
Bil-filmat: “Bqajt miegħu sal-aħħar” – Dorianne, mart Silvio Parnis
F’intervista ma’ Karl Bonaci fuq F Living Show, il-mara ta’ Silvio Parnis, Dorianne, qalet li kien reliġjuż ħafna u dejjem jitlob, u anki kien jemmen li se jfiq.
Fil-fatt, qalet li minkejja li kien qed ibati, dejjem baqa’ pożittiv u kien jaħseb kif se jkompli l-ħidma tiegħu jekk jerġa’ jieħu saħħtu.
Iddeskriviet lil żewġha bħala bniedem b’karattru sabiħ, rasu iebsa, iżda qalbu tajba u dejjem jara kif se jgħin lil dak li jkun. “Bniedem li ma tistax ma tħobbux,” żiedet tgħid.
Dorianne qalet li wara l-familja, għal Silvio, in-nies kienu importanti ħafna, partikolarment l-anzjani u dawk l-aktar fil-bżonn. Stqarret li ħadha bi kbira ħafna meta permezz ta’ telefonata sar jaf li mhux se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjani.
Emozzjonata, Dorianne, li ltaqgħet għall-ewwel darba ma’ Silvio 17-il sena ilu f’attività ta’ Bjorn, b’risq l-ALS, qalet li baqgħet ma żewġha sal-aħħar, anki meta hu stess kien jgħidilha biex tmur id-dar. Stqarret li saħansitra ma kinitx tmur tara lit-tifel tagħhom Jacob jilgħab il-futbol biex toqgħod ma’ żewġha.
Hija rringrazzjat lill-familja kollha tagħhom, lill-istaff tiegħu, lil Karl Bonaci li kien jaħdem mill-viċin miegħu, lill-istaff mediku u lil dawk kollha li baqgħu jissapportjawh sal-aħħar.
Segwi l-intervista sħiħa:
Silvio Parnis ħalla din id-dinja fit-3 ta’ Jannar fl-età ta’ 57 sena.
