Select Page
“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

“Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom” – Ryan Hili

Nitkellmu ma’ Ryan Hili, ir-rebbieħ tat-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta

Ryan, irnexxielek tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ X Factor Malta. Mill-espressjoni li stajna naraw fuq wiċċek kont tidher sorpriż ħafna. X’għadda minn moħħok f’dak il-mument li kont taf li int ir-rebbieħ?

Dak il-ħin meta Ben Camille għajjat ismi, ma stajtx nemmen dak li qed nisma’. Il-fatt li kont mal-ewwel tlieta kienet diġà sorpriża kbira għalija, imma l-fatt li rbaħt kien mument li żgur ma stajtx nemmnu u li mhux ħa ninsa qatt. Ovvjament, kuntent ħafna u grat lejn dawk kollha li tawni s-sapport mill-bidu sal-aħħar.

Xi tfisser din il-kisba għalik personali u għall-karriera tiegħek?

Jien il-mużika nqisha bħala xi ħaġa ferm important f’ħajti. Il-fatt li ddeċidejt li nieħu sehem kien diġà pass kbir u r-rispons li rċevejt mill-bidu kien pożittiv. Il-fatt li rbaħt komplejt nemmen iktar fit-talenti tieghi u se nkompli naħdem biex nibqa’ nuri x’kapaċi nagħmel fil-karriera mużikali tiegħi.

Iddedikajt ir-rebħa għall-papà tiegħek. Għaliex? X’impatt għamel fuqek personali biex wasalt sa fejn wasalt illum?

Sfortunatament, il-papà marad u ħalliena f’temp ta’ xahar. Dan kollu fetaħli għajnejja u urieni biċ-ċar kemm illum hawn u għada ma nafx. Il-ħajja wisq qasira biex tieħu kollox for granted. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha issa.

X’messaġġ tixtieq twassal permezz ta’ din ir-rebħa?

Kull min għandu ħolma jagħmel mezz biex għallinqas jipprova jieħu l-ewwel pass. Qatt mhu tard wisq u jekk ma temminx li kapaċi u tkun tajjeb, ikun dispjaċir kbir.

Xi tgħidilna dwar it-tliet finalisti l-oħra?

F’din l-edizzjoni nħoss li veru konna grupp sabiħ. Ir-relazzjoni mal-kontestanti kienet waħda mill-isbaħ u baqgħet sal-aħħar mal-finalisti l-oħra. Kollha kemm huma bravi u l-fatt li d-distakk fil-punti kien ftit turi kemm ir-rebħa setgħet kienet ta’ kulħadd.

Kif għidt int ukoll, fl-edizzjoni ta’ din is-sena nħass spirtu ta’ għaqda bejn il-kontestanti. Ma’ liema kontestanti kont l-aktar viċin?

Kif għidt qabel, ir-relazzjoni mal-kontestanti l-oħra kienet waħda tajba ħafna. Ovvjament, inħoss li kont iktar viċin ma’ Kevin Paul u Drakard għax ħdimna flimkien mill-bidu nett. It-tnejn li huma kienu ta’ sapport kbir għalija.

Ryan, għidilna ftit dwarek u l-istorja tiegħek. Min hu eżattament Ryan Hili? Kif tiddeskrivi ħajtek sal-lum?

Ryan huwa persuna mistħi ħafna imma li lest li jagħmel kollox biex jgħix ħajtu bl-aħjar mod possibbli. Bħalissa naħdem bħala għalliem tad-disinn u teknoloġija fi skola sekondarja. Il-mużika nqisha bħala prijorità u nixtieq li fil-futur qarib inkompli nikber f’dan il-qasam.

B’mod inġenerali, x’kienu l-akbar ostakli li kellek tiffaċċja f’ħajtek?

L-aktar żewġ ostakli li kelli negħleb kienu l-fatt li ma nagħtix kas il-midja soċjali ħafna (fejn jidħlu kummenti negattivi) kif ukoll li noħroġ minn qoxorti meta ġejt biex nipprepara l-kanzunetti.

X’kien li ħajrek tipparteċipa f’X Factor Malta?

Jien qatt ma pparteċipajt f’xejn hawn Malta, però minn dejjem xtaqt li nagħmel dak il-pass. L-X Factor ilni nsegwih mindu kont żgħir u kont naffaxxina ruħi nara l-progress li kienu jagħmlu l-kantanti mill-bidu sal-aħħar. Apparti minn hekk jien inħobb insegwi l-Eurovision Song Contest, allura minn dejjem kien hemm dik il-ħajra għall-kompetizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta mill-bidu sal-aħħar?

L-avventura kienet waħda surreali fis-sens li bdejt mix-xejn u rnexxieli nasal sal-quċċata. Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza u rnexxieli niltaqa’ ma’ ħafna nies bravi u naħdem ma’ ħafna nies stabbiliti.

Kif kienet l-esperjenza tiegħek mal-erba’ ġurija, partikolarment ma’ Howard?

L-esperjenza mall-ġurija kienet waħda tajba ħafna, tgħallimt ħafna mingħandhom u avolja ma kinux il-mentors tiegħi xorta għenuni. Howard kien l-aqwa mentor li qatt seta’ kelli. Irnexxielu joħroġni minn qoxorti u baqa’ sal-aħħar jgħallimni kif għandi nkun artist komplut. Kien hemm żmien fejn kienet diffiċli għalina biex insibu kanzunetta adattata għalija, però llum il-ġurnata nirringrazzja ‘l Alla bl-għażliet li għamilna għax nemmen li kienu kollha ta’ kwalità. Howard huwa peruna li jaf x’inhu jagħmel u kull suġġeriment li tani dejjem ħareġ il-frott minnu.

Fl-audition tiegħek esprimejt il-fatt li xtaqt tipparteċipa qabel f’X Factor Malta iżda ma kontx kunfidenti biżżejjed. Għaliex?

Domt ħafna biex iddeċidejt li nieħu sehem għas-sempliċi raġuni li jien qatt ma rajt lili nnifsi lest biex nidher quddiem in-nies. Il-fatt li jien għandi ‘bionic hand’ ma kinitx tgħin fid-deċiżjoni għax bżajt ħafna mill-kummenti ħżiena tan-nies. Il-midja soċjali tista’ tkun waħda pożittiva però tista’ tkun negattiva wkoll.

Liema mumenti mill-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta tgħożż l-aktar? U liema prestazzjoni hija l-aktar għal qalbek?

L-iktar mumenti għal qalbi apparti meta rbaħt huma meta kien ikollna r-rehearsals. Il-memorji li għandi huma ħafna u napprezza lil kull kontestant, lit-tim tal-midja soċjali, kif ukoll lill-crew kollu li tella xow mill-isbaħ. L-iktar prestazzjoni li ħadt gost nagħmel kienet tal-Live Show 4 għax kantajt f’nofs l-udjenza.

X’inhi r-reazzjoni tiegħek għar-rispons qawwi li rċevejt u għadek tirċievi mill-pubbliku? Stennejt daqshekk sapport?

Is-sapport li kelli mingħand in-nies kien kbir. L-għada li rbaħt irċevejt ħafna messaġġi u kummenti pożittivi u għadni nirċievi s’issa wkoll. Napprezza immens lil kull min b’xi mod jew ieħor tani s-sapport għax bis-saħħa tagħhom irnexxieli nasal s’hawn.

Int ukoll għalliem. X’reazzjonijiet kellek mill-kollegi u l-istudenti tiegħek wara li rbaħt?

Il-kollegi kienu ta’ sapport kbir għalija. Mill-ewwel ġurnata tawni ħafna sapport u anke sorpriżi wara l-finali għamluli. L-istudenti mhux inqas. Kull xħin rawni fil-kurituri tal-iskola kienu jgħajtuli biex jgħiduli li vvutawli u biex jgħiduli prosit.

Matul il-vjaġġ tiegħek f’X Factor Malta, ġieli rċevejt kritika li affettwatek? Kif taġixxi għall-kummenti li jkunux qed iwasslu kritika kostruttiva, iżda personali?

Fortunatament ma tantx kelli kritika negattiva u dik apprezzajta ħafna. Il-ftit li kien hemm pruvajt ma nagħtix kashom għax ħafna minnhom kienu jkunu minn ‘fake profiles’. Minn kollox issib u naf biċ-ċert li ħa nibqa’ nsib. Ma tistax tingħoġob ma’ kulħadd.

Irbaħt is-somma ta’ €50,000. X’beħsiebek tagħmel bihom?

Il-ħamsin elf beħsiebni ninvestihom fil-mużika billi nużahom biex nixtri xi apparat ħalli nkun nista’ naħdem fuq il-mużika tiegħi stess.

X’inhu l-pass li jmiss għal Ryan Hili?

Il-pass li jmiss hu li niffoka iktar fuq mużika oriġinali kif ukoll anke naħdem ma’ kantanti oħra stabbiliti. Meta konna inkunu rehearsals konna nifthemu biex la jgħaddi kollox nibdew nikkollaboraw flimkien.

Kieku kellek tikteb kanzunetta f’dan il-mument, dwar xiex tkun?

F’dan il-mument probabbli nikteb kanzunetta dwar kif wieħed m’għandux jaqta’ qalbu. Dak li għaddejt minnu jien nixtieq li naqsmu ma’ ħaddieħor biex inkun ta’ kuraġġ għalihom.

Hemm xi artisti Maltin li tixtieq tikkollabora magħhom fil-futur?

Hemm ħafna kantanti li nixtieq naħdem magħhom, però l-iktar tnejn huma Amber u Brooke.

Għandek xi ħolm partikolari li tixtieq twettaq?

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi li nkanta jew nirrappreżenta lil Malta f’pajjiż differenti.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li qed jaqraw din l-intervista?

Minn qalbi nixtieq li kull min għandu xi ħolma u qed iżomm lura, jagħmel mezz biex għallinqas jipprova. Il-ħajja wisq qasira biex inżommu lura u importanti li ngħixu l-ħajja b’mod komplut.

Il-Jum Dinji tat-Tbissim – Agħmel att ta’ tjubija, għin lil persuna titbissem!

Il-Jum Dinji tat-Tbissim – Agħmel att ta’ tjubija, għin lil persuna titbissem!

Kull sena, il-Jum Dinji tat-Tbissim jiġi ċċelebrat fl-ewwel Ġimgħa t’Ottubru. Din is-sena qed jiġi ċċelebrat proprju llum, fl-1 t’Ottubru.

L-għan ta’ dan il-jum huwa li jfakkar l-importanza ta’ atti sempliċi ta’ tjubija li bihom wieħed jista’ joħloq tbissima lil min jirċevihom u anki lilu nnifsu.

Ċertament li lkoll kemm aħna familjari mal-emoji tal-wiċċ li qed jitbssem, forsi nafuh aktar bħala l-“ismiley face emoji”. Dan huwa attwalment ibbażat fuq disinn maħluq minn artist bl-isem ta’ Harvey Ball lura fl-1963.

Harvey oriġinarjament ħoloq dan id-disinn għal kumpanija li riedet tagħti spinta lill-moral tal-impjegati tagħha. Maż-żmien, id-disinn kiber ħafna fil-popolarità sakemm sar is-simbolu internazzjonali ta’ ferħ u rieda tajba li huwa llum.

Huwa qatt ma żamm il-copyright jew trademark tad-disinn, u allura, minkejja l-popolarità enormi tas-simbolu li ħoloq, huwa tħallas biss ftit flus. Madanakollu huwa żamm attitudni filosofika dwar dan, u kien kuntent li jara d-disinn tiegħu jintuża ħafna.

Fl-aħħar tad-disgħinijiet, Harvey iddeċieda li għandu jkollna ġurnata waħda li tkun iddedikata sempliċiment biex nitbissmu u nuru tjubija ma’ xulxin, u propju minn hemm oriġina l-Jum Dinji tat-Tbissim.

Wara l-mewt ta’ Harvey fl-2001, twaqqfet il-fondazzjoni Harvey Ball World Smile biex tonora ismu u l-memorja tiegħu. Il-fondazzjoni tiffoka fuq ġbir ta’ flus għal karitajiet żgħar li jirċievu ftit attenzjoni jew fondi.

It-tema tal-Jum Dinji tat-Tbissim 2021 hija “agħmel att ta’ tjubija, għin lil persuna titbissem“. Din it-tema hija xierqa ħafna għal din is-sena, peress li hemm tant affarijiet kbar li qed jiġru bħalissa fid-dinja li ftit li xejn għandna kontroll fuqhom.

Li nistgħu nagħmlu, iżda, huwa li niffokaw fuq l-affarijiet żgħar li nistgħu nikkontrollaw, bħal li niddedikaw ftit ħin biex ngħinu lil xi ħadd b’xi ħaġa, jew biex indaħkuh.

L-idea hi biex tfakkar il-fatt li jekk kulħadd jagħmel att żgħir u sempliċi ta’ tjubija kuljum, mhux biss illum, fil-Jum Dinji tat-Tbissim, nistgħu nagħmlu differenza pożittiva f’ħajjitna u dawk ta’ madwarna.

Xi jfissru l-kuluri tal-bandiera tal-Pride?

Xi jfissru l-kuluri tal-bandiera tal-Pride?

F’dawn l-aħħar ftit snin, il-bandiera tal-komunità LGBTQIA+ inbidlet għal waħda kemxejn differenti minn dik ta’ qabel, li kienet qawsalla sempliċi bil-kuluri mill-aħmar sal-vjola.

Il-bandiera l-ġdida tissejjaħ Progress Pride Flag, ġiet maħluqa mid-disinjatur diġitali Daniel Quasar fl-2018.

Xi jfissru l-kuluri tal-bandiera tal-Pride? Għaliex id-disinn il-ġdid għandu wħud mill-kuluri mqiegħda f’forma differenti milli f’linja bħal qabel?

Il-bandiera tal-Pride preċedenti, li kienet is-simbolu distintiv tal-Pride LGBTQIA+ mill-aħħar tas-sebgħinijiet sal-bidu tas-snin 2000, u li għadha popolari, kienet magħmula minn sitt linji kkuluriti orizzontali: aħmar, oranġjo, isfar, aħdar, blu u vjola.

Din Il-bandiera kienet pedament għal bosta għexieren ta’ snin qabel id-disinn il-ġdid. Madanakollu, inħolqu varjazzjonijiet differenti matul iż-żmien.

Kull kulur tal-bandiera tal-Pride għandu tifsira differenti, u kull kulur jirrappreżenta valur importanti tal-komunità LGBTQIA+.

L-aħmar:

L-aħmar fil-bandiera jirrappreżenta l-ħajja. Dan jagħmel sens jekk taħseb dwar kif id-demm huwa aħmar u kemm-il darba d-demm huwa meqjus bħala forza vitali tal-ħajja tal-ġisem. L-aħmar jirrappreżenta wkoll il-passjoni fost ħafna kulturi.

L-oranġjo:

L-oranġjo jirrappreżenta l-fejqan. Bħala kulur, l-oranġjo huwa maħsub li huwa kulur divertenti u ċelebrattiv. Il-gost u ċ-ċelebrazzjoni huma t-tnejn attivitajiet ta’ fejqan.

L-isfar:

Jekk qtajt li l-isfar jirrappreżenta d-dawl tax-xemx, tkun korrett. Il-kulur isfar jiffunzjona bħala ċ-ċentru radjanti u qawwi tal-bandiera. Jingħad ukoll li l-kulur isfar jistimula ideat u ħsibijiet ġodda.

L-aħdar:

Hemm ħafna aħdar fin-natura, li huwa dak li l-kulur fuq il-bandiera oriġinali tal-Pride huwa maħsub li jwassal. In-natura hija post ta’ fejqan, u l-kulur aħdar huwa assoċjat mal-prosperità u t-tkabbir.

Il-blu:

Il-blu fil-bandiera oriġinali tal-Pride kien għas-serenità. Ftit huwa aktar importanti milli tħossok kalm u trankwill. Il-blu huwa magħruf bħala kulur rilassanti. Spiss jintuża wkoll għal prodotti li jintużaw filgħaxija biex jirrappreżenta l-irqad u l-kalma.

Il-vjola:

L-aħħar kulur, il-vjola, jirrappreżenta l-ispirtu. Il-vjola spiss jitqies bħala kulur regali u rjali li, minnu nnifsu jindika l-kunċett tal-Pride. Bħall-blu, il-vjola huwa meqjus bħala kulur paċifiku, iżda aktar milli hu assoċjat biss mal-kalma, jingħad li l-kulur vjola jgħaqqadna mal-qasam spiritwali.

Xi jfissru l-kuluri ġodda miżjuda fil-bandiera l-ġdida?

Il-bandiera tal-Progress Pride inħolqot bl-ispirazzjoni ta’ bnadar tal-Pride oħra. Speċifikament, il-bandiera tal-Philadelphia Pride mill-2017 u l-bandiera tat-trans.

Il-bandiera tal-Philadelphia Pride kellha strixxi vertikali suwed u kannella miżjuda. Il-bandiera tat-trans, maħluqa fl-1999, hija roża, blu ċar (baby blue), u bajda. Dawn iż-żewġ bnadar ispiraw id-disinn tal-bandiera l-ġdida tal-pride.

L-iswed u l-kannella jirrappreżentaw lin-nies ta’ karnaġġjon skur.

Il-bandiera tal-Philadelphia Pride ġiet iddisinjata mill-Uffiċju tal-Affarijiet LGBT ta’ Philadelphia u saret bi sħubija mal-aġenzija tar-reklamar Tierney. Ġiet introdotta f’ċerimonja tas-City Hall f’Ġunju tal-2017. Il-bandiera wriet is-sitt kuluri tradizzjonali tal-qawsalla fi strixxi orizzontali, bi strixxa sewda u kannella fuqhom.

Il-kuluri iswed u kannella ġew miżjuda mal-bandiera tal-Progress Pride biex jirrappreżentaw lin-nies ta’ karnaġġjon skur. Din kienet żieda importanti għaliex in-nies ta’ karnaġġjon spiss tħallew barra min-narrattiva tal-queer minkejja li huma l-forza li tmexxi l-moviment.

Kien biss fis-snin riċenti li s-soċjetà rrikonoxxiet li l-moviment tal-pride oriġina bis-saħħa ta’ attivisti transġeneri ta’ karnaġġjon skur bħal Marsha P. Johnson, li b’mod notorju ġġieldu kontra l-pulizija f’Stonewall Inn f’Ġunju tal-1969. Il-maġġoranza tal-membri tal-irvellijiet ta’ Stonewall kienu ta’ karnaġġjon skur, u ħafna minnhom kienu transġeneri.

Permezz tal-moviment Black Lives Matter, il-kultura b’mod ġenerali bdiet tinbidel b’mod tant meħtieġ lejn ir-rikonoxximent tar-rwolo vitali li n-nies ta’ karnaġġjon skur kellhom fis-soċjetà.

Barra minn hekk, l-istrixxi suwed u kannella huma maħsuba biex jirrappreżentaw ukoll lin-nies li jgħixu bl-HIV/AIDS, dawk li mietu biha, u l-istima dwar dan il-virus li għadha preżenti fis-soċjetà.

Ir-roża, il-baby blue u l-abjad jirrappreżentaw lin-nies transġeneri.

Monica Helms, li hija persuna trans, ħolqot il-bandiera tal-pride tat-transġeneri, li ġiet introdotta għall-ewwel darba f’parats tal-pride f’Fenix, Arizona lura fl-2000. Monica Helms hija attivista transġeneru, awtriċi, u veterana tan-Navy tal-Istati Uniti.

Tradizzjonalment, il-kuluri roża u blu kienu jintużaw biex jirrappreżentaw jekk tarbija hix tifel jew tifla. Hawnhekk, il-kuluri juru dawk is-sessi. Il-kulur abjad jirrapreżenta lin-nies li qed jagħmlu transizzjoni, intersesswali, jew jidentifikaw barra mill-binarju tal-ġeneru.

Il-kelma “progress” fil-bandiera l-ġdida mhix biss dwar ż-żieda fil-kuluri l-ġodda magħha. Huwa wkoll minħabba l-forma, li hija differenti mid-disinn oriġinali ta’ strixxi orizzontali biss. Il-bandiera tal-Progress Pride turi l-istrixxi bojod, roża, blu, suwed u kannella f’forma ta’ trijangolu, bil-qawsalla tradizzjonali ta’ sitt kuluri mqiegħda ħdejhom.

Dan sar intenzjonalment biex tispikka u titwassal l-importanza tal-kwistjonijiet rappreżentati fuq ix-xellug.

It-tqegħid tal-kuluri l-ġodda f’forma ta’ vleġġa huwa maħsub biex iwassal il-progress dwar id-drittijiet li għadu meħtieġ.

Għalkemm s’issa din il-bandiera għadha mhix tidher kullimkien, iżda qed tkompli tevolvi, b’bandiera differenti li ġiet introdotta din is-sena, li hija spin-off tal-bandiera Progress. Tinkludi trijangolu isfar b’ċirku vjola ġewwa fih għal persuni intersesswali u kien iddisinjat minn Valentino Vecchietti.

Tikteb messaġġi fuq l-ilbiesi li libset f’konkors tas-sbuħija biex tqajjem kuxjenza

Tikteb messaġġi fuq l-ilbiesi li libset f’konkors tas-sbuħija biex tqajjem kuxjenza

Personalità, li ċertament mhijiex wiċċ ġdid magħkom, iddeċidiet li tqajjem kuxjenza dwar żewġ suġġetti differenti billi kitbet messaġġi fuq l-ilbiesi li libset fil-konkors tas-sbuħija Mrs Malta 2021.

Florina Silvio għandha 39 sena, miżżewġa u għandha tifel ta’ 9 snin. Oriġinarjament mill-Pakistan u ilha aktar minn 20 sena tgħix Malta ġewwa ż-Żejtun, Florina hija wkoll fiżjoterapista u ppublikat tliet kotba tat-tisjir.

Riċentament, hija ħadet sehem fil-konkors tas-sbuħija Mrs Malta 2021 bit-titlu ta’ Mrs Żejtun, li fih rebħet il-premju tal-Aqwa Karattru.

Interessanti l-fatt li Florina, fir-rappreżentazzjonijiet tagħha f’dan il-konkors għamlet kollox hi, l-irtokk, xagħarha u anki ddisinjat l-istil tal-ilbiesi tagħha stess. Ir-raġuni għal dan kienet li xtaqet tirrappreżenta lilha nnifisha b’dak li hi u tagħti prova lilha nnifisha li tista’ tagħmel kollox waħedha.

Dak mhuwiex l-unika fatt interessanti però, għaliex Florina xtaqet toħloq idea ġdida kif ukoll tqajjem kuxjenza permezz ta’ messaġġi li kitbet fuq l-ilbiesi tagħha.

F’waħda mill-ilbiesi, hija kitbet “Pets are for Life”, li kif spjegatilna hi stess, qagħdet taqta’ l-ittri u l-forma tal-qattus hi stess. Florina qaltilna li d-dehra tal-qattus kienet ispirata minn The Goddess Bastet li hija l-protettiva tal-qtates.

Permezz ta’ dan il-messaġġ ridt noħloq kuxjenza dwar il-fatt li ħafna annimali domestiċi jinxtraw bħala rigali għall-Milied u okkażjonijiet oħra u mbagħad jiġu abbandunati. Infatti tnejn mill-qtates tiegħi kienu ġew abbandunati u salvajnihom aħna, allura huwa suġġett li jmissli qalbi.”

Id-disinn ta’ libsa oħra li libset fil-konkors kien fużjoni tal-Malti u l-libsa tradizzjonali tagħha biex turi s-sbuħija tad-diversità kulturali u l-aċċettazzjoni kulturali. Il-parti Maltija fil-libsa kienet is-salib, il-bizzilla ta’ Malta u l-kuluri tal-bandiera Maltija, filwaqt li l-parti tradizzjonali Asjatika kienet il-kostumi bi tliet biċċiet bir-rakkmu tad-deheb. Il-messaġġ fuq din il-libsa kien jgħid “Say No to Pollution”.

“Ridt inwassal dan il-messaġġ għax nemmen li lkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex nirrispettaw l-ambjent u d-dinja tagħna sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawduha wkoll.”

Florina qaltilna li permezz ta’ dawn il-messaġġi xtaqet turi dak li temmen fih u toħloq kuxjenza, anki jekk jasal u jagħmel differenza lil persuna waħda biss, għaliex dan jista’ jgħin fid-differenza pożittiva fil-mentalità ta’ ħafna dwar dawn is-suġġetti.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Il-Begonia Masoniana hija magħrufa wkoll bħala l-Iron Cross Begonia. Hija popolari għall-weraq sbieħ u partikolari tagħha. Kull werqa hija mmarkata b’disinn forma ta’ salib kannella fl-aħmar. Hemm possibilità li minnha tara wkoll fjuri bojod fir-roża, fir-Rebbiegħa u fis-Sajf, iżda dawn il-blanzuni huma insinifikanti meta mqabbla mal-weraq tant sbieħ. Li taqta’ l-fjuri jgħin biex ikollok weraq akbar u aktar b’saħħtu.

Poġġi l-pjanta tiegħek f’dawl qawwi u indirett, dan jgħin ukoll għall-kuluri tal-weraq.

Biddlilha l-pot sa daqs wieħed akbar biss, fir-Rebbiegħa. L-użu ta’ pot żgħira b’toqba tad-drenaġġ jgħin biex tevita ilma żejjed. Irranġa l-ħamrija bil-mod b’subgħajk b’mod li l-pjanta jkollha ftit arja madwar l-għeruq tagħha.

Issaqqihiex iżżejjed. Din hija waħda mill-ftit problemi li jista’ jkollok b’din il-pjanta. Il-Begonia Masoniana għandha għeruq rhizomtous li jiġbru l-ilma, għalhekk importanti li qabel ma ssaqqiha tħalli l-ħamrija tinxef ftit. Evita li xxarrab il-weraq għax minbarra li jittebbgħu, dan jista’ jikkawża moffa u fungus ieħor.

Din il-pjanta tħobb 50% ta’ umdità relattiva jew ogħla. Jekk m’għandekx daqshekk umdità fid-dar tiegħek, uża umidifikatur jew poġġi trej b’ċagħaq imxarrab biex iżżid l-umdità. Li tpoġġi pjanti oħrajn flimkien bħal begonji oħrajn, felċi u orkidej, jgħin biex tiżdied l-umdità fl-arja ta’ madwarhom.

Uża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull xahar matul is-sena kollha. Iffertilizza meta l-ħamrija tkun diġà niedja.

Il-pjanti kollha tal-begonia huma tossiċi għall-annimali domestiċi. Minbarra hekk, din il-pjanta tista’ tkun attrazzjoni għal caterpillars, vine weevils, aphids u mealybugs, għalhekk ħu ħsieb li kemm jista’ jkun tipproteġiha minnhom.

Enable Notifications OK No thanks