Select Page
Xaqq ta’ dawl għal Bjorn

Xaqq ta’ dawl għal Bjorn

Aħbar li kulħadd kien qed jistenna dwar Bjorn!

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Bjorn ftit tal-ħin ilu, tħabbar li jidher li minkejja t-tbatija u l-kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara l-operazzjoni riskjuża li saret fuq Bjorn, hemm xaqq ta’ dawl.

Se nippruvaw noħorġu nhar it-Tnejn. Kemm tbatija però, imma l-ħajja hekk hi. Żgur li xejn ma jiġi faċli. Inkomplu nħarsu lejn il-ftuħ ta’ Dar Bjorn, Żebbuġ, biex inkunu nistgħu ngħinu aktar nies u b’entużjażmu nibdew naħdmu fuq Dar Bjorn Respite. Kuraġġ, ma naqtgħu qalbna qatt!

Int tista’ tkompli tgħin lil Bjorn ikompli jgħin aktar nies, minkejja t-tbatija li għaddej minnha hu, billi tagħti donazzjoni fuq:

SMS – 50618936 – € 6.99

Revolut – 79209420

BOV Mobile Pay – 79096249

Bjorn jinsab aħjar! Wara 20 ġurnata seta’ jpoġġi fuq is-siġġu tiegħu!

Bjorn jinsab aħjar! Wara 20 ġurnata seta’ jpoġġi fuq is-siġġu tiegħu!

Wara 20 ġurnata fis-sodda tal-isptar, illum Bjorn seta’ jpoġġi fuq is-siġġu tiegħu għall-ewwel darba.

Ftit tal-ħin ilu Bjorn għadu kemm ħabbar li jinsab eċitat immens minħabba li għamel progress kbir. Huwa kiteb li “Dejjem kelli tama li l-affarijiet ser imorru għall-aħjar u għalhekk ma qtajtx qalbi’.

Ix-xewqa tiegħu hi li “Forsi għada jekk it-tobba jaraw li kollox sew noħroġ minn hawn ukoll. Mal-lasta! Fuq ix-xwiek imma ppreparati sew għal kull eventwalità.”

Huwa qal li flimkien ma’ Maria, jinsab ippreparat biex illejla jara id-dokumentarju, ‘Ġennata’ fuq DAR Bjorn fid-9pm fuq TVM.

Huwa rringrazzja u apprezza lil kull minn bagħatlu xi messaġġ.

It-tim kollu ta’ Skoperta iħeġġiġkom biex illejla taraw id-dokumentarju ‘Ġennata’, iżżommu lil Bjorn fit-talb tagħkom u tagħtu donazzjoni b’risq Dar Bjorn Respite.

🅱️ BOV Mobile Pay – 79096249
✉️ SMS – 50619271 – €11.65 👉 https://bit.ly/SMSdonation1165

☎️ CALL – 51802018 – €25 👉 https://bit.ly/CALLdonation25e
☎️ CALL – 51902075 – €50 👉 https://bit.ly/CALLdonation50e

💻 Online – https://bit.ly/DonateDARBjornRespite

Ġenituri akkużati li lagħbu l-flus li ngħataw għat-trattament ta’ binhom li għandu kanċer

Ġenituri akkużati li lagħbu l-flus li ngħataw għat-trattament ta’ binhom li għandu kanċer

Ġenituri ta’ tifel ta’ 7 snin li għandu kanċer, ġew akkużati li lagħbu d-donazzjonijiet li ngħataw għat-trattament binhom.

Il-koppja ġew akkużati b’miżaproprijazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus. It-tnejn li huma ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Wara li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-koppja, għaliex qalet li jekk jinżammu arrestati kien se jkun hemm riperkussjonijiet fuq saħħet it-tifel, l-avukat Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-missier m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest għaliex il-koppja kienet qed tiġi akkużata li ffrodat lil binhom stess minbarra entitajiet oħrajn.

Min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest tal-omm.

Il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha. In-nies kollha li taw donazzjoni, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Puttinu Cares għad iridu jittellgħu jixhdu.

Filwaqt li ordnat li jiġu ffriżati l-assi tal-koppja, il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-missier iżda tat il-ħelsien mill-arrest lill-omm fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000.

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq proġetti fil-missjoni

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq proġetti fil-missjoni

Ftit snin ilu, waqt li qabdet liż-żewġt itfal żgħar tagħha, Eunesh bdiet vjaġġ ta’ tliet sigħat mill-għarix tal-familja tagħha fil-Muntanji ta’ Hawassa, fin-Nofsinhar tal-Etjopja. B’binha u b’bintha jbatu minn malnutrizzjoni akuta u bla flus biex tħallas għal tabib jew klinika medika fil-qrib, dak li kellu jkun żmien ta’ ferħ, seta’ faċilment jispiċċa fi traġedja.

Eunesh kienet determinata li tasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bushulo fejn kienet taf li wliedha setgħu jirċievu l-kura li kellhom bżonn. L-unika xewqa tagħha kienet is-saħħa u l-kuntentizza tat-trabi tagħha.

Din hija is-seba’ sena li Missio Malta qed jorganizza l-maratona #hopemissiofest, b’risq proġetti fil-missjoni, illum l-4 ta’ Ġunju.

Matul is-sena 2021, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja aktar minn 123 proġett. Dawn il-proġetti huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi.

Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fi proġetti relatati ma’ ilma nadif, bini ta’ skejjel, xiri ta’ roti u proġetti oħra.

Tista’ ssegwi l-maratona, li se tibqa’ għaddejja sal-11pm fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek.

Tista’ wkoll tmur int stess bl-offerta tiegħek waqt il-maratona fil-WE Media Studios, Ħal Qormi, jew iċċempel fuq in-numri murija fuq l-iskrins tat-televiżjoni. Tista’ wkoll tisponsorja xi proġett żgħir.

Possibiltà oħra hi li tingħata offerta on line fuq www.missio.org.mt. Voluntiera minn Missio se jkunu qed jiġbru l-offerta tiegħek minn darek waqt il-ħin tal-maratona.

Dawk l-Għawdxin li jixtiequ jagħtu d-donazzjoni tagħhom personalment, jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fl-Uffiċċju Missjunarju tar-Rabat, Għawdex li hu miftuħ sabiex jilqa’ d-donazzjonijiet sat-8pm.

Ejjew mela ningħaqdu lkoll flimkien ghal Missio biex niġbdu ħabel wieħed u nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna, li jgħixu f’artijiet tal-missjoni. Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, hija apprezzata, għaliex kif jgħid il-qawl Malti: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra!

Agħti d-donazzjoni tiegħek permezz ta’ dawn in-numri:

5170 2063 – €15

5180 2064 – €25

5190 2061 – €50

Sms: 5061 9294 – €11.6

Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Ilbieraħ, Jason Azzopardi iddikjara li ta r-riżenja tiegħu minn membru tal-Partit Nazzjonalista lis-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Huwa żvela dan permezz ta’ post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fl-istess post, b’mod dettaljat spjega dwar ikla li saret fl-ewwel jiem ta’ Diċembru 2021, fejn skont hu, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, li fosthom kien hemm żewġt negozjanti irġiel, it-tnejn qraba mill-viċin ta’ persuna li tinsab għaddejja proċeduri kriminali b’konnessjoni ma’ assassinju.

Azzopardi qal li f’din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti kuntrattur u sid ta’ negozju kbir ta’ appliances. Huwa stqarr li dawn iż-żewġt iqraba tal-persuna akkużata li kienu preżenti mhumiex parti min-negozju tat-Tumas Group.

L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żied jgħid li f’din l-ikla, il-Kap tal-PN ingħata donazzjoni ta’ flus għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN li saret ftit jiem biss wara.

Semma wkoll li ġie infurmat li qabel ma bdiet din l-ikla, il-Kap tal-PN ittieħed fil-ġenb minn dawn iż-żewġt iqraba li semmewlu s-suġġett ta’ proklama għal dan l-akkużat. Is-sorsi li tkellmu ma’ Jason Azzopardi qalulu li l-Kap tal-PN ta assigurazzjoni li kieku kellu jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama f’dan il-każ.

Jason qal li jaf ukoll li n-negozjant li jbigħ l-appliances li kien preżenti, ismu jibda bl-“O” qal lil Kap tal-PN, waqt l-istess ikla, li ma kienx se jivvota lill-Partit Nazzjonalista sakemm ikun hemm Jason Azzopardi.

Skont Jason, it-tweġiba li l-Kap tal-PN tah kienet: “inti kellimni wara l-elezzjoni.”

Filwaqt li sostna li ma jistax jikxef is-sorsi għal raġunijiet li ma jistax jesprimi pubblikament, Jason qal li dan kollu sar jafu minn tliet sorsi differenti li għandhom aċċess dirett għal min ħa sehem fl-ikla, għaż-żewġt iqraba u għan-negozjant.

Saħaq li hu tahom il-kelma li jipproteġi l-kunfidenzjalità u hekk se jagħmel, jiġri x’jiġri.

Azzopardi fakkar li f’okkażjonijiet differenti fl-2021, il-Kap tal-PN pubblikament esprima l-fehma li dan l-akkużat għandu jingħata l-proklama, xi ħaġa li hu ma jaqbilx magħha u kien ukoll esprimi ruħu dwar dan.

Għal Jason, din mhix imġiba aċċettabbli. Fil-fehma tiegħu, il-politiċi kollha għandhom joqogħdu attenti li ma jagħmlu xejn li jista’ jagħti l-impressjoni li lesti jagħmlu kompromessi ma’ mafjużi. Huwa qal li għall-kriminali, l-unika udjenza li jista’ jkollhom hi l-qrati, mhux il-Partiti. Agħar minn hekk, tingħata l-impressjoni li l-ħtieġa tal-partiti li jiġbru l-flus mingħand min jiflaħ iħallas tagħti xi aċċess preferenzjali lill-kriminali sinjuri, żied jgħid Jason.

Huwa qal li l-Kap tal-PN biss jaf jekk id-deċiżjoni tiegħu li pubblikament jargumenta favur il-proklama għal dan l-individwu kinitx riżultat ta’ donazzjonijiet li ngħata jew iż-żewġ affarijiet humiex separati u m’għandhomx x’jaqsmu.

Jason sostna li internament kien ikkritika kif iż-żewġ affarijiet, l-assigurazzjoni lill-qraba tal-akkużat, u d-dikjarazzjoni pubblika favur il-Proklama, ikkonfermaw il-vulnerabbiltà tal-politika għall-indħil tal-kriminali.

Żied jgħid li minflok illimita ruħu għall-kritika interna, għamel il-kritika b’mod pubbliku meta skont Jason, l-isforz ta’ ħafna xhur biex jiġi eskluż mill-PN laħaq il-qofol tiegħu meta l-Kap tal-PN iddikjara jew implika pubblikament li Jason Azzopardi huwa “skadut”. B’referenza għad-diskors li Bernard Grech qal f’intervista, li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu

Skont Jason, b’dik l-istqarrija sar ċar għal kulħadd li l-PN ma jridx iħalli aktar spazju lil min għalih id-distanza bejn il-politika u min juża flusu biex jixtri privileġġi ‘l fuq mil-liġi hu prinċipju li miegħu ma jsirux kompromessi u allura ma baqgħetx possibbli għalih li jagħmel kritika interna.

Jason Azzopardi qal li b’qalbu maqsuma, jirrikonoxxi għal kollox x’ried ifisser il-Kap tal-PN meta qal li Jason u allura min jifhimha bħalu hu skadut u eskluż mill-Partit Nazzjonalista.

Żied jgħid li bi kliemu u għemilu, Bernard Grech għamlu orfni politiku, u stqarr li llum qed jifhem ħafna li dawk li jgħidu li m’għadhomx jagħrfu l-PN, il-Partit li kienu jgħożżu u li issa rendihom orfni politiċi.

Huwa sostna li bid-deċiżjoni li ħa, se jevita lin-nies ta’ rieda tajba fil-PN, li saħaq li hemm ħafna nies ta’ rieda tajba, il-proċess skabruż li jgħadduh ġuri għall-fehmiet tiegħu u minflok iddeċieda li jirriżenja mill-PN.

Jason issieħeb fil-PN meta kellu biss 17-il sena u stqarr li qatt ma ħaseb li kien se jasal jagħmel din l-azzjoni.

“Minn dakinhar tajt ħajti għall-missjoni tal-PN, servejt, mhux mingħajr żbalji, fir-rwoli, karigi u uffiċċji differenti, imma żgur mingħajr qatt ma fittixt l-interess personali, u rajt li l-politika tkun hemm biex taqdi lil kulħadd mhux lil min, għax għandu ħafna flus, jara li l-liġi tinkiteb jew titħaddem biex taqdi lilu”

Jason Azzopardi

Minkejja li ammetta li żbalji u difetti kellu u għad għandu, huwa qal li l-integrità tiegħu baqgħet mhux mimsusa. “La qatt kont għall-bejgħ u lanqas ħa nħalli lil min ibigħni.”

Żied jgħid li minkejja li skont Bernard Grech hu skadut, se jżomm sod mal-valuri tiegħu u li sa ftit ilu kienu tal-PN, “li l-ġustizzja trid issir u li kulħadd hu l-istess quddiem il-liġi irrispettivament minn kemm għandu flus u aċċess għall-politiċi.”

Fl-istess waqt, esprima t-tama li l-PN u l-Kap tiegħu jirrikonoxxu li f’dan l-episodju seħħew żbalji serji li jridu jiġu indirizzati u qatt ripetuti.

Ikkonkluda billi qal li kull min fil-politika ġenwinament jistinka għall-ġustizzja, dejjem se jsib l-appoġġ tiegħu, hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Fl-aħħarnett Jason Azzopardi qal li jittama li ħadd ma jgħaddi minn dak li jien għadda minnu fl-aħħar xhur.

Enable Notifications OK No thanks