Select Page
Manuel Cuschieri jgħid li ma kinitx deċiżjoni tiegħu li jitwaqqaf il-programm tiegħu fuq One Radio

Manuel Cuschieri jgħid li ma kinitx deċiżjoni tiegħu li jitwaqqaf il-programm tiegħu fuq One Radio

Manuel Cuschieri ħabbar fuq il-midja soċjali li l-programm tiegħu, Linja Diretta, fuq One Radio mhuwiex se jibqa’ jixxandar matul ix-xahar tas-sajf.

Filwaqt li qal li jinsab dejjem għad-dispożizzjoni tal-Partit Laburista, huwa qal li din ma kinitx deċiżjoni tiegħu u li hu kien ippreparat li jibqa’ jagħti s-servizz tiegħu.

– MHUX DECIZJONI TIEGHI…
– Ghadni kemm gejt infurmat li l-programm LINJA DIRETTA tal-Gimgha fuq ONE RADIO…
– Mhux se…

Posted by Emanuel Cuschieri on Friday, June 24, 2022

Aktar kmieni llum, Manuel Cuschieri rringrazzja lil kull min kellmu, fosthom nies tal-Partit Laburista, inklużi ministri u membri parlamentari Laburista.

Fl-istess post, huwa staqsa lin-nies x’jaħsbu dwar jekk għandux jagħmel programmi politiċi fuq stazzjonijiet oħra, u saħansitra jekk għandux jaċċetta possibbiltà ta’ programm ta’ ħames darbiet fil-ġimgħa.

– Grazzi hafna lilkom li kellimtuni l-bierah u dalghodu…
– Fosthom hafna u hafna nies tal-Partit li hu f’…

Posted by Emanuel Cuschieri on Saturday, June 25, 2022

Timmaġina lil Rob Lowe fil-parti ta’ McDreamy f’Grey’s Anatomy?

Timmaġina lil Rob Lowe fil-parti ta’ McDreamy f’Grey’s Anatomy?

F’intervista li kellu reċentement, l-attur ta’ 56 sena Rob Lowe jiżvela li ma jiddispjaċih xejn li rrifjuta li jinterpreta l-karattru ta’ Dr Derek Sheperd, magħruf bhala McDreamy, fis-sensiela Grey’s Anatomy.

Il-karattru ta’ McDreamy ġie interpretat mill-attur Patrick Dempsey. Karattru li dam għaddej mill-2005 sal-2015, u reċentement b’sorpriża għas-segwaċi tas-sensiela Grey’s Anatomy, reġa’ għamel dan il-karattru waqt il-premiere tas-17-il staġun, f’Novembru li għadda waqt waħda mill-ħolm ta’ Meredith Grey (Ellen Pompeo) waqt li kienet qed tiġġieled il-battalja kiefra tal-Covid-19.

L-attur Rob Lowe qal li kieku għamel dik il-parti hu ma kinitx tkun interessanti u tagħmel daqstant suċċess daqskemm kienet interpretata minn Patrick Dempsey. “Kieku kont jien, il-fans ma kinux isejħuli ‘McDreamy’, kienu jsejħuli Rob Lowe”, qal Lowe.

Minbarra l-ħsieb li Dempsey kien aktar adattat għall-parti, Lowe qal li jinsab grat li ħa dik id-deċiżjoni anki minħabba opportunitajiet oħra li aktar tard kellu u li seta’ jikkommetti ruħu għalihom, fosthom is-sensiela komika Parks and Recreation, li kienet tant importanti għall-karriera tiegħu.

“Tkun xi tkun id-deċiżjoni li tasal għaliha, jekk tasal għaliha minn intenzjonijiet tajba, qatt mhi ħażina” qal Lowe.

Bħalissa Rob Lowe qed jinterpreta l-karattru ta’ Owen Strand fis-sensiela 9-1-1: Lonestar, li hija spin-off tas-sensiela 9-1-1.

“Nixtiequ nkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor” – Il-familja Vella Galea

“Nixtiequ nkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor” – Il-familja Vella Galea

Nitkellmu ma’ Noel u Chris Vella Galea

Noel u Chris huma koppja miżżewġa u l-ġenituri ta’ Daniel, tifel li adottaw mill-Portugal sentejn ilu.

Ix-xewqa li jsiru ġenituri kienet minn dejjem, fil-fatt meta iddisinjaw it-tieni dar tagħhom kienu ippreparaw kamra apposta għat-tfal. Din kienet tqanqal mistoqsijiet minn min kien imur għandhom. Sikwit kienu jisimgħu “Mela intom xi darba ħa jkollkom it-tfal”.

Wara riċerka u konsiderazzjoni għall-isfidi li setgħu jiffaċċjaw fil-futur, ħadu d-deċiżjoni finali, dik li jagħmlu kuntatt ma’ aġenzija tal-adozzjoni u jibdew il-proċess. Bħal kull adozzjoni oħra, il-proċess ikun ftit fit-tul u diffiċli iżda Noel u Chris jistqarru li sabu kooperazzjoni u sapport kbir kemm mill-aġenzija tal-adozzjoni, social worker u l-psikologu, minkejja li din kienet l-ewwel darba tagħhom li kienu qed jittrattaw sitwazzjoni ta’ koppja tal-istess sess. Wara dan il-proċess huma ġew approvati bħala ġenituri prospettivi li jistgħu jadottaw, mill-bord tal-adozzjoni ta’ Malta. Minn hemm beda t-tieni pass, fejn raw profili ta’ tfal li huma għall-adozzjoni, sakemm finalment ġibed l-attenzjoni tagħhom b’mod partikolari wieħed minnhom, u dan kien Daniel.

Ritratt meħud minn My Lens Photography

Għaddew ġimgħat qabel ma Noel u Chris kellhom il-konferma li se jkunu l-ġenituri ta’ Daniel. L-istennija kienet waħda twila iżda qatt ma qatgħu qalbhom. Jiddeskrivu dik il-ġurnata li saru jafu li jistgħu jadottaw lil Daniel bħala waħda importanti ħafna f’ħajjithom. “Dak il-ħin infqajt nibki bil-ferħ u nirringrazzja lill-Mulej li Daniel ħa jkun tagħna” jgħidilna Noel.

L-awtoritajiet qalulhom ukoll li d-dar fejn kien jgħix Daniel kienet se tagħlaq u allura għamlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jilħqu jmorru qabel id-data tal-għeluq sabiex it-tifel ma jgħaddix minn trawma oħra.

Jiddeskrivu l-mument li ltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Daniel l-istess sensazzjoni bħal meta koppja tħaddan f’idejha l-ewwel wild tagħha. Il-proċess minn meta bdew sakemm finalment marru għal Daniel dam 9 xhur. Jispjegaw kif minkejja li qatt ma kienu raw lil xulxin personali, ħlief minn fuq ritratti u vidjos, ir-rabta ta’ bejniethom bdiet tinbet mill-ewwel ġurnata li ħaddnuh magħhom. “Niftakar waqt li kont qed ngħannqu għall-ewwel darba, f’qalbi għidtlu “ibni, daqshekk ħa tibqa’ waħdek fid-dlam tal-ħajja”. It-tifel kien diġà rabatna ma’ qalbu għaliex fl-aħħar sab dak li xtaq, imħabba, fiduċja u sigurtà.

Il-ġurnata ta’ din il-familja tibda minn kmieni filgħodu. Il-ħtiġijiet tad-dar kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-trobbija ta’ Daniel jinqasmu bejn it-tnejn. M’hemmx irwol speċifiku, bħala ġenituri jaraw li jkunu preżenti t-tnejn ugwalment f’dak kollu li jkun hemm bżonn.

Ritratt meħud minn My Lens Photography

Huma ħafna li għandhom l-opinjoni li tfal li jiġu adottati minn koppji tal-istess sess ikollhom aktar ċans li jiġu bullied. Madanakollu, Noel u Chris jgħidulna li dan mhuwiex il-każ għal Daniel għaliex sal-ġurnata tal-lum qatt ma kellhom problemi ta’ bullying.

Huma jemmnu li l-bullying jista’ jgħaddi minnu kulħadd u f’sitwazzjonijiet differenti mhux biss f’każ ta’ ġenituri tal-istess sess imma anki dawk li jkunu ġejjin minn sfond partikolari.

Jisħqu li minkejja li huma qatt ma sabu l-ebda resistenza minn kapijiet tal-iskola, tal-Knisja u oħrajn imma jħossu li hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza kemm fuq żwieġ u anki adozzjoni minn persuni ta’ persuni tal-istess sess. Jemmnu li l-edukazzjoni hi essenzjali fil-mentalità tal-individwu u għal daqstant l-edukazzjoni għandha tibda mid-dar u minn età żgħira. Il-ġenituri għandhom jgħallmu lill-uliedhom biex jaċċettaw lil kulħadd.

Kien proprju għalhekk li Noel u Chris iddeċiedew li joħolqu l-paġna tagħhom fuq Facebook, TWOPAPASMALTA, u anki jkunu involuti fil-midja sabiex jgħinu u jqajmu kuxjenza bl-esperjenzi tagħhom stess. Ir-rispons li jirċievu huwa wieħed pożittiv ħafna, iżda jkun hemm ukoll dak negattiv li juri kemm għad fadal x’naqdfu bħala soċjetà.

“Bħala progress sar ħafna matul dawn l-aħħar snin però għad fadal xi jsir fejn jidħlu reliġjon, edukazzjoni, u politika. Huma ħafna li jħaltu r-reliġjon mas-sesswalità tal-persuna, jew għax tkun omosesswali tista’ tabbuża mit-tfal, jew għax it-tfal jistgħu jitilgħu omosesswali peress li jkunu fi preżenza ta’ ġenituri tal-istess orjentazzjoni sesswali. Dan assolutament mhux minnu. Is-sesswalità titwieled biha u mhux taqlibha kif trid” jgħidulna l-koppja.

Għalkemm diġà esprimew li min-naħa tal-knisja ma kellhom l-ebda problema iżda jħossu li fadal ħafna xi jsir sabiex familja tal-istess sess jiġu verament rikonoxxuti. Jaraw l-aħħar stqarrija tal-Papa f’dan ir-rigward bħala xi ħaġa pożittiva u li tagħti tama.

Noel u Chris jenfasizzaw magħna li lil Daniel spiss isemmulu l-ġenituri bijoloġiċi tiegħu għaliex minkejja kollox, bl-ebda mod ma jridu li tinbet ċerta rabja għalihom min-naħa tiegħu.

Minkejja li kien proċess ta’ taqtigħ il-qalb, Noel u Chris iħeġġu lil dawk li jixtiequ jadottaw biex ma jaqtgħu qalbhom qatt, għaliex wara dak kollu, illum jinsabu kuntenti li rnexxilhom jagħtu dar, familja, imħabba, edukazzjoni u futur sabiħ lit-tifel tagħhom, tant li lesti jerġgħu jgħaddu minn proċess ieħor ta’ adozzjoni għal darb’oħra.

Bla dubju, il-koppja Noel u Chris Vella Galea ġibdu ammirazzjoni kbira lejhom mhux għall-fatt li adottaw tifel li jfisser id-dinja għalihom imma għar-raġuni li qed jaqsmu l-esperjenza tagħhom pubblikament minkejja li għad hawn ċerta stigma fejn jidħlu familji b’ġenituri tal-istess sess. Fil-fatt huma jappoġġjaw ukoll numru ta’ studenti li qed jagħmlu studji universitarji jew MCAST, fuq familji LGBTIQ. Ikunu parti mir-riċerka tagħhom.

Dan jagħtihom sodisfazzjon kbir għaliex fl-istess waqt jgħinhom jilħqu l-għan ewlieni tagħhom, dak li jqajmu kuxjenza u jkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor.

Il-ħajja ta’ din il-familja twassal messaġġ wieħed u dan hu li d-definizzjoni ta’ familja hija biss imħabba, rispett u sigurtà.

Enable Notifications OK No thanks