħobbok ħafna” – Nicole lil Debbie Scerri

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, nitkellmu ma’ Debbie Scerri u bintha Nicole

Debbie, x’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun omm?

Meta għamilt it-test kont id-dar waħdi. Ovvjament ċempilt lir-raġel imma ma stajtx inżomm l-aħbar għalija allura mort inħabbat lill-ġara u fraħna flimkien.

X’differenza għamlet fil-ħajja tiegħek Nicole? X’bidliet għamel f’ħajtek ir-rwol ta’ omm?

Differenza kbira għaliex filli inti u r-raġel u m’għandekx rabitiet imma mbagħad il-prijorità tkun it-tarbija, mhux inti. Allura trid tadatta ruħek għal dan. Però jekk wieħed jippjana sew xorta jista’ jagħmel affarijiet oħrajn għaliex id-dinja mhux se tieqaf. Bħala bidliet, kien hemm bidliet għas-sabiħ, fejn inti qiegħed tikber u tesperjenza affarijiet ġodda flimkien mat-tarbija tiegħek.

Liem mill-memorji ta’ meta Nicole kienet żgħira l-iktar li tgħożż?

Kull perjodu kien fih is-sabiħ tiegħu, iżda l-iktar mumenti speċjali huma meta Nicole kellha madwar 3 snin u hi kienet takkumpanjani fi spettakli barra minn Malta u anke titla’ miegħi fuq il-palk.

Kif tiddeskrivu r-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Tajba ħafna… apparti meta jkollna xi argument, imma malajr jgħaddielna! Naqblu f’ħafna affarijiet u nieħdu pjaċir bil-kumpanija ta’ xulxin.

Nicole, ġeneralment l-omm hija għażiża għal ħafna, iżda xi tfisser il-mamà għalik?

Il-mamà tfisser ħafna għalija. Hija persuna li dejjem uriet sapport lejja f’kull ħaġa li nagħmel u dejjem tinkoraġġini biex ma naqtax qalbi. Tispirani ħafna u vera nammiraha bħala persuna, inħobbha ħafna!

Kif tiddeskrivi l-karattru tal-mamà?

Il-mamà hija persuna dedikata ħafna f’dak li tagħmel. Hija persuna umli u dejjem iżżomm saqajha mal-art fi kwalunkwe sitwazzjoni. Dejjem tara l-aħjar fin-nies ta’ madwarha, iżda fl-istess ħin hija persuna onesta ħafna, għaliex jekk trid tgħid xi ħaġa mhux se tiddejjaq, allura nammira dik l-onestà fiha.

Bħala omm, stretta?

Ifhem, dejjem ikun hemm dawk il-mumenti fejn tkun daqsxejn stretta, partikolarment fejn jidħol it-tindif tad-dar. Iżda ma ngħidx li hija stretta għaliex issa kbirt ukoll u allura nirrispettaw lil xulxin u l-opinjonijiet ta’ xulxin bħala adulti.

Meta kont iżgħar, kien hemm xi darba fejn għamilt xi praspura u ddejjaqt tgħidilha?

Naħseb hemm żewġt ipraspuri li dejjem nibqa’ niftakar fejn vera iddejaqt ngħid lill-mamà. L-ewwel waħda kienet meta kelli xi 3 snin, qbadt il-kuluri u għamilt wiċċ kbir mal-ħajt, sempliċiment għax dejjaqni vojt! U t-tieni praspura kienet meta kelli madwar 9 snin, u l-mamà kienet twissini biex ma mmissx il-blade li tqaxxar biha, u jiena ta’ tifla kurjuża li kont qbadtha u għamilt linja dritta fuq saqajja. Allura tistgħu timmaġinaw kemm kont nidher tad-daħk bi strixxa lixxa bla suf f’nofs saqajja! Tgħidx kemm gergret miegħi meta ndunat!

Debbie, kif tiddeskrivi l-karattru ta’ Nicole?

Nicole hija persuna ferriħija u ottimista ħafna, altruista, u umli. Nicole tinkwieta ħafna għal ħaddieħor, speċjalment meta tara nies oħra qrib tagħha f’sitwazzjoni vulnerabbli u tagħmel minn kollox biex tgħinhom.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ li titranġa għall-aħjar mill-karattru ta’ xulxin?

Ħadd m’hu perfett, però aħna nħobbu l-karattru ta xulxin!

Kif ikun il-ħin ta’ kwalità ideali għalikom?

Xi spa day sabiħa, inkantaw flimkien u ġurnata fejn il-baħar ovvjament!

Nicole, fiex l-aktar li tispirak il-mamà?

Kemm hi reżiljenti u kemm tibqa’ għaddejja, speċjalment fil-mumenti diffiċli.

Hemm xi ħaġa li tħoss li tixbaħ lill-mamà fiha?

Naħseb hemm ħafna aspetti fejn aħna nixxiebħu ħafna, iżda ħaġa li hija evidenti hija kemm aħna sensittivi lejn l-emozzjonijiet ta’ ħaddieħor.

Debbie, hemm xi ħaġa li ħadt partikolarment mill-mamà tiegħek li tipprova tgħaddiha lil Nicole?

Ommi tħobb tgħin u jien inħobb ngħin bħala, u jiena naħseb li rnexxieli ngħaddiha lil Nicole għaliex hija wkoll tħobb tgħin.

Ritratt: Matthew Cutajar

Debbie, liema memorji tat-tfulija mal-mamà tiegħek l-aktar li tgħożż?

Konna nagħmlu ħafna affarijiet flimkien, iżda naħseb l-iktar ħaġa hija l-vjaġġ mill-Kanada għall-Malta, għaliex dan kien speċjali ħafna.

Għandkom passjoni komuni, il-mużika. Nicole, tħoss li l-fatt li l-mamà hija f’dan il-qasam għen biex tinbet l-imħabba lejn il-mużika?

Jiena minn dejjem niftakar li kien hemm inklinazzjoni kbira lejn il-mużika għaliex minn mindu kont żgħira d-dar dejjem bl-istereo mixgħul u kulħadd ikanta. Jiġifieri naħseb li iva, il-familja kif ukoll l-mamà nibtu l-imħabba tal-mużika ġo fija.

Għandkom il-ħsieb li xi darba tagħmlu kollaborazzjoni mużikali flimkien?

Dażgur, xi darba fil-futur mhux fil-bogħod!

Debbie, x’parir tagħti lil Nicole, mhux biss fejn tidħol mużika imma wkoll għall-ħidma tagħha biex tevolvi fil-passjonijiet tagħha?

Jiena dejjem inkoraġġejtha biex ma’ taqtax qalbha, u jekk tqassam il-ħin tajjeb jirnexxielha tagħmel dak kollu li tixtieq.

Fuq xiex targumentaw l-aktar?

Fuq it-tindif! Għaliex jiena nkun irrid nieħu l-ħin tiegħi biex innaddaf u l-mamà tkun trid kollox fil-ħin tagħha, u jekk ma nkunx żbarazzajt teqred ħafna!

Debbie, fuq xiex l-aktar li Nicole tagħmlek tant kburija biha?

Tagħmilni kburija f’ħafna affarijiet, fosthom il-mużika, partikolarment fl-istudji tagħha fis-settur tas-saħħa mentali.

Tħoss li hija importanti li l-ġenituri jkunu wkoll ħbieb ma’ wliedhom?

Iva, anzi hija importanti ħafna għaliex l-omm hija l-aktar ħabiba sinċiera, waħda li se tgħidlek l-verità u li tridlek il-ġid dejjem.

Liema kienet l-aktar esperjenza intensa li kellkom s’issa f’ħajjitkom?

Żgur li meta ħalliena l-papa tiegħi, li jiġi n-nannu ta’ Nicole. Huwa kien parti importanti fil-ħajja tiegħi, speċjalment is-sapport li wera lejn il-karriera tiegħi, u anke ħafna sapport u mħabba lejn Nicole. Ngħożżuh ħafna f’qalbna u dejjem niftakru fil-memorji sbieħ li kellna flimkien.

Skoprejna wkoll li Nicole vera tinqala fit-tisjir tal-ħelu… filwaqt li Debbie mhux daqshekk!

X’inhu għaddej bħalissa f’ħajjitkom? Hemm xi proġetti ppjanati għall-futur qarib?

Debbie: Hemm proġett għas-sajf li bħalissa qiegħda naħdem fuqu imma ma nista niżvela xejn għalissa!

Nicole: Min-naħa tiegħi bħalissa għaddejjin ħafna preparamenti, għaliex il-ġimgħa li għaddiet irbaħt il-konkors ta’ Miss Supranational Malta 2022 u b’hekk, se jkolli l-opportunità li nirrappreżenta lil Malta fil-Polonja f’Lulju li ġej!

Debbie, x’messaġġ tgħaddi lil Nicole?

Inħobbok ħafna, ibqa’ sejra kif inti għaliex aħna kburin ħafna bik u dejjem se ssibna warajk, kemm fis-sabiħ u kemm fid-diffikultajiet!

Messaġġ bħala sorpriża li Nicole għamlet għal ommha Debbie għall-okkażjoni ta’ Jum l-Omm

Mużika tas-snin 70 u 90 waqt The Entertainers nhar is-Sibt li ġej! – Min se jkunu l-mistednin?

Mużika tas-snin 70 u 90 waqt The Entertainers nhar is-Sibt li ġej! – Min se jkunu l-mistednin?

L-atturi Stephen Mifsud u Claire Marie Busuttil, il-kantanti Debbie Scerri, Chiara, Mikhail Attard u Kurt Anthony flimkien mal-attur veteran Mario Micallef se jkunu fost il-mistednin ewlenin fil-programm tas-Sibt li ġej ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li terġa’ tkun magħkom fuq Net TV nhar is-Sibt fit-20.30.

Bi preżentazzjoni ta’ Victorio Gauci, din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċenji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin sebgħin u s-snin disgħin.

Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettatri.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.

Suċċess bl-ewwel programm! – X’se naraw f’Sibtek li jmiss? Min se jkunu l-mistednin?

Suċċess bl-ewwel programm! – X’se naraw f’Sibtek li jmiss? Min se jkunu l-mistednin?

Wara l-ewwel Sibtek, ħafna tkellmu dwar is-set il-ġdid, il-format il-gdid u s-sorpriżi differenti li ħadd ma stenna!

Fit-tieni programm se naraw format ġdid ieħor ta’ Sibtek, din id-darba mimli kantanti popolari veterani li se jkunu qed ikantaw live ma’ Christian Arding. Kollha għandhom sorpriżi sbieħ. Hemm min se jkollu l-VIP House jew forsi xi ċajta għall-ewwel darba waqt Sibtek.

Il-mistednin għall-programm ta’ nhar is-Sibt 9 t’Ottubru se jkunu Mike Spiteri, Debbie Scerri, Leontine Spiteri u Mark Tonna. Xi ħadd minnhom se jgħaddi minn Blind date waqt Sibtek.

Sibtek, il-programm divertenti b’sorpriżi kbar li se jagħmel kumpanija lill-familja kollha aktar minn qatt qabel, għaliex din is-sena waqt Sibtek tistenna minn kollox!

Ryan u Josmar se jżommulna kumpanija assoluta, din id-darba b’ħin ġdid mill-12:15 ‘l quddiem.

Filmat: Jien mill-Ġdid – Kanzunetta ġdida minn Debbie Scerri

Filmat: Jien mill-Ġdid – Kanzunetta ġdida minn Debbie Scerri

Ftit tal-ħin ilu, il-kantanta Debbie nidiet kanzunetta ġdida b’kitba u kompożizzjoni ta’ Jason Xuereb, bl-isem ta’ Jien mill-Ġdid akkumpanjata minn vidjow mużikali.

Jien mill-Ġdid hija kanzunetta awtobijografika, fuq stil kemxejn semi-klassiku u ispirata minn elementi Mediterranji. Hija titratta fuq l-importanza li wieħed isib lilu nnifsu fil-vjaġġ tal-ħajja mimlija b’kull tip ta’ esperjenzi tajbin u dawk ta’ diżappunt.

Il-kanzunetta tibgħat messaġġ pożittiv u ta’ tama, li minn dawn l-esperjenzi nistgħu nikbru filwaqt li noħorġu elementi aktar b’saħħithom fina bħala individwi.

Is-silta ġiet irrekordjata u prodotta f’Tone Studios Malta, fuq arranġamenti mużikali ta’ Jason Xuereb u Andrew Zammit. Iċ-Ċellist huwa Stelios Pittas.

Il-vidjow ġie miġbud minn Victor Abela f’Robert Sammut Hall u l-Qrendi.

Ħajr lil:

Mro. Sigmund Mifsud, Michael Aquilina u l-artist Chris Ebejer.

Il-kanzunetta hija disponibbli wkoll fuq pjattaformi diġitali bħal Spotify, iTunes u Deezer, b’distribuzzjoni minn Capsounds, Germany.

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

Il-kantant Malti Kurt Anthony, huwa l-moħħ wara dan il-proġett. Kantanti popolari oħrajn se jingħaqdu miegħu dalwaqt għal kanzunetta leġġendarja li kienet ħarġet fis-snin tmenin mill-artisti internazzjonali bħal Michael Jackson, Tina Turner, Lionel Richie fost ohrajn.

Kurt jgħidilna, ”Kanzunetta li tfisser għaqda u imħabba.. Il-mużika hija katina b’saħħitha u din kienet opportunità biex ningħaqdu flimkien fl-iktar żmien diffiċli minkejja xi indifferenzi. Jien bniedem li minn ċkuniti ħabbejt ħafna l-kant u l-kantanti u fl-aħħar se jkolli xi ħaġa li tgħaqqadni ma’ dawn l-artisti li kont insegwi fuq it-televiżjoni mindu kont ċkejken. Artisti bħal Mike Spiteri, William Mangion, Claudia Faniello, Ludwig, Debbie u oħrajn. Meta ġejt biex nagħżel il-kantanti kollha kienet diffiċli. Kellimt ‘il fuq minn 30 artist lokali. Kulħadd wera interess imma minħabba d-dati li kienu ristretti ħafna kellna nagħmlu għażla u nżilna għal 20… Michela Galea, Claudia Faniello, Olivia Lewis, Debbie Scerri flimkien mat-tifla tagħha Nicole Vella, Mark Anthony Bartolo, Kevin Paul Calleja, Maria Luana, Gail Attard, Mark Spiteri Lucas, Gaia Cauchi, Mike Spiteri, William Mangion, Ludwig Galea, Laura Bruno, Nicole Frendo, Lisa Tabone, jien innifsi u finalment act ċkejkna li bħalissa tinsab fuq fomm kulħadd iżda ma nixtiqux niżvelawha għalissa.”

Kurt jgħidilna wkoll li sab ħafna appoġġ mill-artisti kollha li ipparteċipaw b’ mod speċjali minn Ludwig Galea li kkoordina l-vuċijiet u l-armoniji u Maria Luana li minkejja li tagħmel parti mill-‘cast’ idderiġiet il-filmat li se jitwassal lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-ġranet li ġejjin.

Jirringrazzja wkoll lil Dar il-Mediterran li tawhom lokazzjonijiet mill-isbaħ ghall-filmat kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li ta sapport kbir lil din l-idea.

Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed naqsmu dan il-proġett fuq skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks