Select Page
Johnny Depp b’dehra kompletament differenti!

Johnny Depp b’dehra kompletament differenti!

Johnny Depp kważi ma jintgħarafx wara li qaxxar il-mustaċċi u d-daqna famuża tiegħu li kien ilu bihom għexieren ta’ snin!

L-attur ta’ Hollywood, ta’ 59 sena, żvela d-dehra ġdida tiegħu waqt tour mal-mużiċist u ħabib tiegħu, Jeff Beck, wara gig li kellhom fi New York.

L-istilla ta’ The Pirates of the Caribbean deher ferm differenti mid-dehriet tiegħu fl-awla ftit tax-xhur ilu waqt li kien qed jinstema’ l-każ ta’ malafama tiegħu kontra l-eks mara tiegħu Amber Heard.

Id-dehra l-ġdida tiegħu ġiet wara li ħarġet l-aħbar li l-każ ta’ bejnu u bejn Heard se jkun is-suġġett ta’ film ġdid li għandu joħroġ fi ftit ġimgħat oħra!

X’taħseb dwar id-dehra ta’ din il-Madonna?!

X’taħseb dwar id-dehra ta’ din il-Madonna?!

Fost diversi stampi li jittellgħu ta’ kuljum fuq il-midja soċjali, uħud jispikkaw aktar minn oħrajn għal xi raġuni jew oħra.

Uħud isostnu li ħafna drabi l-midja soċjali tippromwovi stampa li mhix realistika, kemm fejn jidħlu aspetti ta’ kif wieħed għandu jgħix ħajtu kif ukoll fejn tidħol apparenza fiżika.

Iltqajna ma’ dan ir-ritratt, li għalkemm anke għal dawk li jemmnu, id-dehra dettaljata tal-Madonna hija xi ftit jew wisq misterjuża, juri xbieha tal-Madonna li forsi wieħed jista’ jargumenta li mhix daqstant realistika.

Dan għaliex wieħed jista’ jinnota li wiċċ il-Madonna hu ferm differenti milli mdorrijin naraw is-soltu.

Int x’taħseb dwar dan?

Ir-Reġina Eliżabetta II tagħlaq 96 sena

Ir-Reġina Eliżabetta II tagħlaq 96 sena

Ir-Reġina Eliżabetta II se tiċċelebra għeluq is-96 sena llum il-21 t’April f’Sandringham.

Hija vvjaġġat bil-ħelikopter lejn il-proprjetà tagħha ta’ Norfolk, fejn hemmhekk se jingħaqdu magħha familjari u ħbieb.

Mistennija toqgħod f’cottage fil-proprjetà li kienet togħġob b’mod partikolari lil żewġha, il-Prinċep Philip.

Ritratt biex jimmarka għeluq sninha, juri lir-Reġina b’żewġ ponijiet u jirrifletti l-interess li dejjem kellha fiż-żwiemel.

Ir-ritratt ittieħed fil-Kastell ta’ Windsor, fejn issa qed toqgħod l-aktar ir-Reġina. Il-ponijiet li jidhru mar-Reġina se jkunu fir-Royal Windsor Horse Show li ġej.

Ir-Reġina kienet Sandringham aktar kmieni din is-sena meta mmarkat għeluq is-70 sena tagħha fit-tmexxija Rjali tagħha.

Twieldet fl-1926, mhux f’residenza rjali, iżda f’townhouse f’Londra fi triq Bruton, fejn l-ewwel għexet ma’ missierha u ommha, li saru r-Re Ġorġ VI u r-Reġina Eliżabetta.

Ir-Reġina kellha problemi ta’ mobilità f’dawn l-aħħar xhur u kellha titlef għadd ta’ avvenimenti, fosthom ċerimonji fil-knisja matul l-Għid.

L-unika dehra pubblika tagħha din is-sena, barra mir-residenza tagħha stess jew fuq filmat, kienet fis-servizz tat-Thanksgiving għall-Prinċep Philip f’Webminster Abbey.

Putin jiddikjara li se jkompli l-invażjoni sakemm jintlaħqu l-għanijiet “nobbli”

Putin jiddikjara li se jkompli l-invażjoni sakemm jintlaħqu l-għanijiet “nobbli”

Il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li se jkompli l-invażjoni fl-Ukrajna sakemm jintlaħqu l-għanijiet “nobbli” ta’ pajjiżu.

F’dehra pubblika, huwa qal li t-taħdidiet ta’ paċi ma wasslu għall-ebda ftehim u saħaq li l-invażjoni, li tinsab fis-sitt ġimgħa tagħha, sejra kif ippjanat.

Dawn kienu l-ewwel kummenti ta’ Putin dwar il-kunflitt f’aktar minn ġimgħa, għaliex b’kuntrast mal-bidu tal-gwerra, reċentement huwa żamm lura milli jikkummenta dwar l-invażjoni.

Huwa qal dan waqt li kien qed iżur faċilità spazjali fil-Lvant tar-Russja mal-mexxej tal-Belarussja Alexander Lukashenko, wieħed mill-eqreb alleati tiegħu, biex jimmarka l-61 anniversarju minn meta Yuri Gagarin sar l-ewwel bniedem li vvjaġġa fl-ispazju.

Madanakollu, uffiċjal Ukren qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li n-negozjati huma diffiċli iżda għadhom għaddejjin.

Il-mexxej Russu sostna li ma kellux għażla oħra ħlief li jordna l-invażjoni biex jipproteġi lill-kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna.

Sostna li l-Ukrajna wettqet ġenoċidju kontra kelliema Russi fil-Lvant tal-Ukrajna, iżda m’hemm l-ebda evidenza li tappoġġja dan.

Qlub Imwennsa (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Qlub Imwennsa (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Toni……” beda jgemgem waħdu hekk kif ħaffef mal-liwja tat-triq u wasal eżatt quddiem il-bank fejn kienu jiltaqgħu ta’ kull sena.
Ta’ kull sena.
Kienu ltaqgħu xi għaxar snin ilu.
Dakinhar, Karistu kien qed jibki xortih fuq il-bank li kien biswit daru, eżatt quddiem il-gabbana, bil-veduta tal-baħar, taħt siġra kbira tar-rummien. Fil-bidu, eżatt għaxar snin ilu, lanqas biss kien induna bih.
“Antonio Galea Sciortino jisimni,” kien qallu l-ġentlom li kien poġġa ħdejh snin ilu.
“Jien Karistu,” kien wieġbu b’leħen maħnuq. Dakinhar kien jiftakar li kellu ġuħ ta’ kelb. Kieku sab xi ħaġa f’xi tank taż-żibel żgur kien iniżżilha wkoll!
“Tista’ ssejjaħli Toni…..”
Dak il-ħin kien ħares f’għajnejh għall-ewwel darba. Għalkemm kien raġel liebes ilbies sabiħ, xagħru ppettnat b’mod perfett u kellu l-fwieħa kważi tistordik, Karistu kien ħa grazzja miegħu. U mid-dehra anke Antonio Galea Sciortino, jew insomma Toni! Għax kien qed jitbissimlu u jiggustah!
“Fejn toqgħod?” kien staqsih.
“Hawn wara. Żewġt ikmamar se jaqgħu. Waħdi. Jien noqgħod waħdi. Familja m’għandix. Flus lanqas.”
“Ejja miegħi. Il-familja tiegħi ma jiġux bħal dalgħodu. Nieklu ikla flimkien f’ristorant tajjeb!”
Għajnejn Karistu kienu xegħlu aktar mid-dawl li kien jarmi l-fanal tal-Għasri fi żmienu!
Pinu, li kien ibiegħ fil-gabbana, kien jiftaħ bħal lum ukoll. Kull nhar l-ewwel tas-sena filgħodu kien jiftaħ, iħabbru r-rebbieħ tal-lotterija l-kbira u jerġa’ jagħlaq minnufih ħalli jkompli mal-familja. Karistu tista’ tgħid, kull sena kien jiġbor xi ħaġa tal-flus għal biljett, bit-tama li jirbaħha hu. Kieku jirbaħ dik iċ-ċifra, kieku żgur kien jgħix komdu! Iżda b’xorti ħażina, Karistu qatt ma kien rebaħha. Dik is-sena li kienu ltaqgħu Toni u Karistu flimkien, Pinu kien ħassu sorpriż hekk kif rahom iqumu minn fuq il-bank u jitilqu flimkien. L-għada kien sar jaf illi milli jidher, dik is-sena Karistu kien kiel xi ikla kbira minn fuq dahar Toni!
“Hekk trid!” kien qallu.
Imma issa kien drahom. Kienu jiltaqgħu kull filgħodu, kull nhar l-ewwel tas-sena. Toni u Karistu.
Is-sinjur u l-fqir kienu jsejħulhom. Kulħadd kien jiggustahom u kienu saru s-sensazzjoni tar-raħal!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications OK No thanks