Select Page
Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Il-familja tgħaddi minn fażijiet differenti u flimkien maċ-ċirkostanzi tinbidel id-dinamika ukoll. Ġieli jitwieled membru ġdid jew ikun hemm għerusija jew żwieġ ta’ xi wieħed mill-membri, filwaqt li l-mewt ukoll tista’ tifred lil membri u tibdel ukoll id dinamika tal-familja. Id-divorzju jew separazzjoni jpoġġi lill-membri f’pożizzjoni diffiċli. Mhux kulħadd jiffaċċja din il-firda bl-istess mod u m’hemm l-ebda formola ideali għax dejjem tinkludi xi forma ta’ tbatija u diffikultà. Però l-mod kif jaġixxu l-membri nvoluti se jagħmel differenza kbira fuq il-kumplament tal-familja kollha.

Id-divorzju jolqot lil kull membru tal-familja, imma speċjalment lill-ulied. It-telfa hija kemm waħda fiżika jiġifieri li l-ġenituri ma jibqgħux jgħixu flimkien u allura anke t-tfal jista’ jkun li jinfirdu minn ġenitur jew ieħor. Jista’ jkun ukoll ikollhom ibiddlu d-dar fejn joqgħodu jew ma’ min joqgħodu. Il-firda hija wkoll waħda emozzjonali għaliex l-ulied jgħaddu minn ammont ta’ konfużjoni, speċjalment jekk ma jkunux jafu x’ġara jew x’inhu jiġri, għaliex is-seperazzjoni tkun ġiet fuq il-familja f’daqqa. Għalhekk ħafna drabi l-ulied jgħaddu minn bidliet fl-imġiba u jkollhom reazzjonijiet differenti hekk kif dawn isiru jafu li l-ġenituri se jisseperaw.

Huwa normali li dawn jgħaddu minn ħafna konfużjoni, biża’ u “denial” u jistaqsu ħafna mistoqsijiet għax il-pedament tal-ħajja tagħhom – il-ġenituri – iħossu li jkun qed jiġi imċaqlaq allura jkunu anzjużi ħafna dwar dak li jista’ jkun li jiġri. Huwa allura normali li dawn it-tfal jista’ jkun li jesperjenzaw rabja, dipressjoni u panic attacks. Dan kollu jiddependi ħafna dwar kif il-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għal din il-bidla, kif ukoll kemm ikun hemm kooperazzjoni bejn il-membri involuti (speċjalment bejn il-ġenituri) fil-proċess ta’ separazzjoni. Aktar ma t-tfal se jaraw ġlied u pika bejn il-ġenituri aktar se jħossuhom ħażin u aktar se jbatu minn ansjetà.

Punti li wieħed tajjeb li jaħseb dwarhom.. biex il-proċess ikun kalm kemm jista’ jkun..

  • Primarjament irridu naċċettaw li l-familja kollha tkun għaddejja minn żmien diffiċli għax tkun għaddejja minn telfa. Anke jekk kien hemm ħafna ġlied u forsi l-fatt li wieħed mill-ġenituri telaq mid-dar, xorta din il-firda se ġġib emozzjonijiet ta’ telfa u dwejjaq.
  • Għalkemm forsi l-istint jgħidilna biex naħbu jew ngħattu dak li nħossu ħalli ma niftakrux fl-uġigħ, anzi bil-maqlub hu importanti li nikkomunikaw dwar dak li ġara jew dwar dak li qed jiġri. Importanti li nitkellmu ma’ min inħobbu jew ma’ min bħalna għaddej minn din it-telfa, speċjalment mal-ulied jekk hemm l-ulied. Aktar ma nħossu li m’aħniex waħedna f’din il- weġgħa, aktar hemm ċans li nfiequ malajr u nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li meta nitkellmu dwar dak li nkunu għaddejjin minnu ma nieqfux biss fuq ir-rabja li forsi l-partner tagħna jkun ħoloq, iżda nitkellmu kif nistgħu nagħmlu pass ‘il quddiem.
  • Jekk naraw li waqafna fir-rabja jew fid-dipressjoni importanti li nfittxu għajnuna professjonali għax ikun ifisser li qed insibuha diffiċli biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jiġri hekk ma jimpurtax imbilli nfittxu s-sapport professjonali, li nfittxu l-għajnuna ma jfissirx li fallejna iżda jfisser li nixtiequ nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li niftakru li seperazzjoni mhix xi kompetizzjoni. Anke jekk deep down tħoss li l-partner tiegħek naqas, importanti li ma nġiegħlux lill-ulied jieħdu side. Dan mhux fair fuqhom għax inkunu qed indaħħluhom f’logħba kerha li l-konsegwenza ma taffettwax lill-partner, iżda lill-uliedna stess. Nifhem li ħafna drabi li naħfru jew li ma nurux ir-rabja mhix faċli, għax dak li jkun għaddej minnha jkun qed jesperjenza ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jekk hu hekk aħjar nitkellmu ma xi ħadd professjonali milli nkomplu ngħarrqu lil uliedna.
  • Jekk se jsiru diskussjonijiet huwa kruċjali li kulħadd ikun preżenti biex turu lil uliedkom li għalkemm se tinfirdu xorta m’hemmx mibgħeda lejn xulxin. Dan hu eżempju tajjeb ħafna li nistgħu nagħtu lil uliedna. Iżda jekk taf li ħafna drabi inti u l-partner tispiċċaw fi ġlieda, allura aħjar li ma titkellmux quddiem l-ulied.
  • Qatt u qatt m’għandna nitfgħu l-ħtija fuq l-ulied li s-seperazzjoni seħħet minħabba fihom, anke jekk fir-rabja fettillek tgħid hekk. Dan ipoġġi lill-ulied fi ħsara psikologika kbira.

Nifhem li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għal kull min ikun għaddej minnhom, però tajjeb li niftakru li huwa kruċjali jekk hemm bżonn isir dan il-pass. Aktar ma nżommu l-paċi u ma ninpikawx inqas se jkun hemm tbatija. Meta nħossu li aħna maħkuma minn emozzjonijiet negattivi u għadda ċertu żmien u bqajna fejn konna, importanti li nfittxu sapport professjonali. Għalkemm inkunu mbeżżgħin xorta wieħed irid iħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar..

Awguri u tislijiet…

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Tini Nifs! Il-Ħajja ma’ Narċissist… – Michelle Zerafa

Tini Nifs! Il-Ħajja ma’ Narċissist… – Michelle Zerafa

Għall-bidu bħal wieħed jaħseb li forsi hija insikurezza, iżda mbagħad wieħed jibda jirrealizza li hi xi ħaġa ta’ kuljum li l-persuna jkollha bżonn li tkun dejjem fiċ-ċentru tal-attenzjoni, li jkollha bżonn lil xi ħadd jċapċpilha l-ħin kollu, li dejjem għandha raġun u li hi taf kollox u li hi aqwa u l-aħjar minn kulħadd. Tibda tgħajja tikkumbatti dawn il-karatteristiċi..

Meta tiddeċiedi li tagħti feedback lill-persuna li tħobb, din probabbli teħodha kontrik u mhux talli ma tammettix, talli tgħidlek li int tħobb taqla’ l-ġlied, li inti għandek xi ħaġa ħażina, li inti ma tafdahiex u li kemm ilha miegħek għajjiet tisma’ dawn l-affarijiet u li mhux sew li kissirtilha ħajjitha.

Il-ħasla li taqla’ għax tkun esprimejt dak li qed tħoss iġġiegħlek tgħaddi minn guilt trip tajjeb li tibda tiddubita minnek innifsek.

Dawn huma ftit eżempji ta’ dak li wieħed jgħaddi minnu meta jkollu partner narċissist. Huma eżempji meħudin mill-ħajja ta’ kuljum ..

Imma allura x’tagħmel jekk tinduna b’dan kollu jekk tkun investejt ammont sostanzjali minn ħajtek għal din il-persuna?

Mhix faċli xejn din is-sitwazzjoni..

Jekk hemm problema fejn is-sigurtà tiegħek jew dawk vulnerabbli hija mhedda… trid tara kif se ddabbar rasek bil-mod… iżda importanti li bil-mod… trid taħdem pjan..

Jekk m’hemmx problema ta’ sigurtà tista’ xorta tiddeċiedi li ddabbar rasek… anzi jekk m’hemmx irbit ikun aktar għaqli li ddabbar rasek..

Inkella trid tadatta ruħek biex kemm jista’ jkun ma’ tbatix wisq minn dan l-abbuż..

Imma kif?

  • Importanti li tirrealizza x’inhu jiġri biex b’hekk ikollok viżjoni aktar ċara ta’ minn fejn hi ġejja din il-problema
  • Importanti li tirrealizza li inti ma taħti xejn… li m’intix sensittiva żżejjed u lanqas li inti għandek xi ħaġa ħażina… dan il-kliem li qaltlek il-persuna narċissista ġejjin minn xi ħadd li ma jafx aħjar u mhux kapaċi jara l-perspettiva tiegħek
  • Probabbli nies li jafu sew lil persuna jgħidulek biex titlaq, ftakar li inti taf x’inhu l-aħjar għalik u jekk se titlaq taf inti meta hu l-aħjar li taġixxi
  • Aqra u informa ruħek dwar Narcissistic Personality Disorder. Aktar ma tkun taf aktar tista’ tħossok kunfidenti meta qed taħdem fuqek innifsek biex tiffaċċja karattru bħal dan.
  • Sib is-sapport li hemm bżonn. Probabbli n-nies ta’ madwarkom mhux dejjem se jifhmu minn xiex tkun għaddej għax ġeneralment in-narċissist jilbes maskra fil-pubbliku, ikollu kariżma, iżda jneħħiha hekk kif jidħol mill-bieb ‘il ġewwa. Sib għajnuna professjonali jekk hemm bżonn. It-terapisti huma newtrali u jkollhom esperjenza jaħdmu f’dan il-qasam u jkunu jistgħu jagħtuk is-sapport li jista’ jgħinek tiffaċċja l-imġieba diffiċli ta’ dan il-karattru
  • Żomm notebook u ikteb xi jkun ġara. Ħafna drabi dawn imeruk biex iġiegħluk temmen li inti qed tesaġera u li inti għandek problema. Ikteb xi jkun ġara u tista’ turi lil min tafda x’gara, li jkollok validation hija importanti għax tgħinek biex ma titlifx il-kunfidenza fik innifsek.
  • Ipprepara lilek innifsek jekk se tikkonfronta lin-narċissist. Ikteb xi tkun se tgħid minn qabel u imxi ma’ dak li ktibt. Ħafna drabi dan idawwar id-diskors kif jaqbillu u malajr jgħid li inti abbużajt minnu għax dawn il-karattri jħobbu jilagħbuha tal-vittma.
  • Qis li jkollok “boundaries” ċari. Wara li tinduna fiex tkun dħalt jekk tiddeċiedi li tibqa’ ma’ partner narċissist, kun sod/soda sa fejn tista’ tħalli li jiddeċiedi għalik, kemm lest/lesta li tħallih/ha j/ttik mill-agħar… pereżempju jekk tiġi umiljat quddiem in-nies minn narċissist insisti li darb’oħra ma tattendix l-attività li stednuk għaliha u ara kif tagħmel biex darb’oħra tevitaha.
  • Ftakar li huwa ok li xi kultant ikollok toqgħod ftit ‘il bogħod, bħal batteriji li jkollhom bżonn jieħdu charge l-istess inti. Mhix faċli li tgħix ma’ xi ħadd narċissist allura l-bżonn li tieħu n-nifs hija kruċjali biex iżżomm il-bilanċ.
  • Persuni narċissisti jistgħu jkunu negattivi ħafna u allura jista’ jkun li taqa’ f’letarġija. Importanti allura li ssib sors fejn tieħu pjaċir, jew li tħossok tajjeb. Li jkollok pet jista’ jgħinek tħoss li għandek kumpanija u li għandek sors fejn jgħinek tħossok importanti
  • Li finanzjarjament tkun indipendenti jagħtik iċ-ċans li tagħmel affarijiet li tixtieq għax ħafna drabi persuni narċissisti se jagħmlu minn kollox biex jikkontrollawk.
  • Ħafna jħossuhom ħażin għax ma jkunux indunaw bil-karattru tal-partner tagħhom qabel ma jkunu kkomettew ruħhom, ngħiduha kif inhi mhix faċli li tinduna għax dan il-karattru jirnexxilu jilbes maskra li diffiċli ħafna biex tinduna fiex tkun dieħel. M’intiex waħdek li tħoss li l-partner ikun daħak bik, il-kariżma li jużaw biex jaqbduk fin-nassa tagħhom hija fina ħafna u mhix faċli tinduna biha.

Kif qed naraw mhix sitwazzjoni faċli biex tgħix ma’ persuna narċissista…jekk tħoss li l-affarijiet huma tqal u tistax iġġorrhom waħdek importanti li titkellem ma’ professjonist biex tara liema triq se tieħu.

Ftakar li għalkemm diffiċli mhix impossibbli…

Biss, iżżommx kollox għalik għax ma jistħoqqlokx li ġġorr kollox waħdek…

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Meghan Markle – Tiżvela li riedet tikkommetti suwiċidju u ma ngħatatx għajnuna

Meghan Markle – Tiżvela li riedet tikkommetti suwiċidju u ma ngħatatx għajnuna

Fl-intervista ma’ Oprah Winfrey, Meghan żvelat dwar iż-żmien li kienu jiġuha ħsibijiet biex tweġġa’ lilha nnifisha u tikkommetti suwiċidju.

Hija qalet li sabitha diffiċli ħafna biex titkellem dwarha, anki ma’ Harry, peress li għadda minn ħafna u tilef ħafna f’ħajtu iżda stqarret li kieku ma qalet xejn, kienet tasal biex twettaq dak li xtaqet li tagħmel dak iż-żmien, fl-istess żmien li kienet tqila bit-tifel tagħhom Archie.

Meghan qalet li l-akbar dispjaċir tagħha hu li emmnet il-wegħda li kienet saret fil-bidu, dik li l-familja Rjali kienet se tipproteġiha, għaliex meta sabet il-kuraġġ biex titkellem dwar dak li kienet qed tħoss ma ngħatatx għajnuna. Qalet ukoll li membri tal-familja Rjali qalulha li ma setgħetx tfittex l-għajnuna psikjatrika għaliex ma kienx se jagħmel tajjeb għall-istituzzjoni.

L-unika sapport li sabet kien mingħand Harry, fejn hu stqarr li kien żmien ikrah u mudlam ħafna għalih ukoll u ried jagħmel minn kollox biex l-esperjenza li għaddiet minnha ommu l-Prinċipessa Diana, ma terġax tirrepeti ruħha.

Meghan stqarret li kellha tkompli tattendi f’attivitajiet pubbliċi għaliex fl-istat li kienet fih kienet tibża’ x’setgħet tagħmel jekk titħalla waħedha.

Professjonisti psikoloġiċi barranin li tkellmu dwar l-istqarrija ta’ Meghan, qalu li kull persuna, hi m’inhi, li li tkun għaddejja minn sfidi bħal dawn għandha tingħata l-għajnuna b’mod immedjat. Fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ Meghan qalu li mhux biss mhix ħaġa sew li ma ngħatatx l-għajnuna iżda hija wkoll krudeltà.

Kif nistgħu niksbu l-kunfidenza fina nfusna – Michelle Zerafa

Kif nistgħu niksbu l-kunfidenza fina nfusna – Michelle Zerafa

Kunfidenti fik innifsek jew le, tagħmel differenza kbira fil-ħajja tiegħek

Kif tkellimna l-ġimgħa l-oħra l-ħsibijiet jaffettwawna immens.. jikkontrollawna u jmexxuna..
Jekk l-istima tagħna hija baxxa ħafna ċ-ċans hu li naraw lilna nfusna bħala inkompetenti, bla valur, mhux ta’ min iħobbna .. u aktar.. dawn il-ħsibijiet mingħajr ma nafu, jistgħu jaffettwaw l-għażliet tagħna..
Jaffettwaw l-istil tal-ħajja li ngħixu ..
ħafna drabi, nibqgħu ngħixu fil-passat u għalhekk nibqgħu staġnati..
dawn iġiegħluna nħossuna agħar minn ħaddieħor u ninqabdu f’xibka ta’ negattività liema bħalha..
l-imġiba tagħna tkun proprju mera ta’ dawn il-ħsibijiet negattivi li jiddominawna u joffru pedament imnawwar għall-eżistenza tagħna ..

Imma kif nistgħu nibdlu dawn il-ħsibijiet?

Kemm hi diffiċli.. jew faċli, jekk aħna nkunu drajna ngħixu hekk tul ħajjitna?
X’jista’ jgħinna naslu għall-bidla li jistħoqqilna?

Primarjament, tajjeb li nifhmu li din mhix xi soluzzjoni li tinstab u tinbidel mil-lejl għan-nhar…
U lanqas mhi xi ħaġa li għandha x’taqsam mad-dehra ta’ barra..
iżda hija xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-għeruq tagħna..
U allura trid proċess li jgħinek issib lilek innifsek.. jirrikjedi ftit paċenzja u perseveranza…
Tibżax, jekk temmen li trid bidla, se tasal..
L-istorja tiegħek mhijiex se tinbidel..
Iżda inti tista’ tbiddel kif tħares lejn l-istorja tiegħek ..

Jekk tikkommetti ruħek li għallinqas, tkun konxju/konxja tal-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħok.. tkun tista’ tiggwadanja l-kontroll fuq dawn l-istess ħsibijiet..

Kif tista’ tħossok aħjar u allura tibda temmen fik nnifsek?

Tibżax taċċetta min int verament..

Għall-bidu diffiċli, iżda meta jirnexxilek .. tħossok liberu u aħjar..

Tibżax tgħid le, jekk ma tistax jew ma taqbilx.. għall-bidu tkun diffiċli vera.. iżda dan hu l-mod kif wieħed jista’ jiġi apprezzat u rispettat..

Aċċetta li jista’ jkun li tagħmel żball.. jew li għamilt żball.. ħadd mhu perfett u kulħadd jista’ jiżbalja xi darba jew oħra..L-importanti li titgħallem mill-iżball .. Għax din fir-realtà tista’ tkun esperjenza li tgħinek timxi ‘l quddiem..

Meta tieħu responsabilità tal-azzjonijiet tiegħek tkun wasalt f’punt fejn immaturajt u tħossok aħjar li tirrealizza x’inhuma l-preġji u fejn huma l-limiti tiegħek..

Xejn mhu daqshekk ta’ sodisfazzjon meta bil-preġji tiegħek tkun ta’ sapport għal ħaddieħor..

Agħti mingħajr ma tistenna xejn lura.

Ikkommetti ruħek li tiddeċiedi li tilħaq għan..

M’hemmx għalfejn tkun xi ħaġa fenomenali.. ibda bil-mod .. ma’ kull pass li tagħmel tkun qed tgħin lilek innifsek timxi ‘l quddiem..

Xi kultant bħal dan ir-ritratt ..inħossuna komdi fis-sitwazzjoni li nkunu, allavolja ma nkunux kuntenti, u nibqgħu fid-dell.. inħarsu lejn dak li nixtiequ iżda nibżgħu niċċaqalqu..

Jekk tipprova tasal..

F’idejk

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

Nitkellmu ma’ Joseph Debono

Joseph, ftit ġimgħat ilu żvelajt pubblikament li għandek l-ALS. X’wasslek biex taqsam l-istorja tiegħek pubblikament?

Huwa n-natural tiegħi li nitkellem u nikkomunika. U ħassejt ukoll li b’hekk stajt ngħin lil Bjorn fil-ġbir ta’ fondi, u lil oħrajn bħali li għandhom ALS. Barra minn hekk ma narax għalfejn għandi naħbi l-kundizzjoni.

Wara l-ewwel reazzjonijiet ovvji kif sirt taf li għandek din il-marda, x’kienu l-ewwel ħsibijiet tiegħek sabiex b’xi mod tkompli għaddej b’ħajtek kif tista’?

L-ewwel ħsieb kien li ma xtaqtx inkun ta’ piż fuq ħadd. Imbagħad mill-ewwel bdejt naħseb għal tibdil fid-dar biex innaqqas it-tbatija u l-periklu, pereżempju bħal sodda isfel biex nevita t-taraġ.

Huwa proċess twil biex wieħed jaċċetta u jadatta għal realtà kompletament differenti milli jkun imdorri jgħix fiha. Minn fejn iġġib id-determinazzjoni għal dan?

Li taċċetta s-sitwazzjoni l-ġdida hija kruċjali. Ladarba aċċettajtha stajt ukoll naħseb f’soluzzjonijiet. Id-determinazzjoni tiġi wkoll bl-għajnuna tal-mara u tal-familja, u tal-kuraġġ u l-pariri ta’ Bjorn.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek għar-rispons tan-nies wara li tkellimt pubblikament? Kont qed tistenna rispons bħal dak?

Emozzjoni kbira. Għamilt tlett ijiem nibki, naqra l-messaġġi sbieħ li rċevejt. U kważi ma weġibt lil ħadd daqs kemm kien hemm. Xi wħud minnhom weġibthom ħafna wara. Stennejt rispons, imma mhux daqshekk. Kellmuni ħbieb li kont ilni ma nkellimhom snin, u ħafna nies oħra li ma nafhomx. Is-solidarjetà li ħassejt ferħitni mhux ftit.

Liema huma l-akbar sfidi li qed tiffaċja bħalissa? U x’inhi l-akbar biża’ tiegħek?

L-isfidi huma l-ħin kollu. Kollox sar diffiċli. L-ikbar sfidi bħalissa huma ż-żewġ tarġiet ta’ quddiem il-bieb, u li minħabba fihom qed nibża noħroġ, u bil-lejl, l-irqad sar ikkumplikat. L-akbar biża bħalissa hi li ma nkunx nista’ nitkellem ċar.

L-ALS biddlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?

Mhux eżatt. Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa, u li huwa sabiħ li titkellem u taqsam ma’ oħrajn. Il-perspettiva nbidlet lejn il-possessjonijiet. Illum inħoss li kull ma fadalli li huma tassew tiegħi huma moħħi u ħalqi, għax fuq dawk biss għandi kontroll.

X’differenza għamel u għadu jagħmel Bjorn fil-ħajja tiegħek?

Differenza kbira. L-ewwelnett bil-kuraġġ li tani, u għadu jtini kull meta nkellmu. Bjorn, kif isemmilu problema, mill-ewwel jaħseb fis-soluzzjoni, u f’salt wieħed, il-problema ma tibqax tbeżżgħek. Bjorn tani wkoll għajnuna materjali bħas-sodda, u l-apparat li bih inħaddem il-kompjuter b’għajnejja.

Kemm huma importanti l-irwoli ta’ dawk l-aktar qrib tiegħek f’ħajtek?

Vitali. Il-mara tiegħi Tanya l-aktar. Illum niddependi kważi għal kollox fuqha. Il-ħin kollu. Inħossni ħarbattilha ħajjitha. U ma nistax nirringrazzjaha biżżejjed. Ibni Peter li jgħix magħna u li wkoll jgħini ħafna. Imbagħad hemm ħuti li jiġu malli jkolli bżonn.

Joseph flimkien mal-familja tiegħu

L-għajnuna fiżika hi essenzjali, iżda xi ngħidu dwar għajnuna psikoloġika? Int personali, f’liema mumenti ħassejt il-bżonn li tfittex l-għajnuna minn dan l-aspett ukoll? Tħoss li saret differenza permezz ta’ din l-għajnuna?

Bjorn offrieli servizz ta’ counsellor. Sibtu ta’ għajnuna kbira. Ma’ Etienne mill-ewwel sibtni komdu nitkellem. Jien għandi tendenza nhewden u naħseb ħafna, l-aktar bil-lejl. Ma’ Etienne, dan it-thewdin, li jista jtaqqalna, jirnexxili nitkellem dwaru. Mhux il-ħażin biss. Nikellmu wkoll dwar ħafna esperjenzi sbieħ. Tajjeb ngħid ukoll li jien involut f’attivitajiet, bħalissa virtwali, li għenuni nibqa attiv mentalment.

Huma ħafna li minkejja li jkollhom intenzjonijiet tajba u ġenwini, ma jkunux jafu kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. X’messaġġ tgħaddi lill-persuni li għandhom lil xi ħadd qrib tagħhom li qed jikkumbatti ma’ din il-marda?

Ma jibżgħux ikellmuhom. Ħafna jibżgħu li ma jkunux jafu x’se jgħidu. Ma jimpurtax, il-persuna turik kemm trid titkellem. U ħaġa oħra. Offru l-għajnuna, imma tisfurzawhomx iżżejjed. Ħalluhom jiddeċiedu huma. Il-kapaċità mentali tagħhom ħafna drabi tkun għadha tajba.

U x’messaġġ tgħaddi lil min għadu kemm isir jaf jew għad irid isir jaf li għandu din il-marda?

Kif issir taf, daqqa iebsa ħafna. Jien tgħidx kemm bkejt. Imma mbagħad trid tibda t-triq biex taċċetta s-sitwazzjoni. Malli taċċettaha, tkun tista’ tibda taħseb dwar soluzzjonijiet. U tiddejjaqx titkellem dwar il-kundizzjoni. Meta titkellem tinduna li m’intix waħdek.

Kieku kellek tmur lura fiż-żmien tbiddel xi ħaġa minn dak kollu li għamilt?

Ma rridx ninstema prużuntuż, għamilt żbalji f’ħajti. Imma l-ħajja mhux hekk? Kollox ma’ kollox jien għext ħajja sabiħa, u kelli ħafna esperjenzi interessanti. Allura kuntent b’dak li għamilt f’ħajti.

Il-karattru ta’ James Bondin.

James Bondin kien wieħed minn dawn l-esperjenzi sbieħ. Għal tlettax-il sena għext mumenti b’karattru differenti li laqqgħani ma ħafna nies, u hemm ħafna oħrajn li jafuni mit-TV u qatt ma ltqajt magħhom. Kważi kollha jitkellmu tajjeb dwar James Bondin. U speċjalment fil-bidu, l-esperjenza live f’Xarabank kienet ta’ sodisfazzjon kbir.

Għadha teżisti l-komiċità f’Joseph?

Iva ta. Ikolli mumenti tad-daħk ukoll minħabba l-kundizzjoni tiegħi. Ukoll meta nara l-aħbarijiet, jgħadduli ħafna ħsiebijiet satiriċi. Għandi bżonn nerġa’ nibda niktibhom.

Żewġt ipraspar ħelwin li għamilt f’ħajtek.

Waħda minnhom meta żżewwiġna, meta morna għal qamar il-għasel il-Kanada. Minħabba l-maltemp, l-ajruplan ma setax jinżel Toronto u ħaduna Cħicago għal lejl. L-għada filgħodu, x’ħin ġiet ir-rappreżentanta tal-linja tal-ajru, diġà kont inkwetat li konna tard għat-titjira tal-11.00 u ħtaftha ftit. Imma hi qaltli “Relax. It is still 9.00 O’clock!” Ma kontx indunajt li bejn Toronto u Chicago ridt immexxi l-arloġġ siegħa lura!

L-oħra, tmur iktar lura. Meta konna żgħar. Oħti sena akbar minni. Kellha pupa għal qalbha ħafna, b’xagħarha isfar, innukklat. Ma nafx x’fettilli, imma kont qtajtilha xagħarha! U darb’oħra pinġejtilha wiccha bil-biro, taparsi għandha l-ħożba. Oħti għadha tgħajjarni bihom sal-lum.

Ftit jiem ilu Joseph ippubblika wkoll ir-rumanz tiegħu iz-Ziju Manwel.

Enable Notifications OK No thanks