Select Page
“Inħossni mbierka li għandi lilek bħala binti, għamiltni persuna aħjar” – Omm Francesca

“Inħossni mbierka li għandi lilek bħala binti, għamiltni persuna aħjar” – Omm Francesca

Illum huwa jum speċjali għall-mudella ċkejkna li serqet tant qlub, Francesca Rausi.

Dan għaliex proprju llum, Francesca, it-tifla li għalkemm għadha żgħira, mhux biss qed tikseb is-suċċessi tagħha lokalment u internazzjonalment, iżda twassal messaġġ kuljum bil-mod ta’ kif tgħix ħajjitha u tagħmel dak li tħobb, tagħlaq 7 snin!

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, ommha, Michelle Rausi, wasslitilha messaġġ mill-isbaħ li jirrifletti l-imħabba u s-sapport li Francesca tirċievi mingħand il-ġenituri tagħha.

Xi vjaġġ sabiħ dan! Inħossni mbierka li għandi lilek bħala binti, għamiltni persuna aħjar.

Hija fakkret lil Francesca li se tkun dejjem warajha biex taraha twettaq il-ħolm tagħha, “u sal-aħħar nifs ta’ ħajti, se naħdem biex inbiddel id-dinja għalik. Insomma, ma naħsibx li se tħallini, għax dan diġà qed tagħmlu int!”

Ibqa’ kif int pupa. Int kapaċi tibdel l-iljieli f’għodwiet sbieħ. Inħobbok b’qalbi kollha. Il-mamà u l-papà.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Francesca l-isbaħ xewqat f’jum għeluq sninha u ħafna aktar suċċessi f’dak kollu li tħobb tagħmel!

Bernard Grech jippreżenta l-espressjoni ta’ interess għall-kariga ta’ Kap tal-PN

Bernard Grech jippreżenta l-espressjoni ta’ interess għall-kariga ta’ Kap tal-PN

Wara li nhar il-Ħadd li għadda beda l-proċess sabiex il-Partit Nazzjonalista jeleġġi l-kap tiegħu, aktar kmieni llum, Bernard Grech issottometta l-espressjoni ta’ interess għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech.

Dan qed jiġri għaliex skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, meta jkun hemm telfa, trid issir elezzjoni mill-ġdid, miftuħa u trasparenti, għall-kariga ta’ kap.

L-istadji ta’ dan il-proċess huma tlieta. L-ewwel ikun hemm id-dikjarazzjoni ta’ interess ta’ dawk il-persuni li jkunu jridu jitfgħu n-nomina tagħhom għal din il-kariga. Imbagħad wara jsir il-proċess ta’ due diligence fejn in-nominazzjonijiet ikunu approvati mill-Kummissjoni Kandidati. U fl-aħħar stadju, jinfetħu n-nomini.

Skont l-istatut, f’każ ta’ kandidat wieħed, il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali, f’każ ta’ żewġ kandidati l-vot jittieħed fil-Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati, u f’każ ta’ tliet kandidati jew aktar l-ewwel jittieħed vot fil-Kunsill Ġenerali, sabiex l-aktar żewġ kandidati li jġibu voti imbagħad jitressqu għal vot quddiem il-Konvenzjoni Ġenerali. L-istadju tad-dikarazzjoni ta’ interess jibqa’ miftuħ sas-Sibt 30 ta’ April.

Bernard Grech qal li se jkun qed jagħmel dan b’determinazzjoni li jerġa’ jġib lill-Partit Nazzjonalista wieħed rebbieħ u katalist tal-bidla f’dan il-pajjiż.

“Dan nistgħu nagħmluh biss bid-deċiżjonijiet li nistgħu nieħdu lkoll flimkien.”

Bernard Grech

Filmat: Titnieda l-kanzunetta uffiċjali tal-iSpecial Olympics

Filmat: Titnieda l-kanzunetta uffiċjali tal-iSpecial Olympics

Hekk kif pajjiżna jinsab fuq l-għatba biex jospita l-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022, tnediet il-kanzunetta uffiċjali bl-isem ta’ Going for Gold, mill-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela.

Il-kanzunetta, b’kitba ta’ Ira Losco u ta’ Howard Keith, u kantata minn Ira Losco nnifisha, titkellem dwar id-determinazzjoni ta’ kull atleta biex mhux biss jasal fil-ħajja personali tiegħu iżda anke fix-xena sportiva. Iktar minn hekk, twassal messaġġ favur l-abbiltajiet ta’ kulħadd.

Ritratt: Omar Camilleri

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Lydia Abela qalet li dawn il-logħob huma ċelebrazzjoni tal-ħiliet ta’ kulħadd. Iktar minn kollox, hija ċelebrazzjoni tal-mod kif l-atleti u l-familji tagħhom jirnexxilhom jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom ta’ kuljum u jiffukaw fuq l-abbiltajiet tagħhom.

“Il-mużika hija waħda mill-għodod l-iktar effettivi biex messaġġ jasal b’mod pożittiv u effettiv u m’hemmx dubju li din id-diska tilħaq dan l-għan”, saħqet Dr Abela.

Min-naħa tagħha, il-kantanta Ira Losco għaddiet messaġġ ta’ pożittività lill-atleti u saħqet li huma mhumiex biss il-protagonisti ta’ dan il-vidjow mużikali iżda wkoll il-protagonisti waqt l-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022 li se jsiru f’pajjiżna bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju li ġej.

Fil-fatt, f’dawn id-dati se jkun hawn mal-1,000 atleta minn 23 pajjiż differenti li se jikkompetu f’sitt dixxiplini sportivi. Dr Abela ħeġġet lill-poplu Malti biex ikun wara dawn l-atleti u joffri l-appoġġ tiegħu, speċjalment lill-kontinġent Malti. Qalet li l-isport, li huwa mod effettiv li jassigura ħajja sana u b’saħħitha, se jkun qed jgħaqqad lill-atleti kollha f’pajjiżna u joffrilhom esperjenza tad-deheb kif jixirqilhom.

Fi tmiem il-konferenza, il-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, ippreżentat midalja tad-deheb lil Ira Losco bħala sinjal ta’ apprezzament lejha u għall-involviment tagħha f’dawn il-logħob.

Il-Papa Franġisku jwiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali wara l-aħħar rapporti li ħarġu

Il-Papa Franġisku jwiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali wara l-aħħar rapporti li ħarġu

Il-Papa Franġisku wiegħed ġustizzja għall-vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-Knisja Kattolika wara li rapporti żvelaw li l-Papa Emeritus Benedittu XVI naqas milli jaġixxi f’erba’ każi ta’ abbuż meta kien Arċisqof ta’ Munich, il-Ġermanja.

Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-membri tal-uffiċċju tal-Vatikan li jieħu ħsieb każijiet ta’ abbuż sesswali.

Fid-diskors tiegħu, il-Papa ma semmiex dak li ġie żvelat mir-rapport dwar kif l-arċidjoċesi ta’ Munich trattat każijiet ta’ abbuż mill-1945 u l-2019, iżda qal li l-knisja qed tkompli tiddixxerni t-triq ‘il quddiem fl-iskandlu tal-abbuż, li skredita lill-ġerarkija Kattolika fil-Vatikan u madwar id-dinja.

Huwa qal li l-knisja, bl-għajnuna t’Alla, qed twettaq l-impenn b’determinazzjoni soda li sseħħ ġustizzja mal-vittmi ta’ abbuż mill-membri tagħha, billi tapplika b’attenzjoni u rigorożità partikolari għal-leġiżlazzjoni kanonika prevista.

Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

“Jekk għandek id-determinazzjoni u s-sapport ta’ dawk ta’ madwarek, li huwa importanti immens, jirnexxilek tagħmel kollox” – Roberta Magri

F’intervista li saret mit-tim tal-programm Awla, id-direttriċi ta’ dan is-sit, Roberta Magri tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha fosthom proprju dan il-proġett, skoperta.net, li għaliha kienet ħolma li rnexxielha twettaq.

Roberta qalet kif minkejja li minn barra tidher li għandha diżabilità, dejjem għamlet ħilitha biex ma tħallix id-diżabilità tkun l-identità tagħha.

Minkejja dan, hija qalet li meta kienet żgħira, kellha l-isfidi tagħha, aktar milli minħabba d-diżabilità, kien minħabba l-karattru tagħha u l-fatt li kienet magħluqa fiha nnifisha. Fil-fatt hija tgħid li dawk li jafuha llum, m’għandhomx idea tal-persuna li kienet dak iż-żmien.

Roberta tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha, dawk tad-drama, il-mużika, il-kitba u l-ġurnaliżmu. Passjonijiet li kollha kemm huma rnexxielha ssarrafhom fil-prattika u twettaq il-ħolm li kellha.

Hija semmiet s-sehem tagħha f’sensiliet televiżivi Maltin, il-kanzunetta li kitbet għall-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika, u ovvjament ma setax jonqos, l-akbar proġett li qatt wettqet f’ħajjitha, dan is-sit, skoperta.net.

Roberta qalet li minkejja li x-xogħol ta’ direttriċi ta’ skoperta.net huwa x-xogħol prinċipali tagħha u li ħafna mix-xogħol tagħmlu hi, iżda ma kienx jirnexxilha tasal sa fejn waslet mingħajr l-għajnuna u s-sapport tal-persuni qrib tagħha, partikolarment il-kuġina tagħha Janice, li hija wkoll direttriċi ta’ skoperta.net, u persuna importanti fil-ħajja tagħha, Patrick, li fi kliem Roberta, jgħinha ħafna u li kieku ma kienx hu ma kinitx tasal sa fejn waslet.

Awla, jixxandar fuq ONE, kull nhar ta’ Ħamis fit-20:35.

Enable Notifications OK No thanks