Filmat: Il-Kalakku b’kanzunetta kontra l-vjolenza domestika fuq in-nisa

Filmat: Il-Kalakku b’kanzunetta kontra l-vjolenza domestika fuq in-nisa

Ftit tal-jiem ilu, il-kantant Matthew Attard magħruf bħala Il-Kalakku nieda kanzunetta ġdida b’messaġġ pjuttost b’saħħtu u dirett.

Mara, kanzunetta miktuba minn Matthew stess, tittratta l-vjolenza domestika fuq in-nisa u t-tbatija, ħafna drabi fis-silenzju, li jgħaddu minnha.

Meta staqsejna lil Matthew x’kien li wasslu biex jikteb kanzunetta bħal din, qalilna li kien il-fatt li minkejja li hawn ħafna għarfien kontra l-vjolenza domestika, xorta jibqgħu jiġru każijiet u traġedji u għaldaqstant kiteb il-kanzunetta bit-tama li l-messaġġ tagħha jkun aktar effettiv.

Il-kanzunetta hija ddedikata għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor sfaw vittma ta’ vjolenza domestika, u dawk li tilfu wkoll ħajjithom, riċentament Paulina Dembska.

Jispikka wkoll il-messaġġ minn Matthew fl-aħħar tal-filmat, li ġie rrekordjat minn Gilkicker Music u ffilmjat minn Marlon Polidano, fejn ġibed ukoll l-attenzjoni li s-sitwazzjoni tista’ tkun ukoll viċi versa.

Fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena l-Papa qal li l-vjolenza fuq in-nisa hija insult lejn Alla

Fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena l-Papa qal li l-vjolenza fuq in-nisa hija insult lejn Alla

Fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena tiegħu, il-Papa Franġisku appella b’mod ċar biex titwaqqaf il-vjolenza fuq in-nisa, u qal li din hija insult lejn Alla.

Il-Papa Franġisku, ta’ 85 sena, iċċelebra quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru dakinhar li l-Knisja Kattolika Rumana timmarka kemm is-solennità ta’ Marija Mqaddsa Omm Alla kif ukoll il-Jum Dinji tal-Paċi annwali tagħha.

Huwa bbaża l-omelija tal-Ewwel tas-Sena fuq it-temi tal-maternità u n-nisa, u użaha biex jagħmel waħda mill-aktar sejħiet qawwija tiegħu s’issa biex tintemm il-vjolenza fuqhom.

Waqt programm televiżiv Taljan ix-xahar li għadda, il-Papa Franġisku qal lil mara li kienet imsawwta mill-eks żewġha li rġiel li jagħmlu vjolenza fuq in-nisa jkunu qed iwettqu att kważi sataniku.

Minn meta bdiet il-pandemija tal-Covid-19 kważi sentejn ilu, il-Papa tkellem diversi drabi kontra l-vjolenza domestika, li żdiedet f’ħafna pajjiżi minn l-lockdowns ħallew nisa maqbuda ma’ min jabbużahom.

Jade Cini hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta

Jade Cini hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta

Jade Cini, li kienet qed tirrapreżenta l-Belt Valletta, hija r-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta, fis-serata li ġiet imxandra nhar il-Ġimgħa.

Hija se tkun qed tirrapreżenta lil Malta ġewwa Iżrael f’Diċembru li ġej, f’konkors li hu meqjus bħala l-aktar konkors prestiġjuż fid-dinja, u se tkun qed tikkompeti ma’ kontestanti minn madwar 90 pajjiż minn madwar id-dinja.

Minbarra dan, hija ħadet ukoll il-premju ta’ Miss Personality.

Hija saħqet li żżomm mal-kampanja tagħha matul il-konkors, dwar il-vjolenza domestika, u se tkompli taħdem aktar minn qatt qabel biex wara li għaddiet minnha hi stess, tgħin lil tfajliet u ġuvintur li għaddejjin minnha jsibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna.

Michela Galea, li kienet qed tirrapreżenta l-Imġarr, ikklassifikat fit-tieni post filwaqt li Maxine Formosa, li kienet qed tirrapreżenta lil San Ġiljan, ikklassifikat fit-tielet post.

Filmat: Sofriet minn vjolenza domestika u sabet l-għajnuna mill-YMCA

Filmat: Sofriet minn vjolenza domestika u sabet l-għajnuna mill-YMCA

Anna, mara ta’ 62 sena u nanna ta’ tnejn, tirrakkonta dwar is-sofferenza li għaddiet minnha meta sfat vittma ta’ vjolenza domestika.

B’emozzjoni u uġigħ li għadha ġġorr magħha sal-lum, Anna tirrakkonta kif wara li sfat armla ta’ età żgħira, iltaqgħet ma’ xi ħadd li miegħu għall-ewwel kollox beda sejjer sew, saħansitra anki bdew jgħixu flimkien.

Wara biss ftit xhur, bdiet tara bidla kbira fil-partner tagħha. Bidla li wasslitha għal esperjenza qarsa ta’ vjolenza domestika li affettwata kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Hija tispjega kif darba waħda rat in-numru tal-helpline tal-YMCA fuq it-televiżjoni u ddeċidiet li ċċempel, u minnufih sabet l-għajnuna li tant kellha bżonn u li għadha tingħata sal-lum.

Bħal Anna hemm mijiet ta’ persuni oħrajn li għaddejjin minn esperjenzi simili u differenti ta’ kull tip ta’ abbuż.

Minkejja li Anna għamlet użu mill-helpline tal-YMCA, hemm ħafna oħrajn li mhux biss jagħmlu kuntatt permezz tal-helpline iżda jirrikorru għall-YMCA minħabba li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Minbarra li l-YMCA tipprovdi l-għajnuna u sapport morali u psikoloġiku, tipprovdi wkoll shelter għal dawn il-persuni, iżda tant il-bżonn dejjem jiżdied aktar li waslu fi stat li ma jistgħux iżommu aktar nies minħabba problema ta’ spazju.

Għaldaqstant, għall-ewwel darba, għada 30 ta’ Mejju, il-YMCA se tkun qed ittella’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi bit-tema ta’ soliDARjetà, sabiex tkun tista’ tkabbar Dar Niki Cassar u b’hekk ikollha aktar spazju biex tipprovdi l-għajnuna lil aktar vittmi.

Għada, minn nofsinhar sa nofsillejl, b’xandira fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, int tista’ tkun parti minn din il-maratona.

Int tista’ turi soliDARjetà u tagħti sehmek permezz ta’ donazzjoni billi ċċempel fuq:

51702068 – €15

51802007 – €25

51902073 – €50

Enable Notifications OK No thanks