by skoperta.net | 04/Feb/22 | Riflessjonijiet, Saħħa, Varjetà
Meta xi ħadd qrib tagħna ikun qed jikkumbatti mal-kanċer, ir-reazzjoni immedjata tagħna tkun dik li naraw x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom u nagħtu s-sapport tagħna.
Dawn huma modi differenti kif tista’ tagħti s-sapport tiegħek.
X’għandi ngħid?
Ħafna drabi, speċjalment fil-bidu, tista’ tkun konfuż dwar x’għandek tgħid jew tagħmel, iżda żomm f’moħħok li tkun miftuħ u sensittiv għal kif qed iħossu huwa dak li ħafna nies ikollhom bżonn. Li jkunu jafu li qiegħed hemm għalihom se jgħin ħafna.
Kull persuna li tkun qed tikkumbatti mal-kanċer ikollha esperjenza differenti u għalhekk ipprova tassumix kif il-persuna tista’ tħossha. Tista’ tkun qed tħossha ferħana f’ġurnata u mdejqa fl-oħra. Ipprova kun konxju tal-burdata tagħha.
Ftakar li l-persuna forsi ma tridx titkellem jew taħseb dwar il-kanċer il-ħin kollu. Li jkollok konverżazzjoni normali fuq affarijiet ta’ kuljum u li taqsam ċajta kultant tista’ tgħin ħafna.
Ipprova teħodhiex personalment jekk il-persuna ma tridx titkellem dwar il-kanċer u rrispetta l-ħtieġa tagħha għall-privatezza jew li jkollha ftit ħin għall-kwiet.
L-emozzjonijiet li jistgħu jħossu
Ħafna drabi tibda tinduna li l-burdata tal-persuna tinbidel minn mument għall-ieħor. Dan huwa normali għal min jiġi dijanjostikat b’kanċer.
Hemm firxa sħiħa ta’ emozzjonijiet li jistgħu jesperjenzaw inklużi:
- Rabja
- Dwejjaq
- Inċertezza
- Biża’
- Ħtija
- Frustrazzjoni
- Solitudni
- Iżolament
- Riċentament
- Niket
Li wieħed jifhem dawn l-emozzjonijiet jista’ jgħin biex tissapportja lill-persuna aħjar.
Sapport emozzjonali
Ir-riċerka turi li s-sapport emozzjonali mill-familja u l-ħbieb jista’ jagħmel differenza kbira għall-kwalità tal-ħajja ta’ xi ħadd bil-kanċer.
Ħafna drabi wieħed jibża’ li se jgħid xi ħaġa ħażina lil xi ħadd b’kanċer. Jekk turi li ġenwinament jimpurtak minn dak li għaddejja minnu l-persuna allura tista’ tkun ta’ sapport kbir.
Dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk:
Li tista’ tagħmel:
- Esprimi ruħek jekk qed tħossok skomdu, importanti li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni minflok tippretendi li mhix qed isseħħ.
- Xi tagħfisa fl-idejn jew tgħanniqa tagħmel differenza.
- Ċempel lill-persuna, ibagħtilha xi kartolina jew messaġġ biex turiha li qed taħseb fiha.
- Fakkarha li jekk tkun trid titkellem se ssibek dejjem hemm biex tisma’. Min-naħa tiegħek kun żgur li tkun disponibbli.
- Irrispetta l-ħtieġa għall-privatezza tagħha, anke jekk tkun qed tgħix mal-persuna.
- Issapportja lill-persuna matul id-dijanjosi kollha, fil-bidu, waqt u wara t-trattament.
- Aqsam xi ċajta u idħak magħha. Id-daħk huwa wkoll mediċina.
- Żomm ir-relazzjoni tiegħek mal-persuna normali u bilanċjata kemm jista’ jkun.
X’għandek tevita li tgħid u tagħmel:
- Evita li tgħid li taf kif qed tħossha. Qatt ma tista’ tkun taf eżattament kif iħossu xi ħadd li jkun qed jgħix b’kanċer jekk ma tkunx għaddejt minnha, u anke jekk tkun għaddejt, kulħadd huwa differenti.
- Evita li tgħidilha biex tkun b’saħħitha jew pożittiva, għaliex b’hekk tkun qed tagħmel pressjoni fuq il-persuna biex iġġib ruħha b’ċertu mod.
- Tiħux l-affarijiet personalment jekk il-persuna tidher irrabjata jew imdejqa jew ma tridx titkellem.
- Toffrix pariri li ma ġewx mitluba.
- Tqabbilx is-sitwazzjoni tal-persuna ma’ ta’ xi ħaddieħor li taf, l-esperjenza ta’ kull persuna li tgħix b’kanċer hija unika.
Li tisma’
Li tisma’ u tipprova tkun konxju tal-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ xi ħadd huwa importanti.
M’hemmx bżonn li jkollok it-tweġibiet kollha. Sempliċiment li tisma’ t-tħassib jew l-inkwiet tal-persuna jista’ jkun ta’ għajnuna kbira.
Li tisma’ lill-persuna fil-mument li jkollha bżonn huwa parti importanti mis-sapport emozzjonali.
Hawn xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk tagħmel dan:
- Ara li kemm jista’ jkun tkunu f’post privat, rilassat u bi ftit distrazzjonijiet.
- Ħares f’għajnejn il-persuna imma tiċċassax lejha.
- Ħalli l-persuna tmexxi l-konverżazzjoni u pprova tinterrompix.
- Agħti l-attenzjoni kollha tiegħek għal dak li qed tgħid.
- Jekk qed issib dak li qed tgħid il-persuna diffiċli jew ta’ dwejjaq, tbiddilx is-suġġett. Tkellem dwar kif qed tħossok, dan jista’ jipprevjeni kwalunkwe skumdità.
- Jekk il-persuna tibki, tippruvax twaqqafha jew tipprova tferraħha. Aċċertaha li huwa ok li tkun imdejqa u li hija reazzjoni normali għal dak li qed tgħaddi minnu.
- Li taqbdilha idejha tista’ tgħin imma jekk tinġibed lura, agħtiha l-ispazju li għandha bżonn.
- Ipprova tagħtix pariri sakemm il-persuna ma tkunx talbitek xi parir hi stess.
- Iddaħħalx umoriżmu f’dak il-mument sakemm ma tkunx qed tiċċajta hi stess.
- Is-silenzju mhuwiex ħażin, anzi, li jkun hemm mumenti fejn tisma’ biss mingħajr ma tlissen kelma, jistgħu jgħinu lill-persuna wkoll.
Sapport prattiku
Minbarra li tissapportja lil xi ħadd emozzjonalment, tista’ wkoll tgħin billi toffri sapport prattiku.
Tkellem mal-persuna u staqsiha jekk hemmx xi ħaġa speċifika li għandha bżonn l-għajnuna fiha.
Hawn persuni li ma jkunux iridu għajnuna jew jistgħu jsibuha diffiċli biex jaċċettawha. Forsi għax ikunu jridu jibqgħu kemm jista’ jkun indipendenti. Ipprova teħodhiex personali. Irrispettat d-deċiżjoni tal-persuna imma kun żgur li taf li jekk tibdel fehmtha, int se tkun hemm.
Li toffri li tgħin hija ħaġa sabiħa ħafna, iżda kun żgur li int kapaċi timpenja ruħek għal kwalunkwe għajnuna li tkun meħtieġa.
Dawn huma xi ideat prattiċi:
- Ipprepara xi ikliet bnini li jistgħu jiġu ffriżati.
- Twassal lill-persuna l-isptar għal testijiet tad-demm u appuntamenti.
- Tgħin fit-tindif u l-ħasil tal-ħwejjeġ.
- Tieħu mixja lill-kelb jew annimali domestiċi oħra għand il-vet.
- Toffri li tagħmel ix-xiri.
- Twassal u tmur għat-tfal l-iskola.
- Tagħmel xi qadjiet li jista’ jkollha bżonn tagħmel.
- Jekk ma tgħix mal-persuna, staqsi qabel iżżurha, f’każ li tkun qed tħossha ma tiflaħx ħafna.
Il-preżenza, ir-rispett u l-imħabba huma importanti ħafna u dejjem jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tal-individwu.
Madanakollu, inħeġġu dejjem sabiex wieħed ifittex għajnuna professjonali jekk u meta jħoss il-bżonn.
by skoperta.net | 21/Dec/21 | Konf Taf?
Fost ħafna, l-ikel u xorb jagħmlu parti kbira minn dan iż-żmien ta’ festi.
Hija xi ħaġa naturali li nkunu nixtiequ naqsmu t-tjubija tal-ikel u x-xorb li ngawdu f’dan iż-żmien mal-klieb u l-qtates tagħna għax bħala membri tal-familja tagħna nkunu rriduhom igawdu magħna, iżda ħafna drabi dak li jkun mingħalina li qed nagħtuhom biex igawdu, fir-realtà jkun qed jagħmlilhom il-ħsara.
Iva, anke l-iktar ikel bnin u sustanzjuż jista’ jikkawża ħsara lill-klieb u l-qtates, għalhekk importanti li noqogħdu attenti x’nagħtuhom u x’inħallu f’postijiet li jistgħu jilħquh faċilment.
Dawn huma ftit mill-ikel u xorb li tista’ u ma tistax tagħti lill-kelb u l-qattus tiegħek:
Għadam tat-tjur
L-għadam tat-tjur, partikolarment tad-dundjan, waħda mill-ikliet tradizzjonali ta’ dan iż-żmien, misjur, jista’ jikkawża ħsara kbira lill-annimali domestiċi. Jekk jittieklu, jistgħu jinferxu u jtaqqbu l-istonku jew l-imsaren tal-annimal. Għalhekk huwa importanti li żżomm l-għadam fejn ma jilħquhomx. Min-naħa l-oħra, il-laħam tas-sider tad-dundjan u tat-tiġieġ, u laħam abjad ieħor mingħajr għadam u ġilda huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek. Idealment il-laħam ikun mgħolli, mingħajr melħ u bżar, u mingħajr tip ta’ zalza.
Ġilda tad-dundjan
Ħafna ikel ta’ dan iż-żmien, bħall-ġilda tad-dundjan u gravy, huwa għoli fix-xaħam u diffiċli għall-annimali domestiċi biex jiddiġerixxu. Dawn it-tipi ta’ ikel jistgħu jikkawżaw marda ta’ ħafna wġigħ magħrufa bħala pankreatite, li twassal ukoll għal rimettar, dijarea u dgħjufija. Jekk m’intix se tikolha, ara li tpoġġiha f’post fejn ma jiħaqhiex il-kelb tiegħek u tarmiha eżatt wara li tkun kilt.
Basal
Il-basal iżid it-togħma delizzjuża għal ħafna platti fl-ikliet ta’ dan iż-żmien, iżda għall-qtates u l-klieb, dawn, flimkien mal-kurrat u t-tewm, jistgħu jikkawżaw anemija, problemi gastrointestinali u żieda fir-rata tal-qalb.
Iċ-ċikkulata
Iċ-ċikkulata tista’ tikkawża aċċessjonijiet u saħansitra tkun fatali għall-annimali domestiċi. Iċ-ċikkulata skura, li n-nies spiss jużaw għad-deżerti tal-ħelu ta’ dan iż-żmien, hija aktar tossika għall-annimali domestiċi miċ-ċikkulata tal-ħalib jew bajda. L-ingredjenti tossiċi jinkludu l-kaffeina u teobromina, kimika li tinsab fil-pjanta tal-kakaw. Kun żgur li żżomm iċ-ċikkulata tiegħek f’post sigur mill-annimali domestiċi.
Diversi tipi ta’ ġewż
Il-ġewż tal-makadamja, li huma ingredjent komuni fil-ħelu u gallettini ta’ dan iż-żmien u anki bħala appetizers, kif ukoll il-pistaċċi, jistgħu jkunu tossiċi għall-klieb. Dan għaliex l-ammont ta’ xaħam li għandhom jista’ jikkawża pankreatite. Barra minn hekk, il-makadamja allegatament fiha tossina mhux magħrufa li tista’ tirriżulta f’sintomi newroloġiċi. Filwaqt li l-avvelenament jista’ mhux dejjem ikun faċli biex jinstab f’annimali domestiċi, sinjali ta’ twissija kliniċi jinkludu dipressjoni, dgħjufija, rimettar, rogħda, ebusija fil-ġogi u nuqqas ta’ koordinazzjoni.
Għeneb u żbib
Fl-1989, database ta’ tossiċità kompjuterizzata għenet lill-veterinarji jidentifikaw l-għeneb u ż-żbib bħala l-kawża ta’ insuffiċjenza tal-kliewi fil-klieb. L-għeneb u ż-żbib, huma tossiċi għall-qtates u l-klieb. Għalhekk importanti li żżomm kwalunkwe deżerta jew platter li jkun fihom żbib jew għeneb ‘il bogħod mill-qattus u l-kelb tiegħek.
Għaġina bil-ħmira
Dawk li jħobbu jaħmu partikolarment f’dan iż-żmien iridu joqogħdu attenti mill-għaġina mhux moħmija peress li jekk tittiekel mill-annimali tiegħek tista’ tespandi fl-istonku tiegħu u tirriżulta f’rimettar, uġigħ addominali qawwi u nefħa.. Jekk tissuspetta li l-kelb tiegħek ħa xi biċċa għaġina mhux moħmija, ċempel lill-veterinarju tiegħek kemm jista’ jkun malajr.
Noċemuskata (Nutmeg)
Dan il-ħwawar popolari, komunament użat għal xi torta tal-qara ħamra u patata ħelwa, qatt m’għandu jingħata lill-annimali domestiċi tiegħek. Dan il-ħwawar jista’ jikkawża aċċessjonijiet, rogħda u problemi oħra. F’każijiet severi ġew irrappurtati anke mewt. Min-naħa l-oħra, il-qara ħamra plejn u l-patata ħelwa huma tajbin għall-annimali domestiċi tiegħek, għalhekk tista’ twarrab ftit biex tagħtihom qabel ma żżid ingredjenti oħra.
Ħalib
Minħabba li l-annimali domestiċi m’għandhomx ammont sinifikanti ta’ lactase (l-enzima li tkisser il-lattożju fil-ħalib), il-ħalib u prodotti oħra tal-ħalib jistgħu jikkawżaw dijarea jew taqlib diġestiv ieħor li jista’ jwassal għal deidrazzjoni. Oqgħod attent li tillimita l-ammont ta’ prodotti tal-ħalib li jieklu l-annimali domestiċi tiegħek bħala parti minn ikel ieħor li tista’ tagħtihom.
Il-kafè
Kull min iħobb il-kafè jaqbel li m’hemm xejn bħal tazza kafè wara l-pranzu f’lejl kiesaħ. Madanakollu, il-kafè huwa ħażin ħafna għall-klieb, qtates u annimali domestiċi oħra. Il-kaffeina tista’ tqanqal aċċessjonijiet u ritmi anormali tal-qalb fl-annimali domestiċi, u xi kultant tista’ tkun fatali. Xorb ieħor bil-kaffeina, bħal te u luminata wkoll mhumiex tajbin għalihom.
Alkoħol
Minħabba li huma tipikament iżgħar min-nies, l-annimali domestiċi m’għandhomx għalfejn jieħdu ħafna alkoħol biex jagħmlilhom ħażin b’mod perikoluż. Żomm dawk it-tazzi tal-inbid ‘il bogħod mill-annimali domestiċi kollha biex tevita kwalunkwe kwistjoni.
Ikel ieħor li huwa tajjeb għall-annimali domestiċi tiegħek huma:
Is-salamun, karrotti, piżelli, tuffieħ, banana, cranberries.
Għalkemm il-klieb jistgħu jieklu l-ikel imsemmi hawn fuq, ftakar li kull tip ta’ treat, kemm ikel minn tagħna kif ukoll tal-klieb, għandhom jagħmlu biss 10 fil-mija tal-konsum ta’ kaloriji tagħhom ta’ kuljum. Id-90 fil-mija l-oħra għandhom jiġu minn ikel tal-klieb b’dieta bilanċjata.
M’għandekx tagħti lill-kelb tiegħek ħafna ikel ġdid f’daqqa lanqas, anki jekk ikel bħad-dundjan u l-karrotti huwa sikur, wisq ikel ġdid f’daqqa jista’ jirriżulta f’taqlib tal-istonku.
by skoperta.net | 04/Jun/21 | Tagħrif
Il-pjanta tad-Dracaena Marginata hija pjanta ta’ ġewwa popolari b’weraq ħodor twal u rqaq imdawra bl-aħmar.
Din il-pjanta hija ideali għal dawk li għadhom jibdew isiru familjari mal-pjanti għax tittollera n-nixfa u ma tiġix affettwata minn ċerti kundizzjonijiet.
Id-Dracaena Marginata hija nattiva għall-Madagaskar u tissejjah ukoll bħala s-siġra tad-dragun. Din il-pjanta tista’ tikber sa 20 pied mit-tul jekk tkun barra, iżda ma tiġix ogħla minn 6 piedi ġewwa, speċjalment jekk tiżborha.
Hija membru tal-familja tad-dracaena, li fiha madwar 120 speċi ta’ pjanti li huma nattivi għall-Afrika, it-Tramuntana tal-Awstralja, u l-Asja tan-Nofsinhar.
Kif l-aħjar li tieħu ħsieb din il-pjanta?
Agħżel pot b’drenaġġ li huwa biss ftit pulzieri akbar mill-għerq sabiex is-sistema tal-għeruq ikollha lok biex tikber. Fir-rigward tal-ħamrija, ixtri jew agħmel taħlita b’pH ta’ 6-7.
Din il-pjanta tippreferi dawl qawwi u indirett, imma jekk id-dar tiegħek ma tantx hija mdawla, tinkwetax! Din il-pjanta tmur tajjeb ukoll f’kundizzjonijiet ta’ dawl aktar baxx iżda tikber aktar bil-mod. Importanti li ma tpoġġihiex f’xemx diretta għaliex tista’ taħraq il-weraq.
Din il-pjanta hija pjuttost reżistenti għan-nixfa u ma teħtieġx ħafna ilma, allura stenna sakemm in-nofs ta’ fuq tal-ħamrija jkun niexef għal kollox qabel ma ssaqqiha. Importanti li ma ssaqqihiex iżżejjed.
Hija pjanta li tmur tajjeb f’temperaturi sħan ta’ 18-il grad u aktar, u ma teħtiġx ħafna umdità. Żommha ‘l bogħod minn żoni fejn jgħaddi l-kurrent tal-arja.
Uża fertilizzant li jerħi bil-mod, f’Marzu jew uża fertilizzant li jista’ jitħallat mal-ilma kull 15-il jum.
Filwaqt li d-Dracaeana Marginata ma tagħmilx ħsara lill-bnedmin jekk tinbela’, hija estremament tossika għall-annimali domestiċi. Jekk għandek annimlli domestiċi kurjużi, ara li tpoġġi l-pjanta fejn ma jistgħux jilħquha.
Id-Dracaena Marginata hija pjanta li tikber bil-mod, allura jkollok bżonn tbiddlilha l-pot kull ftit snin biss. Ġeneralment wara sentejn.
Fatt interessanti huwa li din il-pjanta intużat ukoll fl-istudju famuż tan-NASA dwar l-arja nadifa u nstab li tgħin biex tneħħi l-formaldehyde mill-arja ta’ ġewwa!
by Roxanne Gauci Taliana | 28/May/21 | Tagħrif
Jekk qed tfittex pjanta li xxebblek u li tikber malajr, il-pjanta tal-Boston Ivy hija ideali għalik!
Il-Boston Ivy hija pjanta li xxebblek, jew inkella, tista’ wkoll tħalliha mifruxa orizzontalment biex tibqa’ nieżla sal-art. Jekk ma tridx li l-ivy tikber mal-ħitan, ħawwilha mill-inqas 5 metri ‘l bogħod minn kwalunkwe struttura. Tista’ tkabbarhom fuq kannizzati.
Id-dwieli iservu wkoll ta’ ħitan, kif ukoll biex jagħtu dell lill-ħajt. Jekk tixtieq tħalli l-Boston Ivy xxebblek mal-ħitan ta’ xi bini, kun żgur l-ewwel li tagħmlilha bażi sod. Ladarba d-dielja tieħu postha u tibda tikber, huwa diffiċli li tneħħiha minn mal-ħitan. Tista’ tagħmel ħsara lil ħajt meta tiġi biex tipprova tneħħiha.
Fil-klimi Maltin tas-Sajf tagħna, l-aħjar huwa li tpoġġi l-pjanta tal-Boston Ivy fuq ħitan li jħarsu lejn il-lvant jew it-tramuntana.
Il-Boston Ivy tmur l-aħjar f’ħamrija msaffija sew iżda tittollera ħafna kundizzjonijiet differenti tal-ħamrija.
Il-bżonnijiet tal-ilma tagħhom huma medji. Matul l-ewwel staġun tat-tkabbir, kun żgur li ssaqqiha ħafna sabiex l-għeruq jiżviluppaw tajjeb. Wara dan, saqqi l-pjanta bejn wieħed u ieħor kull ġimgħa, u aktar spiss meta tkun is-sħana. Hija pjuttost tolleranti għan-nixfa ladarba tkun stabbilita.
Din il-pjanta hija tossika għall-annimali domestiċi tagħna.
Filwaqt li l-fertilizzazzjoni ħafna drabi mhix meħtieġa, xi wħud japplikaw fertilizzant b’ħafna fosfru meta jħawwluha biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-għeruq. Fertilizzant normali jkun tajjeb għal kull fertilizzazzjoni li tħoss li għandek bżonn tagħmel wara dak.
by Roxanne Gauci Taliana | 21/May/21 | Tagħrif
Il-Begonia Masoniana hija magħrufa wkoll bħala l-Iron Cross Begonia. Hija popolari għall-weraq sbieħ u partikolari tagħha. Kull werqa hija mmarkata b’disinn forma ta’ salib kannella fl-aħmar. Hemm possibilità li minnha tara wkoll fjuri bojod fir-roża, fir-Rebbiegħa u fis-Sajf, iżda dawn il-blanzuni huma insinifikanti meta mqabbla mal-weraq tant sbieħ. Li taqta’ l-fjuri jgħin biex ikollok weraq akbar u aktar b’saħħtu.
Poġġi l-pjanta tiegħek f’dawl qawwi u indirett, dan jgħin ukoll għall-kuluri tal-weraq.
Biddlilha l-pot sa daqs wieħed akbar biss, fir-Rebbiegħa. L-użu ta’ pot żgħira b’toqba tad-drenaġġ jgħin biex tevita ilma żejjed. Irranġa l-ħamrija bil-mod b’subgħajk b’mod li l-pjanta jkollha ftit arja madwar l-għeruq tagħha.
Issaqqihiex iżżejjed. Din hija waħda mill-ftit problemi li jista’ jkollok b’din il-pjanta. Il-Begonia Masoniana għandha għeruq rhizomtous li jiġbru l-ilma, għalhekk importanti li qabel ma ssaqqiha tħalli l-ħamrija tinxef ftit. Evita li xxarrab il-weraq għax minbarra li jittebbgħu, dan jista’ jikkawża moffa u fungus ieħor.
Din il-pjanta tħobb 50% ta’ umdità relattiva jew ogħla. Jekk m’għandekx daqshekk umdità fid-dar tiegħek, uża umidifikatur jew poġġi trej b’ċagħaq imxarrab biex iżżid l-umdità. Li tpoġġi pjanti oħrajn flimkien bħal begonji oħrajn, felċi u orkidej, jgħin biex tiżdied l-umdità fl-arja ta’ madwarhom.
Uża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull xahar matul is-sena kollha. Iffertilizza meta l-ħamrija tkun diġà niedja.
Il-pjanti kollha tal-begonia huma tossiċi għall-annimali domestiċi. Minbarra hekk, din il-pjanta tista’ tkun attrazzjoni għal caterpillars, vine weevils, aphids u mealybugs, għalhekk ħu ħsieb li kemm jista’ jkun tipproteġiha minnhom.