Kevin Borg jirrispondi d-domandi tagħkom

Kevin Borg jirrispondi d-domandi tagħkom

Kif forsi ħafna minnkom drajtu issa, Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċ-ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Tistgħu wkoll tgħidulna liema personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna.

Kevin Borg huwa s-sitt personalità ta’ Staqsini u Skoprini, u dawn huma r-risposti tiegħu għad-domandi tagħkom:

X’differenza tagħmel il-mużika f’ħajtek? – Maria Gatt

Insellimlek Maria. Il-mużika hija parti importanti ħafna minn ħajti. Il-mużika hija għodda sabiex inti tferraħ lin-nies u dik hija xi ħaġa li jien ngħix biex nagħmel. Nuża t-talent tiegħi sabiex indawwal ftit il-ġurnata ta’ ħaddieħor. Il-mużika tagħtini wkoll sodisfazzjon kbir għaliex parti prinċipali minn dak li nagħmel internazzjonalment huwa li nipproduċi u nikteb kanzunetti għall-artisti barranin, speċjalment ġewwa l-Asja. Is-sodisfazzjon li inti toħloq xi ħaġa u mbagħad tismagħha kantanta minn xi ħadd li għandu eluf kbar ta’ nies quddiemu hija inkredibbli.

Liem huma l-ħames affarijiet li ma tgħaddix mingħajrhom kuljum? – Christine Sammut

Insellimlek Christine. Il-ħames affarijiet li ma ngħaddix mingħajrhom huma: It-tfajla tiegħi Maria Francesca, li nsib support inkredibbli mingħandha u li hija persuna li jiena verament ixxurtjat li qegħda f’ħajti u ngħidilha li nħobbha ħafna ħafna, Il-qtates tagħna, li għandna erbgħa b’kollox, il-mużika ovvjament għax minn xħin inqum sakemm norqod dejjem għaddej inkanta u niżfen, Il-kuntatt man-nies u s-sapporters tiegħi fuq il-paġni tiegħi ta’ Facebook u Instagram, li ta’ kuljum ikun ta’ pjaċir kbir għalija li nara x’se ntella’ għaliex ir-rispons huwa inkredibbli u li dejjem inqum b’mentalità li noħloq proġetti ġodda u għandi mhux ħażin!

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fl-Iżvezja? – Sylvia Sultana

Insellimlek Sylvia. L-esperjenza tiegħi ġewwa l-Iżvezja hija waħda kontinwa nista’ ngħid, għaliex minn meta rbaħt Swedish Idol il-bibien dejjem baqgħu jinfetħu u rnexxieli li sal-ġurnata tal-lum ma niqafx bi proġetti differenti kemm fl-Iżvezja u kemm f’Malta. Minn wara dik l-esperjenza rnexxieli ndur l-Iżvezja kollha b’iktar minn 600 kunċert madwar l-Iskandinavja, naħseb issa ġew 602 għax ftit ilu kont hemm erġajt! Ġewwa l-Iżvezja ppremjawni wkoll bħala l-persuna tan-north of Sweden tas-Sena, li hija xi ħaġa inkredibbli, speċjalment jekk inti ma tkunx mill-pajjiż.

Darba minnhom, ma ninsiha qatt, kelli 82 kunċert fi tliet xhur! Kont nagħmel 2 kuljum ġieli u f’kull kunċert dejjem ikollok iktar minn tlett elef ruħ jistennewk. Xi ħaġa sabiħa ħafna. Apparti minn hekk l-eseprjenza tal-Iżvezja se nkun qed nabbinaha ma’ Malta fuq proġett li jekk Alla jrid isir realtà fi ftit xhur oħra.

Kemm huma importanti għalik il-fans lokali? Nixtieq ngħidlek li jien minn dejjem kont leali lejk, mill-bidu tal-karriera tiegħek, għadni u nibqa’. Inselli għalik ħafna. – Roberta Abela

Insellimlek Roberta. Grazzi ħafna tal-mistoqsija tiegħek u napprezza dejjem li mill-bidu dejjem kont hemm tagħtini s-sapport. Mingħajr il-fans, kemm lokali u kemm internazzjonali, dak li nagħmlu aħna jkun għalxejn. Jien peress li bdejt verament mill-ewwel tarġa u tlajt waħda waħda verament napprezza kull persuna li tgħidli prosit, għaliex naf li l-fans li għandi huma ġenwinament interessati li jarawni nagħmel suċċess u ħafna mis-suċċess tiegħi huwa grazzi għas-sapport tal-fans lokali tiegħi u b’hekk ikolli ħafna iktar enerġija u entużjażmu li nagħmel ħafna iktar proġetti ġodda ‘l quddiem. Grazzi verament mill-qalb.

Li kieku kellek tmur toqgħod barra minn Malta, terġa’ tmur? – Francesca Farrugia

Insellimlek Francesca. Ngħidlek il-verità, kien hemm żmien fejn proġett kbir li kont qed nagħmel ġewwa Los Angeles, Kalifornja, kien se jżommni noqgħod hemm. Iżda mbagħad erġajt inżilt nagħmel iktar kunċerti ġewwa l-Iżvezja u Malta. Dort xi 35 pajjiż fuq xogħol imma naħseb li kieku kelli noqgħod xi mkien nagħżel l-Amerika. Però jien għandi wkoll post li verament jogħġobni u kelli hsieb ieħor li meta niġi lura Malta mmur noqgħod hemm, dan il-post jismu Għawdex!! Nispera li ‘l quddiem din il-ħolma ssir realtà. L-aqwa li dejjem immorru bħala familja.

Kieku jkollok titgħallem sengħa, xi tkun? – Marica Hili

Insellimlek Marica. Naħseb li kieku kelli nitgħallem sengħa ġdida, tkun dik ta’ bniedem li jaf jibni kollox waħdu ġod-dar tiegħu stess. Hawn nies li jafu jgħaddu l-elettriku, ikaħħlu u jagħmlu huma u kull proġett li jkollhom ġewwa d-dar jibnuh huma. Jien nibqa’ impressjonat u nipprova dejjem nitgħallem imma fl-istess ħin frankajtha wkoll li ma nafx għax hekk ma jistgħux iqabbduni peress li jafu li mgħawġin jiġu l-affarijiet jekk nagħmilhom jien!!

Però hemm sengħa ġdida li se nkun qed naħdem fuqha. Għandha ħafna x’taqsam ma’ dak li nagħmel, però din id-darba minflok se nkun fiż-żarbun ta’ kantant, se nkun qed nilbes iż-żarbun ta’ dak li jmexxi kantant biex isir artist komplut.

Fil-pjanijiet għandna f’moħħna li niftħu Academy of Vocal Music and Performance. Sibt ħafna għajnuna minn persuni ta’ fama mondjali li huma stess jagħmlu dan u b’dak kollu li jien tgħallimt mill-Iżvezja speċjalment, se nkun qed ngħaddih lill-istudenti futuri tiegħi, sabiex mhux isiru kantanti tajbin ħafna biss, iżda importanti ħafna li fuq il-palk jieħdu pjaċir u l-mod kif tiċċaqlaq, hija importanti ħafna, allura jien se nkun kemm l-għalliem fuq kant iżda wkoll nara li jkunu artisti kompluti bħala movimenti. Niftakar li wara li kantajt minflok Chris Brown, kienet ġiet tkellimni Jordin Sparks li kienet rebħet American Idol u qaltli, “Int artist komplut”. Dan kien qaluli wkoll Desmond Child, li kiteb uħud mid-diski li biddlu x-xena tal-mużika fid-dinja kollha. Kien qalli li diska ta’ ħaddieħor nagħmilha tiegħi u dak huwa wieħed mil-ikbar punti li se nkun qed nenfasizza dwaru mal-istudenti tiegħi f’Malta fix-xhur li ġejjin.

Kif jirnexxilek tibqa’ umli daqshekk, minkejja s-suċċessi kbar li ksibt? – Irene Magri

Insellimlek Irene. Din hija mistoqsija li diffiċli nweġibha jien, però nemmen li qatt m’għandek tinsa minn fejn bdejt u lanqas lin-nies li kienu hemm meta bdejt. Jista’ jkun li tiġi mill-karattru wkoll ma nafx imma dejjem nibqa’ grat lejn it-trobbija li tawna missieri u ommi, li sfortunament m’għadhiex magħna llum, għaliex rabbewna napprezzaw kollox u naraw u nifhmu dak li huwa tajjeb u ħażin fil-ħajja.

Kemm huma importanti l-annimali f’ħajtek? – Doreen Zammit

Insellimlek Doreen, L-annimali huma parti importanti ħafna ħafna f’ħajti. Meta konna zgħar kellna amorin jismu Billy. Missieri kien għallmu, mhux biċ-ċajt din, li filgħodu jiftaħ il-gaġġa u joqgħod itir sakemm jinżel fuq biċċa injama mwaħħla ma’ mera fil-kċina u joqgħod jitkellem miegħu nnifsu, u meta jismagħna deħlin mill-iskola jiġġennen kien. Imbagħad filgħaxija kien jidħol fil-gaġġa u jagħlaq il-bieba bil-munqar jerġa’. Inkredibbli. Kelli wkoll kelb ġewwa l-Iżvezja li sfortunatament kien marad u ħalliena. Iżda llum għandna erbat iqtates. Jien qatt ma kont daqsekk close tagħhom meta kont żgħir imma llum inqishom qishom it-tfal. M’ilux marditilna Misty li kienet il-ħames waħda. Għamilna minn kollox biex nippruvaw insalvawha però sfortunatament ma rnexxilniex u dejjem se tibqa’ f’qalbna. L-annimali m’għandhomx mibgħeda, jagħtu mħabba biss u bihom f’ħajjitna ħafna iktar kuntenti.

Liema memorji mal-mamà tiegħek tgħożż l-aktar? – Janet Grech

Insellimlek Janet. Jien għalkemm tlift lill-ommi ta’ 16-il sena, xorta nħossni xxurtjat li kelli ċans inqatta’ ħin magħha, ngħaddi minn esperjenzi li kelli tat-tfulija biha fihom u ngħannaqha. Jien qatt ma kont xi kwiet, dejjem niġri ma’ saqajn ommi u missieri u kull fejn imorru huma dejjem irrid immur magħhom jiġifieri għandi ħafna memorji. Tant għandi rikordji li nista’ nikteb ktieb fuqhom.

Dawn huma affarijiet li sfortunatament it-tfajla tiegħi Maria Francesca ma rnexxilhiex tagħmel minħabba li tilfet lil ommha meta kellha biss 5 snin. Però nara fiha l-omm inkredibbli li jekk Alla jrid għad trid tkun, la nippjanaw li nibnu familja, u nerġa’ ngħidilha li nħobbha mmens.

Kevin, uħud mis-segwaċi ta’ skoperta.net, semmewlek il-Eurovision, u li jixtiquk li tirrappreżenta lil Malta f’dan il-festival. Oħrajn esprimew ix-xewqa li tikteb innu ġdid tal-Furjana. X’inhuma r-reazzjonijiet u l-kummenti tiegħek dwar dawn iż-żewġ xewqat?

Nixtieq verament nirringrazzja lil kulħadd ta’ dawn id-domandi kollha. Verament qatt ma stennejt li se nara rispons sabiħ bħal dan. Għal dawk li staqsewni għall-Eurovision, qatt ma tista’ tgħid x’se jiġri ‘l quddiem!

Bħal ma kulħadd jaf, jiena mill-Furjana u nirringrazzja verament lill-Furjanizi li dejjem issapportjawni f’kull m’għamilt. Madanakollu nixtieq nirringrazzja lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha talli meta għamilt xi ħaġa dejjem sibt lil kulħadd warajja. Xi ħaġa inkredibbli. Bħalissa qed naħdmu fuq proġett bis-sens, jiena flimkien ma’ wieħed mill-aqwa mużiċisti Żvediżi u se nkunu qegħdin inħabbru kollox fil-gimgħat li ġejjin ukoll.

Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lilek Roberta, tal-ħin u d-dedikazzjoni tiegħek sabiex tkompli tmexxi dan il-portal SKOPERTA li tant qed jagħmel suċċess. Sakemm nerġgħu nagħmlu intervista oħra, nixtieq nawgura lilkom u lill-familji kollha tagħkom is-saħħa u s-sliem. GRAZZI!

Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom!

Evelyn Saliba La Rosa tirrispondi d-domandi tagħkom

Evelyn Saliba La Rosa tirrispondi d-domandi tagħkom

Kif forsi ħafna minnkom drajtu issa, Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Tistgħu anki tgħidulna liem personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna.

Evelyn Saliba La Rosa hija t-tielet personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti għad-domandi tagħkom:

Kif bdiet il-karriera tiegħek? – Maria Sammut

Il-karriera tiegħi bdiet meta jiena, Carlos Debattista, Rachel Cachia u Abigail Mallia kellna ħolma u din il-ħolma kien jisimha Gizelle. Fil-bidu din id-drama konna se nsemmuha Evelyn imma peress li kont se nieħu sehem jien ukoll, ħsibna li n-nies kienu se jitħawwdu ftit allura semmejniha Gizelle.

Konna bdejna niktbu, u għamilna pilot, imbagħad konna daħħalna din il-pilot il-PBS biex naraw jaċċettawx lil Gizelle u qatt ma aċċettawha din id-drama. Morna ONE TV u sibna lil Dr Michael Vella Haber hemm, ra xi żewġ minuti tal-pilot, dar fuqna u qalilna biex nitilgħu fuq fl-uffiċju tiegħu, u jien dak il-ħin għidt x’ġara. Tlajna fuq, u qalilna meta ħa tibdew?

Minn hemm imbagħad ma ħarasnix lura għax imbagħad jiena, Michael Vella Haber, Adrian Saliba u Mary Rose Vella Haber għamilna kumpanija u semejniha Rewind Productions.

Bħalissa Rewind Productions għaddejha minn ħafna tibdiliet u allura ddeċidejna li nagħmlu ftit re-branding u Rewind Productions se ssir Rikordja.

Liema kien l-aktar karattru ta’ sfida li interpretajt s’issa, u għaliex? – Michelle Agius

Michelle, din hija mistoqsija interessanti ħafna għaliex kull karattru li jiena interpretajt dejjem ħassejtu bħala sfida, dejjem, anke karattru sempliċi għalija kienet sfida għaliex jien dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex nagħti l-100%. Qatt ma naħseb li jien tajba biżżejjed biex nagħmel kwalunkwe karattru allura dak il-feeling li jkolli jgħini nagħmel mill-aħjar li nista’, imma l-aktar karattru li ħassejt li kien diffiċli għalija kien il-karattru ta’ La Vedova f’La Farfalla, għaliex jien kelli ninterpreta karattru ta’ mara ta’ sebgħin sena. L-ewwelnett il-linji tiegħi kienu kollha bit-Taljan u kull darba li kelli filming, kelli nagħmel xi sitt sigħat make up qabel nibdew.

Mid-drammi kollha li ħdimt fuqhom s’issa, liema kien li tak l-akbar sodisfazzjon, u għaliex? – Bradley Zerafa

Ma nistax nagħżel għaliex kollha tawni l-istess sodisfazzjon, għax kolha kellhom sfidi differenti. Sorelle mod, Ħbieb u Għedewwa mod, dawk sfidi fihom infushom għaliex jixxandru kuljum, fihom 180 episodji. Imma l-aktar drama li qed inħoss li qed jagħtini sodisfazzjon huwa dak li qed nippreparaw bħalissa, Noli.

Noli hija drama ta’ barra minn hawn, meta jien u Michael konna qed niktbu Noli, u diġà ktibna 15-il episodju, lil Michael għidtlu naħseb aħna qed niġġennu niktbu drama ta’ dan it-tip.

Fil-fatt bħalissa għaddejja produzzjoni qawwija ħafna. Fuq produzzjoni għandna tim ftit nies imma li verament qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jirnexxilhom iġibu dak kollu li ktibna fuq l-iskrin tat-televiżjoni tat-telespettaturi tagħna. Bħalissa hemm Adrian Saliba, Mary Rose Vella Haber, Amy Vella Haber, Jessica Vella, Darren Michael Navarro u Nakita Grima. Il-ħin kollu għaddejjin gas down u għandna ħafna nies oħra li qiegħdin jgħinuna imma Noli hija drama li naħseb ħa tintgħoġob għax hemm ħafna xogħol involut u kast kbir ħafna.

Liema xeni minn Gizelle jibqgħu l-aktar għal qalbek? – Rita Vella

Kienet dik ix-xena fejn Gizelle tidħol ġo Vivienne. Niftakar li dik ix-xena kienet diffiċli ħafna għaliex Vivienne tgħaddi minn ħafna tibdiliet f’xena waħda u ovvjament kelli ninstabat ma’ dak il-bieb u naħseb dik il-biċċa għamilniha xi erba’ jew ħames darbiet allura jien ħadt daqqa fuq moħħi xi erba’ darbiet għax ovvjament kellha tkun reali allura għidtilhom li se nagħmilha u nagħmilha ta veru. Allura niftakar bdejt niġri għal ġol-bieb, ninstabat u ninxteħet lura mal-art u ġiet vera tajba, imma jien ovvjament weġġajt ftit, imma l-aqwa li ħarġet tajba.

Kollha segwejthom id-drammi tiegħek. Issa li spiċċa Sorelle, hemm xi ieħor sabiħ bħalu għas-sena d-dieħla, għal wara nofsinhar? Prosit u grazzi ħafna – Censina Camilleri

Sorelle ħa jkompli bit-tielet staġun! Jiġifieri ħa jkollkom x’taraw wara nofsinhar, u ħa jkollna drama prime time bl-isem ta’ Noli. Sorelle ħa jibqa mexxej ħafna għalkemm isir kuljum xorta baqa’ mexxej u hemm ħafna intriċċi li aħna ħallejna, bħal min kien dak il-ġuvni li mar jiltaqa’ ma’ Bella, ġuvni li ovvjament huwa wiċċ Leo meta kien żgħir. Le Sorelle għandhom problema għax ovvjament indunaw li d-droga ta’ Leo Mamo qiegħda titmexxa fil-kumpanija tagħhom stess, ta’ Sorelle. Hemm ħafna intriċċi li ovvjament aħna qisna erġajna bdejna r-rota mill-bidu.

Liema xena minn F’Ġieħ l-Imħabba kienet l-aktar diffiċli għalik bħala attriċi, iżda li tant tatek sodisfazzjon? – Joanne Camilleri

Dik ix-xena li jien kelli ma’ Patrick Tanti fejn il-karattru ta’ Giuseppe jispiċċa jistupra lil Francesca. Dak iż-żmien aħna konna qiegħdin bir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 u niftakar li jien kont ċempilt lil Patrick Tanti u għidtlu biex nagħmlu swab test u hekk għamilna. Wara li sirna nafu li t-tnejn li aħna negative, għamilna r-rehersal full out għaliha, bid-daqqa ta’ ħarta, bil-bewsa b’kollox. Dakinhar stess iddeċidejna li ma noħorġux u ma niltaqgħux ma’ nies, l-għada ltqajna u għamilniha full out. Kienet diffiċli mhux għalhekk biss imma kienet diffiċli għax ovvjament ix-xena kienet twila ħafna u movimenta ħafna, imma vera naħseb li ħarġet tajba, u jien minn hawnhekk nixtieq ngħid grazzi lil Patrick Tanti li ħa daqshekk paċenzja bija, u tajtu daqqa ta’ ħarta liema bħala, li għadu jsemmihieli sal-lum!

Liema kien l-aktar mument imbarazzanti li qatt kellek s’issa? – Sarah Bartolo

Ma naħsibx li kelli xeni imbarazzanti ta, ma naħsibx li kelli mumenti imbarazzanti on set, ħa ngħidlek għaliex, għax meta int issir attriċi, issir il-karattru, meta int attriċi professjonali tagħmel minn kollox biex tagħmel ħiltek biex tagħti l-aħjar mill-karattru li l-kittieba jagħtuk. Li niftakar darba kelli xena ma’ Hermann Bonnaci, mhux għax kienet imbarazzanti ta imma kont għadni żgħira u fil-bidu tiegħi. Issa Hermann Bonaci jiġi l-kuġin tal-mummy, u kelli nidħol fis-sodda miegħu, m’għamilna xejn ta imma xorta ħassejtni hekk, ftit imbarazzanti u Hermann vera għeni f’dik ix-xena għax tant kemm beda jiċċajta u tant kemm bdejna nidħku li għaddiet u ħadt pjaċir nagħmilha. Ovvjament konna qed nirreċtaw, m’għamilna xejn, ma kinitx xena fejn kien hemm xi bews jew xi ħaġa hekk imma xorta ma stajtx inneħħi minn moħħi li dan b’xi mod jew ieħor kien jiġi minhi. Il-bqija ma naħsibx li kelli mumenti imbarazzanti.

Ikun hemm karattri u xeni partikolari li jkunu ispirati minn esperjenzi li tkun għaddejt minnhom int stess jew persuni viċin tiegħek? – Mariah Gatt

Il-karattri tagħna huma kollha fittizji u dik hija importanti kemm għalija kif ukoll għal Dr Michael Vella Haber, jiġifieri l-karattri tagħna kważi qatt ma jkunu bbażati fuq karattri reali. Ġieli iva l-karattri li nagħżlu aħna jgħaddu minn ċerti esperjenzi li forsi nkun għaddejt minhom jien jew xi ħaddieħor qrib tiegħi. Ġieli tiġrili iva dik, u tiġri lil Michael ukoll. Ġieli ċerti esperjenzi jew emozzjonijiet li jgħaddu minnhom il-karattri tagħna nkunu jew għaddejjin minnhom aħna jew persuni qrib tagħna.

X’tippreferi, tikteb jew tirreċta? – Abigail Spiteri

Ma nistax nagħżel, it-tnejn jagħtuni ħafna u ħafna sodisfazzjon. Il-kitba tagħtina sodisfazzjon mod u r-reċtar mod ieħor, avolja kull darba li jkolli bżonn ninterpreta xi karattru, għalija jkun naqra break għax il-kitba xi kultant jien u Michael nerrew moħħna, xi kultant anke nkunu frustrati għax aħna wara kull episodju dejjem nispiċċaw b’xi cliff hanger jew b’xi twist u dik mhijiex xi ħaġa faċli allura l-kitba xi kultant tista’ tkun stressanti ħafna imma meta nirreċta dejjem jirnexxili nieħu pjaċir u nirrilassa, imma t-tnejn jagħtuni sodisfazzjon iva.

X’tista’ tgħidilna dwar il-proġetti li qed taħdmu fuqhom bħalissa? – Julie Bezzina

Kif diġà għidt, qiegħdin naħdmu fuq it-tielet staġun ta’ Sorelle u fuq dan il-proġett Noli.

Noli huwa noli għaliex huwa polizzjesk di natura. Hide and seek, min joqtol imur jistaħba u l-puluzija jibdew ifittxu għalhekk noli, hide-and-seek. L-isem Noli għalina jfisser żewġ affarijiet oħra imma dawk ma nistax ngħidhom għax inkella niżvela ħafna mil-istorja imma n-nies issa dalwaqt jibdew jindunaw għalfejn Noli. Li nista’ ngħid hu li huwa bbażat fuq ix-xogħol tal-pulizija.

Nixtieq nerġa’ nieħu l-opportunità biex ngħid grazzi mill-qalb lil kull min qed jagħti sehmu biex dan il-proġett isir realtà u jitwassal lit-telespettaturi bl-aħjar mod possibbli.

Kif għidt Sorelle ħa jkompli, l-aħwa ħa jkunu flimkien, sfortunatament din is-sena ħa jkollna nbiddlu żewġ karattri għaliex Corinne Coleiro li tagħmilha ta’ Lorraine ma tistax tkompli din is-sena. Għandha ħafna impenji personali u qaltli li ma tistax tkun committed kif kienet is-sena l-oħra, allura ddeċidejna li nbiddluha però għadna ma sibniex attriċi oħra. Rachel Genovese wkoll, li tinterpreta l-parti ta’ Louisa, qabel kienet Janice imma issa sirna nafu li hija Louisa, għandha ħafna impenji personali allura kellna nbiddluha u sibniha l-attriċi. L-attriċi se tkun Stephanie Camilleri, hija attriċi bravissima u diġà bdiet bil-filming. Hija attriċi pożittiva ħafna u kuntenti li għandna lil Stephanie issa avolja lil Rachel Genovese ħa nimmisjawha għax Rachel hija faithful ħafna għal linji, tiġi on set dejjem ippreparata, committed, ħelwa, simpatika jiġifieri verament ħa nimmisjawha u anke lil Corinne ħa nimmosjaw.

Minn hawnhekk aħna t-tim ta’ Rikordja ngħidulhom grazzi talli għamlu sentejn magħna, tal-paċenzja kollha li ħadu magħna u ovvjament nawgurawlhom għal dak kollu li qed jippreparaw għalih bħalissa.

Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom…

Dynalee Cilia tirrispondi d-domandi tagħkom

Dynalee Cilia tirrispondi d-domandi tagħkom

Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Tistgħu anki tgħidulna liem personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna!

Dynalee Cilia hija t-tieni personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti tagħha għad-domandi tagħkom:

Kemm taħseb li kien hemm xebħ bejn il-karattru tiegħek bħala Dynalee u Amy f’Division 7? – Abigail Spiteri

Bejn Amy u bejn il-karattru tiegħi kien hemm xi ftit xebħ, speċjalment fejn tidħol id-determinazzjoni, il-fatt li Amy ribelluża bħala karattru u kif ukoll fejn tidħol l-imħabba lejn il-familja. Ikolli però nammetti li fejn jidħlu teknika ta’ moħbiet u stil, m’hemm xebħ ta’ xejn.

Kif ħassejtek meta spiċċa Division 7? U kif ħassejtek taħdem ta’ Amy? – Shelly Seychell

Division 7 kien series li kien jinvolvi ħafna ħin, sfidi u sagrifiċċji. Meta spiċċa, ħassejtni kuntenta ħafna għax kien irnexxieli, flimkien ma’ sħabi tal-crew, inwettqu dak li dejjem xtaqna u kien ukoll wasal il-final. Inħossni ftit dispjaċuta li ġie fit-tmiem, imma kif jgħidu, all good things come to an end. Rigward kif ħassejtni naħdem il-parti ta’ Amy, kien pjaċir kbir tiegħi u tgħallimt ħafna mil-karattru ta’ Amy, karattru li żgur ħa jibqa f’qalbi.

Liema xeni minn Division 7 huma l-aktar għal qalbek u ħallew impatt fuqek personali? – Lisa Vella

Kull xena li kelli ta’ Amy kienet għal qalbi, għal ħafna raġunijiet differenti. Amy ħalliet impatt ghax kif diġà għidt f’din l-esperjenza nħoss li għenitni ħafna nikber, kemm fuq livell artistiku u anke personali. Kull xena tatni emozzjoni differenti u diffiċli ħafna nagħżel.

X’inhuma l-affarijiet li se ġġorr miegħek mill-parti ta’ Amy f’Division 7? – Bradley Zerafa

Bla dubju ta’ xejn l-ewwel u qabel kollox biex ma nieħux deċizjonijiet mgħaġla. L-affarijiet li ħa nġorr miegħi huma bla dubju ta’ xejn il-mumenti kollha on set li jibqgħu dejjem f’qalbi.

Issa li spiċċa Division 7, kif se tqatta’ l-ħin liberu tiegħek? – Jean Claude Bartolo

Mistoqsija tajba! Dawn l-aħħar snin kienu ‘gas down’, għax waqt li kien għaddej Division 7 jien kont ukoll qiegħda nagħmel degree l-università. Għal ftit xhur, ħa nipprova nqatta’ ħafna aktar ħin ‘relaxed’, ingawdi aktar il-familja tiegħi u n-nies li nħobb, qabel nerġa’ nibda naħdem fuq il-proġett li jmiss!

Hemm xi karattru favorit, minn dawk li diġà ħdimt (inkluż Division 7)? – Abigail Spiteri

Bla dubju ta’ xejn, dan kien l-aktar karattru favorit, u mhux ħa tkun faċli xejn biex ninterpreta karattru li jissupera lil ‘Amy’, però aħjar ma neskludi xejn, għax jaf fil-viċin, inbiddel fehmti!

Hemm xi pjanijiet oħra għal fuq it-televiżjoni? Prosit u grazzi. – Rose Calleja

Iva, diġà hemm ħafna pjanijiet oħra. Flimkien mal-crew ta’ Division 7, dan kien l-ewwel proġett tagħna mill-ħafna li għad irridu nagħmlu u l-ħolm li rridu nwettqu.

Se tkun parti minn serje ieħor impekkabbli ta’ DBA Entertainment? – Thomas Slater

Inħoss li diġa għidt ħafna, però nista’ ngħid li l- karattru ta’ Amy ma kienx l-aħħar karattru li ħa ninterpreta mat-tim ta’ Division 7 fil-futur.

Min huma dawk il-persuni li jispirawk l-aktar? – Catherine Sammut

Il-persuni l-aktar li jispirawni huma n-nies li jilqaw l-isfidi u ma jaqtgħux qalbhom. Nirringrazzja ‘l Alla li jien imdawwra b’ħafna nies hekk, li jispirawni biex jien ukoll ma naqta’ qalbi qatt!

X’parir tagħti lil dawk li għadhom fil-bidu, fejn jidħol reċtar? – Abigail Spiteri

Definitivament biex jiġru wara dak li jixtiequ, anke jekk ikun jidher il-bogħod. Meta jien bdejt drama, ma kontx nimmaġina fejn kont se nasal, però dejjem kelli grinta biex nasal il-bogħod. As the saying goes, nagħti l-parir ‘Dream, Believe, Achieve ‘. Min jaħdem għall-ħolm tiegħu, żgur li jirnexxilu jwettqu.

Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mostoqsijiet tagħkom…

Carlos Farrugia jirrispondi d-domandi tagħkom

Carlos Farrugia jirrispondi d-domandi tagħkom

Kif spjegajna ftit ġranet ilu, Staqsini u Skoprini hija rokna ġdida fuq skoperta.net fejn se tkun qed tagħti ċ-ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Carlos Farrugia huwa l-ewwel personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet tagħkom:

Hemm xi pjanijiet għal xi dramm minn tiegħek, għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira tas-sena d-dieħla 2022? – Abigail Spiteri

Iva, għas-sena d-dieħla hemm ippjanat li ntellgħu l-produzzjoni ‘VARI’ ta’ Trevor Zahra li minħabba l-pandemija ġiet posposta għal sentejn konsekuttivi. Nisperaw li jirnexxielna nagħmluha s-sena d-dieħla.

Xi tfisser għalik il-Belt Valletta? Kif tiddeskrivi tfulitek fit-toroq tal-kapitali? – Albert Ellis

Il-Belt Valletta għalija tfisser ħafna, huwa l-post fejn jiena twelidt u trabbejt u nħossni onorat li jiena mill-Belt Valletta. It-tfulija tiegħi fil-Belt kienet waħda sempliċi u sabiħa ħafna. Skola primarja, duttrina, mużew, festi, futbol, karnival, logħob fit-toroq tal-Belt, li sfortunatament illum m’għadniex narawhom, u baħar ukoll speċjalment taħt is-sur.

Attur bravu u kull parti taqlagħha kif jgħidu. Se narawk miżżewweġ xi darba? – Lily Nappa

Grazzi ħafna, napprezza immens il-kumpliment tiegħek. Jekk il-bambin irid, iva.

Hemm xi attur jew attriċi Maltija, li għadek qatt ma ħdimt magħhom, u tixtieq taħdem magħhom fil-futur? – Abigail Spiteri

Wieħed mill-atturi bravu u versatili li nixtieq naħdem miegħu huwa l-ħabib tiegħi Shawn Ciantar, li għalkemm ħdimna fl-istess produzzjonijiet, s’issa għadu qatt ma kellna xeni flimkien.

Kieku jkollok terġa’ tagħmel il-parti ta’ Sergio, taċċetta? – Daniel Zarb

Iva, naċċetta bil-qalb kollha. Sergio kien wieħed mill-iktar karattri ta’ sfida li qatt kelli u apparti hekk Sergio rebbaħni wkoll l-unur tal-aqwa attur f’Malta f’parti prinċipali fil-‘Malta Television Awards’

Naf li int ħdimt f’diversi drama Maltija fosthom Division 7. Hemm xi karattru/karattri li għoġbuk u għalfejn? U kieku ma kellekx il-parti ta’ Fr René, liem kont tagħżel li tinterpreta u għaliex? – Joanna Azzopardi

Jiena interpretajt diversi karattri u onestament jogħġbuni kollha għax huma kollha parti minni jiġifieri diffiċli nagħżel wieħed minnhom. Qishom kollha t-tfal tiegħi u m’għandix preferenzi.

F’Division 7 tant irbatt qalbi mal-karattru ta’ Fr Rene li għalkemm kien hemm ħafna karattri interessanti u b’saħħithom ma nimmaġinanix nagħmel karattru ieħor apparti Fr Rene.

Liema kienet l-aktar xena diffiċli li qatt għamilt s’issa? – Ritianne Galea

Fil-karriera tiegħi kelli ħafna xeni interessanti u diffiċli. Waħda li dejjem tibqa’ f’moħħi hija s-‘sword fight’ li kelli f’Gizelle bejn Sergio u Luigi interpretata b’mod eċċellenti mal-ħabib tiegħi u attur Anthony Ellul.

X’kien li ispirak biex tidħol fil-qasam tad-drama? – Suzanne Vella

Meta kelli xi dsatax il-sena ġejt avviċinat mis-Sur Patrick Borg biex nagħmel film qasir fuq l-aħħar ċena ta’ Kristu, għalkemm qatt ma kelli esperjenza ħadt gost ħafna naħdmu. Fl-istess sena ġejt avviċinat mill-Għaqda Drammatika Dumnikani Beltin biex nagħmel il-parti ta’ Kristu fid-dramm tal-passjoni u minn hemm il-quddiem iddeċidejt li nieħu t-teatru u d-drama bis-serjetà u qatt ma ħarist lura.

Il-fatt li int persuna pubblika jaffettwa l-ħajja personali tiegħek? – Krista Sammut

Iva, taffettwa xi ftit. Iżda nieħu gost ħafna meta jwaqqfuni n-nies u jkellmuni fuq ix-xogħlijiet artistiċi tiegħi.

Normalment dejjem nassoċjawk ma’ karattri serji, imma xi jdaħkek l-aktar, u x’hemm li jirrilassak wara ġurnata xogħol u filming? – Abigail Spiteri

Għalkemm interpretajt ħafna karattri serji, xorta interpretajt karattri komiċi, kemm fuq it-televiżjoni u kemm fit-teatru.

Li għadu u jibqa’ jdaħħaqni u jemozzjonani minn mindu kont tifel żgħir huwa l-karattru ta’ ‘The Tramp’ interpretat mill-ikbar ispirazzjoni tiegħi li huwa l-leġġenda Charles Chaplin. Apparti hekk, nieħu gost ħafna nara komiċi Maltin li ħafna minnhom huma ħbieb tiegħi u bravi immens.

Li jirrilassani wara ġurnata xogħol u impenji oħra huwa li mmur id-dar niekol flimkien mat-tfajla u naraw xi film jew series flimkien. Apparti hekk inħobbu mmorru nimxu u niskopru postijiet ġodda kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Dalwaqt inħabbru min hi t-tieni personalità li se tkun qed twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom…

Enable Notifications OK No thanks