Select Page
Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

Il-WHO tgħid li fix-xahrejn li ġejjin aktar minn nofs l-Ewropej se jkunu infettati bl-Omicron

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li aktar minn nofs in-nies fl-Ewropa se jkunu infettati bil-varjant Omicron fix-xahrejn li ġejjin jekk l-infezzjonijiet ikomplu bir-rata attwali.

Waqt konferenza stampa, id-direttur reġjonali Hans Kluge wissa li l-varjant Omicron qed jirrappreżenta mewġa oħra mill-punent għal-lvant madwar ir-reġjun Ewropew.

Huwa qal li b’din ir-rata, qed jiġi mbassar li aktar minn 50 fil-mija tal-popolazzjoni fir-reġjun se tkun infettata bl-Omicron fis-6 sa 8 ġimgħat li ġejjin.

Ir-reġjun Ewropew tal-WHO jinkludi 53 pajjiż u territorju inklużi diversi fl-Asja Ċentrali. Kluge qal li 50 minnhom irrappurtaw każijiet tal-varjant Omicron.

Skont il-WHO, 26 minn dawk il-pajjiżi irrappurtaw li aktar minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni tagħhom kienu qed jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 kull ġimgħa, u li aktar minn seba’ miljun każ ġdid ġew irrappurtati fl-ewwel ġimgħa tal-2022 fir-reġjun.

B’referenza għad-dejta miġbura matul l-aħħar ftit ġimgħat, Kluge qal li l-varjant ġie kkonfermat li huwa aktar trażmissibbli u l-mutazzjonijiet li għandu jippermettulu jaderixxi maċ-ċelloli umani b’mod aktar faċli, u jista’ jinfettaw anke lil dawk li jkunu ġew infettati jew imlaqqma qabel.

Madankollu, Kluge saħaq ukoll li l-vaċċini approvati jkomplu jipprovdu protezzjoni tajba kontra mard sever u mewt, inkluż għall-Omicron.

Minkejja rapporti ta’ numru kbir ta’ każijiet mingħajr sintomi u proporzjon aktar baxx ta’ dħul fl-isptarijiet għal każijiet tal-Omicron, il-WHO qalet li għadu kmieni wisq biex il-virus jitqies bħala wieħed endemiku, jiġifieri virus ħafif li jaqbdek regolarment bħall-influwenza.

Omicron irrapurtat f’57 pajjiż – Il-WHO tgħid li x’aktarx jiżdiedu n-nies fl-isptarijiet

Omicron irrapurtat f’57 pajjiż – Il-WHO tgħid li x’aktarx jiżdiedu n-nies fl-isptarijiet

Il-varjant Omicron ġie rrappurtat f’57 nazzjon u n-numru ta’ persuni li jeħtieġu l-isptar x’aktarx li jiżdied hekk kif ikompli jinfirex, qalet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Fir-rapport epidemjoloġiku tagħha ta’ kull ġimgħa, il-WHO qalet li kienet meħtieġa aktar dejta biex tiġi vvalutata s-severità tal-mard ikkawżat mill-varjant Omicron u jekk il-mutazzjonijiet tiegħu jistgħux inaqqsu l-protezzjoni mill-immunità tal-vaċċin.

Il-WHO qalet li anki jekk is-severità tkun ugwali jew potenzjalment saħansitra inqas minn dik tal-varjant Delta, huwa mistenni li n-nies fl-isptarijiet jiżdiedu jekk aktar nies jiġu infettati u x’aktarx żieda wkoll fl-imwiet.

Fis-26 ta’ Novembru, il-WHO ddikjarat il-varjant Omicron, li nstab għall-ewwel darba fin-nofsinhar tal-Afrika, bħala varjant ta’ tħassib.

Il-Vaċċin tal-Covid-19 jaffettwa l-period u t-tqala? – Twieġeb il-Ġinekologa Chiara Frendo Balzan

Il-Vaċċin tal-Covid-19 jaffettwa l-period u t-tqala? – Twieġeb il-Ġinekologa Chiara Frendo Balzan

Riċentement waslulna diversi mistoqsijiet u tħassib dwar bidliet fil-period wara t-teħid tal-vaċċin tal-Covid-19. Il-Ġinekologa residenti ta’ Willingness Team u Sex Clinic Malta, Chiara Frendo Balzan, wieġbet xi mistoqsijiet li bosta qed jistaqsu ta’ spiss bħalissa sabiex tappoġġja lil dawk li huma inkwetati. Hija indirizzat ukoll mistoqsijiet fir-rigward tat-tqala.

Huwa normali li l-period tiegħi kien tard / kmieni / jiġi aktar ‘heavy’?

Ħafna pazjenti esperjenzaw period tard. Il-vaċċin tal-covid-19 joħloq rispons ta’ stress enormi fil-ġisem sabiex jipproduċi ‘antibodies’. Peress li l-ġisem jinsab taħt ammont sinifikanti ta’ stress, qed naraw żbilanċ fl-ormoni. Dan jista’ jirriżulta f’period tard, period mitluf, period kmieni u period b’aktar uġigħ.

Aktar informazzjoni dwar dan jista’ jinstab fuq il-vidjow t’hawn taħt:

@dating101malta

Il-vaċċin tal-covid u l-period! #foryou #fyp #dating101 #educationtiktok sexualhealthmalta sexualhealthmalta #sexclinicmalta sexed #malta

♬ original sound – Sex Clinic Malta

Tista’ tieħu l-vaċċin jekk tkun bil-period?

Iva tista’ tieħu l-vaċċin jekk tkun bil-period. Jista’ jkun li l-period tiegħek jieqaf jew jiġi aktar ‘heavy’. Jista’ jkun ukoll li ma tinnota l-ebda bidla, tvarja minn persuna għal oħra. Jaf tara differenza fil-period li jmiss kif diskuss fl-ewwel mistoqsija.

Jien nieħu l-pill. Il-vaċċin se jaffettwa l-period tiegħi? Hemm riskju ta’ trombożi?

Il-pazjenti ndunaw bidliet fiċ-ċiklu mestrwali tagħhom, anke jekk huma fuq il-pill, dan minħabba l-istress f’daqqa mqiegħed fuq il-ġisem.

Fejn jidħol ir-riskju ta’ trombożi, dejjem hemm riskju ogħla ta’ trombożi f’nisa li jieħdu l-pill kontra dawk li ma jiħdux il-pill. Nirrakkomanda li ma twaqqafx il-pill, dan għaliex meta terġa’ tibda l-pill tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’riskju akbar ta’ trombożi. Nirrakkomanda li tibqa’ tixrob biżżejjed ilma u tibqa’ mmobilizzata.

Tista’ tieħu l-vaċċin jekk inti tqila? X’tista’ tgħidilna dwar it-treddigħ?

Bħalissa f’Malta mhux rakkomandat li tieħu l-vaċċin jekk inti tqila, għalkemm pajjiżi oħra bdew ilaqqmu n-nisa tqal. Jekk inti tqila tkun imlaqqma wara t-tqala. Inħeġġiġkom biex tkunu konxji ta’ dawn il-bidliet normali u mistennija fiċ-ċiklu mestrwali.

Sa fejn nafu aħna l-vaċċin huwa sikur għat-treddigħ għax ma jasalx għand it-tarbija tiegħek. Ir-rispons immuni isir biss fil-ġisem tal-omm.

Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tipprova toħroġ tqila?

Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tipprova toħroġ tqila. S’issa r-riċerka tindika li l-vaċċin ma jaffettwax il-fertilità; madankollu m’għandniex dejta fit-tul dwar dan f’Malta.

Tista’ tieħu l-vaċċin jekk qed tieħu trattament bl-IVF?

Pazjenti li jkunu għaddejjin minn trattament tal-IVF jew li jkunu sejrin jagħmlu trattament għadhom irrakkomandati li jieħdu l-vaċċin. Huwa iktar sikur għalik li jkollok effetti sekondarji tal-vaċċin milli jkollok effetti imprevedibbli tal-Covid-19 jekk jaqbdek, li jista’ jirriżulta f’kumplikazzjonijiet fil-fertilità.

Vaċċini differenti għandhom effetti sekondarji differenti fuq il-ġisem, jew riskji għal persuni tqal?

Skont id-dejta emerġenti minn jum għal jum, il-vaċċini differenti huma kollha simili fir-rispons immuni tagħhom.

Kif inżomm lili nnifsi milli ninkwieta?

Jekk il-bidliet fil-period tiegħek jippersistu wara xahar jew tnejn, allura l-aħjar huwa li tkellem lill-ġinekologu/a tiegħek.

Bħal kull mediċina ġdida li tieħu, il-vaċċin huwa l-istess, jekk tbati minn effetti sekondarji tista’ tkellem lit-tabib tiegħek għal parir u huwa importanti li tirrapporta effetti sekondarji u għalhekk jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar testijiet.

It-tilqim huwa għażla tiegħek. L-għan ta’ dan l-artiklu huwa li jgħinek fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħek. Huwa veru li dan mhuwiex vaċċin ippruvat bħal vaċċini tradizzjonali li ilhom jeżistu għal bosta snin, iżda t-teknoloġija li juża l-vaċċin ilha teżisti għal żmien pjuttost twil u tintuża f’modalitajiet oħra ta’ trattament fil-mediċina u hija meqjusa bħala trattament sikur.

N.B. Dawn it-tweġibiet huma korretti fl-14.06.2021 fid-9:00, u huma soġġetti għal aġġornamenti.

Dr Chiara Frendo Balzan hija tabiba tal-Ġinekoloġija u s-Saħħa tan-Nisa fi ħdan it-Tim ta’ Willingness Team u Sex Clinic Malta. Flimkien mal-Ostetriċja u l-Ġinekoloġija hija speċjalizzata fil-qasam tal-kontraċezzjoni, l-ippjanar tal-familja u s-saħħa riproduttiva.

Enable Notifications    OK No thanks