Kif nista’ nieħu ħsieb il-pjanta tad-Dracaena Marginata? – Roxanne Gauci Taliana

Kif nista’ nieħu ħsieb il-pjanta tad-Dracaena Marginata? – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta tad-Dracaena Marginata hija pjanta ta’ ġewwa popolari b’weraq ħodor twal u rqaq imdawra bl-aħmar.

Din il-pjanta hija ideali għal dawk li għadhom jibdew isiru familjari mal-pjanti għax tittollera n-nixfa u ma tiġix affettwata minn ċerti kundizzjonijiet.

Id-Dracaena Marginata hija nattiva għall-Madagaskar u tissejjah ukoll bħala s-siġra tad-dragun. Din il-pjanta tista’ tikber sa 20 pied mit-tul jekk tkun barra, iżda ma tiġix ogħla minn 6 piedi ġewwa, speċjalment jekk tiżborha.

Hija membru tal-familja tad-dracaena, li fiha madwar 120 speċi ta’ pjanti li huma nattivi għall-Afrika, it-Tramuntana tal-Awstralja, u l-Asja tan-Nofsinhar.

Kif l-aħjar li tieħu ħsieb din il-pjanta?

Agħżel pot b’drenaġġ li huwa biss ftit pulzieri akbar mill-għerq sabiex is-sistema tal-għeruq ikollha lok biex tikber. Fir-rigward tal-ħamrija, ixtri jew agħmel taħlita b’pH ta’ 6-7.

Din il-pjanta tippreferi dawl qawwi u indirett, imma jekk id-dar tiegħek ma tantx hija mdawla, tinkwetax! Din il-pjanta tmur tajjeb ukoll f’kundizzjonijiet ta’ dawl aktar baxx iżda tikber aktar bil-mod. Importanti li ma tpoġġihiex f’xemx diretta għaliex tista’ taħraq il-weraq.

Din il-pjanta hija pjuttost reżistenti għan-nixfa u ma teħtieġx ħafna ilma, allura stenna sakemm in-nofs ta’ fuq tal-ħamrija jkun niexef għal kollox qabel ma ssaqqiha. Importanti li ma ssaqqihiex iżżejjed.

Hija pjanta li tmur tajjeb f’temperaturi sħan ta’ 18-il grad u aktar, u ma teħtiġx ħafna umdità. Żommha ‘l bogħod minn żoni fejn jgħaddi l-kurrent tal-arja.

Uża fertilizzant li jerħi bil-mod, f’Marzu jew uża fertilizzant li jista’ jitħallat mal-ilma kull 15-il jum.

Filwaqt li d-Dracaeana Marginata ma tagħmilx ħsara lill-bnedmin jekk tinbela’, hija estremament tossika għall-annimali domestiċi. Jekk għandek annimlli domestiċi kurjużi, ara li tpoġġi l-pjanta fejn ma jistgħux jilħquha.

Id-Dracaena Marginata hija pjanta li tikber bil-mod, allura jkollok bżonn tbiddlilha l-pot kull ftit snin biss. Ġeneralment wara sentejn.

Fatt interessanti huwa li din il-pjanta intużat ukoll fl-istudju famuż tan-NASA dwar l-arja nadifa u nstab li tgħin biex tneħħi l-formaldehyde mill-arja ta’ ġewwa!

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Begonia Masoniana? – Roxanne Gauci Taliana

Il-Begonia Masoniana hija magħrufa wkoll bħala l-Iron Cross Begonia. Hija popolari għall-weraq sbieħ u partikolari tagħha. Kull werqa hija mmarkata b’disinn forma ta’ salib kannella fl-aħmar. Hemm possibilità li minnha tara wkoll fjuri bojod fir-roża, fir-Rebbiegħa u fis-Sajf, iżda dawn il-blanzuni huma insinifikanti meta mqabbla mal-weraq tant sbieħ. Li taqta’ l-fjuri jgħin biex ikollok weraq akbar u aktar b’saħħtu.

Poġġi l-pjanta tiegħek f’dawl qawwi u indirett, dan jgħin ukoll għall-kuluri tal-weraq.

Biddlilha l-pot sa daqs wieħed akbar biss, fir-Rebbiegħa. L-użu ta’ pot żgħira b’toqba tad-drenaġġ jgħin biex tevita ilma żejjed. Irranġa l-ħamrija bil-mod b’subgħajk b’mod li l-pjanta jkollha ftit arja madwar l-għeruq tagħha.

Issaqqihiex iżżejjed. Din hija waħda mill-ftit problemi li jista’ jkollok b’din il-pjanta. Il-Begonia Masoniana għandha għeruq rhizomtous li jiġbru l-ilma, għalhekk importanti li qabel ma ssaqqiha tħalli l-ħamrija tinxef ftit. Evita li xxarrab il-weraq għax minbarra li jittebbgħu, dan jista’ jikkawża moffa u fungus ieħor.

Din il-pjanta tħobb 50% ta’ umdità relattiva jew ogħla. Jekk m’għandekx daqshekk umdità fid-dar tiegħek, uża umidifikatur jew poġġi trej b’ċagħaq imxarrab biex iżżid l-umdità. Li tpoġġi pjanti oħrajn flimkien bħal begonji oħrajn, felċi u orkidej, jgħin biex tiżdied l-umdità fl-arja ta’ madwarhom.

Uża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull xahar matul is-sena kollha. Iffertilizza meta l-ħamrija tkun diġà niedja.

Il-pjanti kollha tal-begonia huma tossiċi għall-annimali domestiċi. Minbarra hekk, din il-pjanta tista’ tkun attrazzjoni għal caterpillars, vine weevils, aphids u mealybugs, għalhekk ħu ħsieb li kemm jista’ jkun tipproteġiha minnhom.

Enable Notifications OK No thanks