Select Page
“Nidhru differenti iżda m’għandna xejn ħażin u inqas minn ħaddieħor” – Maxline

“Nidhru differenti iżda m’għandna xejn ħażin u inqas minn ħaddieħor” – Maxline

Settembru huwa x-xahar li fih, nieħdu l-opportunità, biex fost oħrajn, inqajmu aktar kuxjenza u nwasslu aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tal-alopecia.

L-alopecia hija kundizzjoni li tikkawża telf ta’ xagħar. Persuna b’din il-kundizzjoni titlef ix-xagħar kollu tagħha, inkluż ix-xagħar tal-għajnejn, tal-wiċċ u tal-ġisem, u ta’ fuq ir-ras.

Maxline Bartolo, mara li tgħix bil-kundizzjoni tal-alopecia, wasslet messaġġ fuq il-midja soċjali tagħha bl-għan li tgħin tfajliet żgħar li għaddejjin mill-istess sitwazzjoni.

Hija appellat lin-nies biex meta jaraw lil xi ħadd għaddej fit-triq li f’għajnejhom jidher differenti minnhom, biex ma jidħkux għaliex dak il-bniedem ikollu storja warajh.

Saħqet li l-ebda kundizzjoni mhi tad-daħk u li wieħed għandu jiċċajta biha.

Maxline qalet li għalkemm hi u min jgħix b’din il-kundizzjoni m’għandhomx xagħar twil u jidhru differenti, m’għandhom xejn ħażin u inqas minn ħaddieħor.

Fil-messaġġ tagħha, Maxline appellat biex inkomplu nedukaw lit-tfal, lill-adulti kif ukoll lill-anzjani li ma fiha xejn ħażin li tidher differenti u li ħadd m’għandu jaqa’ għall-ebda konklużjoni.

L-Arċisqof joffri li jagħmilha ta’ medjatur bejn Mario Mallia u Patri Aaron Zahra

L-Arċisqof joffri li jagħmilha ta’ medjatur bejn Mario Mallia u Patri Aaron Zahra

L-Arċisqof Charles Scicluna offra li jagħmilha ta’ medjatur bejn Mario Mallia u r-Rettur tal-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir, Patri Aaron Zahra jekk jaċċettaw u jkunu lesti jiddiskutu.

Dan tħabbar minn kelliema għall-Knisja f’Malta wara li lbieraħ, l-MUT ħabbret tilwima industrijali mal-Ordni tad-Dumnikani u mas-Segrerarjat tal-Edukazzjoni Kattolika b’reazzjoni għat-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn kap tal-kulleġġ.

Waqt protesta li fiha pparteċipaw għadd ta’ studenti, edukaturi u ġenituri quddiem il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta, l-MUT ikkundannat id-deċiżjoni tal-bord tal-kulleġġ u tar-Rettur Patri Aaron Zahra għat-tkeċċija ta’ Mario Mallia kif ukoll talbet ir-riżenja jew it-tneħħija tagħhom mill-kariga.

L-MUT allegat li minbarra t-tkeċċija ta’ Mario Mallia, Patri Aaron Zahra bagħat tliet ittri legali lill-membri tal-istaff biex iwaqqfu l-protesta li kienet se ssir.

Fl-istqarrija, l-MUT qalet li l-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir huwa istituzzjoni edukattiva ewlenija li jistħoqqilha tmexxija bi sfond ta’ tmexxija edukattiva b’saħħitha u viżjoni li tħares ‘il quddiem u tqis li l-bord u r-Rettur mhumiex kapaċi jmexxu istituzzjoni edukattiva permezz tal-azzjonijiet tagħhom.

Kemm l-MUT kif ukoll persuni oħrajn, inkluż Mario Mallia nnifsu sostnew li t-tkeċċija tiegħu ġiet minħabba inizjattivi relatati mal-inklużjoni. Madankollu, il-bord tal-kulleġġ u r-Rettur ċaħdu kategorikament u qalu li t-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali li ma ġewx solvuti.

Il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur jiċħdu li Mario Mallia tkeċċa minħabba inizjattivi ta’ inklużjoni

Il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur jiċħdu li Mario Mallia tkeċċa minħabba inizjattivi ta’ inklużjoni

Fi stqarrija, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet, skont huma, infondati, li bħalissa qed jiċċirkolaw pubblikament u li dehru fuq mezzi tax-xandir.

Huma ċaħdu kategorikament li Mario Mallia tkeċċa minħabba kwistjonijiet dwar inizjattivi relatati mal-inklużjoni.

Huma qalu li t-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċeduri li ilhom jinġemgħu, u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx solvuti.

Fl-istqarrija, qalu li għal bosta snin l-istess Provinċja Dumnikana Maltija sostniet finanzjarjament u b’diversi modi oħra l-operat tal-Kulleġġ, u dan anke fiż-żmien meta Mallia kien surmast.

Żiedu jgħidu li sa mit-twaqqif tiegħu, 74 sena ilu, il-Kulleġġ kien diġà joffri edukazzjoni lil studenti minn kull oqsma tal-ħajja u tħal żmien twil il-Provinċja rat li tassisti familji u studenti li ma kellhomx mezzi biex iwettqu l-edukazzjoni ta’ wliedhom.

Enfasizzaw ukoll li l-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir dejjem kellu għal qalbu kull sistema li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti, tal-familji u tal-edukaturi kollha, inklużi miżuri ta’ inklussività li dejjem ħaddnet u li se timbotta ’l quddiem fis-snin li ġejjin bl-istess viżjoni u perseveranza.

Il-bord saħaq li jħossu marbut bi dmir li jibqa’ kommess għall-għan ewlieni tiegħu, li jiżgura l-edukazzjoni u l-benesseri olistiku ta’ kull persuna afdata lilu.

Fid-dawl ta’ dan, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir qal li jħoss li mhuwiex opportun li jiddiskuti fil-pubbliku din il-kwistjoni iżda qal li lest li jagħmel dan meta jkun il-waqt.

Koppja li tmexxi childcare akkużata li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn

Koppja li tmexxi childcare akkużata li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li ssospenda l-liċenzja ta’ childcare centre immexxi minn koppja li ġiet arrestata fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni għall-prostituzzjoni kif ukoll li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn.

Permezz ta’ mandat, il-pulizija daħlet fil-post fejn qed jiġi allegat li kien qed jitmexxa burdell, sabet tliet nisa barranin, li ġew arrestati, u lir-raġel, Duncan Caruana, li allegatament kien qed jieħu ħsieb il-flus.

Skont l-investigazzjoni tal-pulizija, tnejn mit-tliet nisa, li huma mill-Amerika t’Isfel, ġew Malta bit-tir li jaqilgħu l-flus mill-prostituzzjoni iżda t-tielet mara ġiet ittraffikata. Minħabba din ir-raġuni, ma nħarġet l-ebda akkuża kontriha.

Il-mara, Francesca Caruana, kienet involuta wkoll fin-negozju billi allegatament kienet tagħmel l-appuntamenti u tavża lin-nisa xħin għandhom jiftħu l-bieb lill-klijenti.

Allegatament, il-klijenti tal-burdell kienu jħallsu €50 għal servizzi ta’ nofsiegħa u €100 għal siegħa.

It-tnejn li huma ċaħdu kull akkuża miġjuba kontrihom.

Aħwa Ġermaniżi li jsostnu li saru jinħabbu u kellhom erbat itfal jinsistu li l-inċest għandu jkun legali

Aħwa Ġermaniżi li jsostnu li saru jinħabbu u kellhom erbat itfal jinsistu li l-inċest għandu jkun legali

Aħwa Ġermaniżi li jsostnu li wara li mietet ommhom saru jinħabbu b’mod ferm differenti minn dik ta’ aħwa, u kellhom erbat itfal ilhom snin jappellaw biex jinbidlu l-liġijiet li jipprojbixxu relazzjoni bħal tagħhom.

Patrick Stuebing ta’ 44 sena minn Leipzig ġie adottat meta kien tifel u ma ltaqax ma’ oħtu ż-żgħira, Susan Karolewski ta’ 37 sena, sakemm irnexxielu jsib lill-familja bioloġika tiegħu meta kellu fuq l-għoxrin sena.

Sitt xhur wara li mietet l-omm bioloġika tagħhom, il-koppja, li dak iż-żmien kellhom 16 u 23 sena, iddeskrivew kif ir-relazzjoni tagħhom inbidlet f’waħda sesswali.

Il-koppja kellha erbat itfal, li tnejn minnhom huma b’diżabilità severa, b’Patrick jiskonta żewġ sentenzi ta’ ħabs wara li nstab ħati ta’ inċest.

Din il-koppja qajmet kontroversja fil-midja meta r-relazzjoni tagħhom ħarġet fil-pubbliku fl-2001. Minn hemm bdiet il-ġlieda tagħhom biex jikkontestaw il-liġijiet tal-inċest tal-Ġermanja li jagħmlu s-sess bejn l-aħwa illegali.

Fl-2012 Patrick appella lill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissiġilla l-unjoni tagħhom billi sostna li hu u Susan kellhom dritt għall-ħajja tal-familja.

F’dak iż-żmien Patrick qal li ma jħossuhomx ħatja ta’ dak li ġara bejniethom u li jridu li titneħħa l-liġi li tagħmel l-inċest reat.

Patrick twieled f’familja li ma kinitx f’qagħda tajba, fl-1977 f’Leipzig u kien wieħed minn tmint itfal.

Ta’ tliet snin, ġie ffosterjat wara li kien attakkat b’sikkina minn missieru li kien alkoħoliku.

Huwa ġie adottat ta’ 7 snin kważi 100 mil bogħod fil-belt ta’ Portsdam.

Oħtu, Susan, twieldet fl-1984, dakinhar li ġie ffinalizzat id-divorzju tal-ġenituri tagħhom.

Susan, li għandha diżabbiltà mentali, trabbiet fl-istess dar abbużiva u ma tantx kellha edukazzjoni, bilkemm kienet kapaċi taqra u tikteb.

Uħud mis-sitt aħwa mietu wara li twieldu b’diżabilità, filwaqt li ieħor miet b’inċident ta’ 7 snin.

Sa Ottubru tal-2001, Susan ħarġet tqila bl-ewwel wild tagħhom u welldet tifel li rriżulta li kellu diżabilità severa.

Infermiera li ssuspettat fin-natura tar-relazzjoni tagħhom, ikkuntattjat lill-pulizija Ġermaniża qabel Patrick weħel sena ħabs sospiża għall-inċest u Susan, ta’ 17-il sena, li kienet għadha meqjusa bħala minorenni, tpoġġiet f’istituzzjoni għall-kura.

Il-koppja komplew jiltaqgħu bil-moħbi u kellhom tlett itfal oħra, waħda minnhom twieldet b’diżabilità wkoll.

Patrick weħel ħabs għal għaxar xhur għat-tieni kundanna tiegħu ta’ inċest u mbagħad għal sentejn u nofs oħra wara li nstab ħati għat-tielet darba.

Il-koppja ċaħdet li wliedhom twieldu b’diżabilità minħabba n-natura tar-relazzjoni tagħhom.

Meta tkellem fl-2007, Patrick qal li l-fatt li tnejn minn uliedhom huma b’diżabilità, mhux bilfors għandu x’jaqsam mal-fatt li huma aħwa. Huwa rrimarka li hemm persuni b’diżabilità fil-familja tagħhom u li kellhom sitt aħwa li f’xi każijiet ma baqgħux ħajjin minħabba li kienu b’diżabilità.

Waqt li Patrick kien il-ħabs, Susan kienet qalet lill-ġurnalisti li ma setgħetx tgħix mingħajru, minkejja li sadanittant kellha l-ħames wild ma’ raġel ieħor.

Madanakollu, l-omm ta’ ħamest itfal ċediet id-drittijiet tagħha tat-tifel u mar jgħix ma’ missieru.

Patrick għadda minn vasectomy fl-2004 u pprova jibdel il-liġi Ġermaniża li għamlet l-inċest illegali fi sforz biex ma jerġax jintbagħat il-ħabs.

Iżda fl-2008 Il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja kkonfermat il-liġi u ċaħdet l-appell tiegħu.

Fl-2012 Patrick appella wkoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn qal li l-koppja kellha dritt għall-ħajja tal-familja u għall-privatezza.

Għal darb’oħra l-appell ġie miċħud wara li l-qorti emmnet li l-koppja kienet ġiet ittrattata b’mod ġust mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

Huma baqgħu jsostnu li mhumiex se jħallu xejn iżommhom ‘il bogħod minn xulxin.

Huwa maħsub li l-koppja għadhom jgħixu flimkien fil-Lvant tal-Ġermanja, fejn il-liġi għadha li l-inċest bejn l-aħwa huwa illegali.

Huwa wkoll illegali fir-Renju Unit u wieħed jista’ jeħel għomor il-ħabs.

Enable Notifications OK No thanks