Select Page
“Tinsiex ix-xogħol, tinsiex il-ħaddiema” – Il-Papa Franġisku

“Tinsiex ix-xogħol, tinsiex il-ħaddiema” – Il-Papa Franġisku

Dalgħodu l-Papa Franġisku attenda avveniment bl-isem ‘Economy of Francesco’, ġewwa Assisi, fejn it-tema tax-xogħol kienet iċ-ċentru tad-diskors tiegħu.

Fid-diskors tiegħu l-Papa talab li x-xogħol jerġa’ jiġi lura fiċ-ċentru tal-ekonomija. Fil-fatt huwa enfasizza fuq “Tinsiex ix-xogħol, tinsiex il-ħaddiema”. Ix-xogħol huwa diġà l-isfida ta’ żmienna, u sostna li l-isfida ser tkun akbar fil-futur. Mingħajr xogħol denju u mħallas tajjeb, iż-żgħażagħ ma jsirux verament adulti, filwaqt l-inugwaljanzi jiżdiedu.

Huwa tenna li xi drabi tista’ tgħix mingħajr xogħol, però ma tgħix tajjeb. Waqt li qed toħloq il-prodotti u s-servizzi, “tinsiex toħloq impjiegi, impjiegi tajbin, impjiegi għal kulħadd”. Kompla billi jgħid “Ejja nbiddlu ekonomija li toqtol f’ekonomija ta’ paċi.”

Id-diskors tiegħu kompla billi dar fuq iż-żgħażagħ u appellalhom biex jittrasformaw “ekonomija li toqtol f’ekonomija tal-ħajja”. Huwa spjega kif filwaqt li l-ġenerazzjoni tiegħu ħalliet ħafna rikkezzi, huma ma tawx kas id-dinja u mhux qed iħarsu l-paċi. Għalhekk huwa qallilhom li “Intom imsejħin biex issiru artiġjani u bennejja tad-dar komuni, dar komuni li bħalissa qiegħda tinqered.”

Il-Papa Franġisku jrid ekonomija ġdida, ispirata minn Franġisku ta’ Assisi – ekonomija ta’ ħbiberija mad-dinja u ekonomija ta’ paċi. Hija kwistjoni ta’ “trasformazzjoni ta’ ekonomija li toqtol f’ekonomija tal-ħajja, fid-dimensjonijiet kollha tagħha”.

Ma tistax aktar taħsel idejk u tinħasel b’ilma sħun f’postijiet pubbliċi ta’ Belt fil-Ġermanja

Ma tistax aktar taħsel idejk u tinħasel b’ilma sħun f’postijiet pubbliċi ta’ Belt fil-Ġermanja

Il-belt Ġermaniża ta’ Hanover waqqfet milli tipprovdi ilma sħun fil-postijiet pubbliċi kollha u minflok qalbet għal ilma kiesaħ biss minħabba l-kriżi tal-gass Russu.

Hija l-ewwel belt kbira li tfiet l-ilma sħun wara li r-Russja naqqset b’mod drammatiku l-provvista tal-gass tal-Ġermanja.

Il-Ġermaniżi qalulhom jistennew miżuri kbar ta’ tnaqqis tal-gass u ħlasijiet żejda fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

L-UE qablet li tnaqqas id-domanda għall-gass Russu din ix-xitwa bi 15%.

Fi sforz biex tiffranka l-enerġija, il-belt tat-Tramuntana tal-Ġermanja ta’ Hanover iddeċidiet li l-ilma sħun mhux se jibqa’ disponibbli għall-ħasil tal-idejn f’bini pubbliku, jew fid-doċoċ fil-pixxini, swali tal-isports u gyms.

Funtani pubbliċi qed jintfew ukoll biex jiffrankaw l-enerġija, u mhux se jkun hemm dwal ta’ billejl fuq bini bħal mużewijiet.

Is-Sindku Belit Onay qal li l-għan kien li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-belt bi 15% b’reazzjoni għal “nuqqas imminenti tal-gass” li ħoloq sfida sinifikanti għall-ibliet il-kbar.

Ir-regoli japplikaw ukoll għat-tisħin. Bini pubbliku mhux se jkollu tisħin minn April sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena, b’temperaturi tal-kamra limitati għal massimu ta’ 20C għall-bqija tas-sena, b’xi eżenzjonijiet.

Il-belt qed tipprojbixxi wkoll air conditioners, heaters u radjaturi portabbli.

Dawn il-miżuri huma konformi ma’ avviżi minn Berlin il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif il-Ġermanja tfittex biex tibni r-riżervi tagħha qabel ix-xitwa. Bliet oħra, bħal Augsburg fil-Bavarja, diġà introduċew il-miżuri tagħhom stess bħat-tifi tal-funtani pubbliċi.

Il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15% f’Hanover taqbel mal-mira tal-UE kollha li titnaqqas id-dipendenza fuq il-gass Russu.

U nhar il-Ħamis, il-Ġermanja kkonfermat li soprataxxa tal-gass ippjanata fuq il-klijenti tista’ tkun ferm ogħla milli kien mistenni qabel, biex tipprova tiżgura li l-kumpaniji tal-enerġija ma jfallux fix-xhur li ġejjin. “S’issa ma nistgħux ngħidu kemm se jiswa l-gass f’Novembru, iżda l-aħbar xejn sabiħa hi li żgur huma ftit mijiet ta’ ewro għal kull dar,” qal il-Ministru għall-Ekonomija Robert Habeck.

Xi rapporti qalu li l-imposta tista’ tiswa lill-familji €500 żejda fis-sena.

Il-Ġermanja ilha tiddependi fuq il-gass Russu għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħha iżda dan l-aħħar akkużat lir-Russja li naqqset il-provvisti tal-gass bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet tal-UE dwar il-gwerra fl-Ukrajna, xi ħaġa li r-Russja tiċħad.

Il-provvisti tal-gass Russu issa jammontaw għal madwar kwart tal-ħtiġijiet tan-nazzjon, meta mqabbla ma’ aktar min-nofs qabel il-gwerra.

Ir-Russja tnaqqas aktar il-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa

Ir-Russja tnaqqas aktar il-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa

Bħalissa l-Ewropa tinsab ukoll fi kriżi tal-enerġija, u dan ifisser li l-pajjiżi se jissieltu biex iżommu d-djar sħan u l-industrija tibqa’ għaddejja din ix-xitwa.

Dan għaliex ir-Russja naqqset aktar il-provvisti tal-gass naturali tal-Ewropa, użat biex iħaddem fabbriki, jiġġenera l-elettriku u jsaħħan id-djar fix-xitwa. Moska tgħid li l-kunsinni permezz ta’ pipeline maġġuri lejn il-Ġermanja, Nord Stream 1, se jinżlu għal 20% din il-ġimgħa.

Għalkemm ir-Russja qed tgħid li dan qed iseħħ minħabba raġunijiet tekniċi, il-gvern Ġermaniż qal li dan mhuwiex minnu u li ma kien hemm l-ebda raġuni teknika.

Il-mexxejja Ewropej qed jippreparaw għall-possibbiltà li r-Russja taqta’ l-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa kompletament, u qalu li l-President Russu Vladimir Putin qed juża l-enerġija għall-influwenza politika fil-konfront tiegħu mal-Punent dwar il-gwerra fl-Ukrajna.

B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-pajjiżi biex inaqqsu l-użu tal-gass bi 15% matul is-seba’ xhur li ġejjin.

It-tnaqqis fil-provvisti mill-kumpanija tal-gass tar-Russja Gazprom aktar kmieni din il-ġimgħa, naqqas il-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 1, ir-rotta ewlenija tal-kunsinna lejn l-Ewropa għall-gass Russu.

Nord Stream 1 jammonta għal madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-gass Russu lejn l-Ewropa.

Dan qed joħloq tħassib fost il-membri tal-Unjoni Ewropea minħabba li jekk ir-Russja tiddeċiedi li taqta’ l-gass kompletament, dan se jaffettwa l-ekonomija tal-pajjiżi.

Is-sena l-oħra, ir-Russja provdiet lill-Unjoni Ewropea 40% tal-gass tagħha.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jaħtar ix-Shadow Cabinet

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jaħtar ix-Shadow Cabinet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum ħatar ix-shadow cabinet.

Filwaqt li rringrazzja lid-deputati li servew fil-5 snin li għaddew, huwa awgura lill-kelliema l-ġodda għax-xogħol li se jkunu qed jagħmlu fis-snin li ġejjin.

Dan huwa x-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista:

David Agius – Deputy Speaker u Kelliem għall-Politika Soċjali – Responsabbli mill-politika soċjali, il-politika dwar il-familja, s-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, u s-servizzi ta’ solidarjetà.

Robert Arrigo – Kelliem għat-Turiżmu.

Robert Cutajar – Whip, Segretarju tal-Grupp Parlamentari u kelliem għas-Self Employed u Intrapriżi ż-Żgħar.

Paula Mifsud Bonnici – Assistent Whip, Kelliema għall-Anzjanità Attiva – Responsabbli mill-anzjani, is-servizzi fil-komunità u d-djar għall-anzjani.

Darren Carabott – Chairperson PAC u Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika – Imexxi l-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Karol Aquilina – Kelliem għall-Ġustizzja – Responsabbli mill-Qrati, l-Avukat ġenerali, l-avukat tal-istat u n-nutar tal-Gvern.

Graziella Attard Previ – Kelliema għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal – Responsabbli mill-ugwaljanza, id-drittijiet ċivili, id-drittijiet umani, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politika u d-drittijiet tat-tfal.

Charles Azzopardi – Kelliem għad-Delizzji u l-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja – Responsabbli mill-ħarsien u l-promozzjoni tad-delizzji tradizzjonali inkluż il-kaċċa u l-insib u l-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Ivan Bartolo – Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-ġlieda kontra l-faqar – Responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, l-awtorità tad-djar u l-ġlieda kontra l-faqar.

Ivan J Bartolo – Kelliem għall-Ekonomija u ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda – Responsabbli mill-industrija, ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, l-Airmalta, l-ekonomija diġitali u lintelliġenza artifiċjali.

Toni Bezzina – Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd – Responsabbli mill-politika rurali, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura, is-sajd u l-akwakultura.

Graham Bencini – Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali – Responsabbli mill-politika dwar l-isport, il-kumplessi sportivi, l-ġlieda kontra l-obesità u x-xandir nazzjonali

Bernice Bonello – Kelliema għaż-Żgħażagħ u l-fondi Ewropej.

Alex Borg – Kelliem għal Għawdex.

Eve Borg Bonello – Kelliema għat-tibdil fil-Klima.

Claudette Buttigieg – Kelliema għal-libertajiet ċivili, id-djalogu soċjali u l-ġlieda kontra d-dijabete – Responsabbli mill-libertajiet ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-MCESD u l-ġlieda kontra d-dijabete.

Ryan Callus – Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura – Responsabbli mix-xogħolijiet pubbliċi, il-manifattura u s-servizzi u l-proġetti Infrastrutturali tal-Gvern.

Jerome Caruana Cilia – Kelliem għall-Finanzi – Responsabbli mis-settur tal-finanzi, it-tassazzjoni u s-servizzi finanzjarji.

Ivan Castillo – Kelliem għas-settur Marittimu u x-Xogħol – Responsabbli mill-affarijiet Marittimi, il-freeport, il-portijiet, il-politika nazzjonali dwar ix-xogħol, il-ħolqien ta’ impjiegi, Jobsplus u r-relazzjonijiet industrijali.

Janice Chetcuti – Kelliema għall-Ambjent, Ħolqien ta’ Spazji ġodda u Drittijiet tal-annimali – Responsabbli mill-qasam tal-ambjent, l-afforestazzjoni, il-ħolqien ta’ spazji ġodda u l-ħarsien tal-annimali.

Rebekah Cilia – Kelliema għall-Artijiet u drittijiet tal-konsumatur – Responsabbli mill-Artijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u membru tal-Bord tal-Artijiet f’isem l-Oppożizzjoni.

Adrian Delia – Kelliem għat-Trasport, Mobilità u l-Proġetti Kapitali – Responsabbli mit-trasport, toroq, l-avjazzjoni u l-proġetti kapitali tal-Gvern.

Beppe Fenech Adami – Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

Graziella Galea – Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

Joe Giglio – Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi – Responsabbli mill-intern, il-korpi dixxiplinati, l-immigrazzjoni, s-sigurtà, is-servizzi korrettivi, ċċittadinanza u r-riformi.

Mark Anthony Sammut – Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża.

Justin Schembri – Kelliem għall-Edukazzjoni.

Stephen Spiteri – Kelliem għas-Saħħa.

Ian Vassallo – Kelliem għall-kura Primarja u s-saħħa mentali.

Julie Zahra – Kelliema għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura.

Stanley Zammit – Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Responsabbli mill-indafa pubblika u l-manutenzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xjenza u tteknoloġija, il-kostruzzjoni u l-ippjanar tal-iżvilupp.

Fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qed jassenja wkoll il-ħidma fil-kumitati permanenti tal-Parlament.

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

Kull gwerra tħalli effetti diżastrużi, primarjament fit-telfiet tal-ħajja ta’ diversi persuni. Effett ieħor tal-gwerra huwa wkoll fuq l-ekonomija kemm dak tal-pajjiżi li direttament huma affettwati mill-gwerra u anke ta’ pajjiżi li indirettement ukoll jiġu affettwati.

Il-gwerra fl-Ukrajna ġiet fiż-żmien fejn pajjiżi diġà bdew jesperjenzaw inflazzjoni għolja ikkawżata mill-effett tal-Covid. Fl-Ewropa, l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet kwazi 3%, rata li ilha ma tiġi reġistrata għal aktar minn għaxar snin. Bl-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni mistennija tiżdied ħafna iktar. Ir-raġuni primarjament hija minħabba l-importanza tar-Russja fl-ekonomija globali kif ukoll tal-Ukrajna.

Biss biss, mill-aspett ta‘ enerġija, kwazi 40% mill-elettriku fl-Ewropa huwa ġenerat mill-fossil fuels u l-ikbar sors ta‘ gass u żejt ġej mir-Russja. Iċ-ċaqliq fil-kwantità tirrifletti fil-prezzijiet taż-żejt, tant hu hekk li l-prezz taż-żejt beda jeskala b’rata allarmanti. Dan iċ-ċaqliq jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tad-dawl li jħalli impatt qawwi fuq l-enterpriżi kif ukoll familji, partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Sfortunatement l-Ewropa għadha ma ddiversifikatx biżżejjed is-settur tal-energija u b‘hekk id-dipendenza fuq ir Russja għadha wisq gholja.

L-effett fuq l-ekonomija mistenni jinħass ukoll fuq l-ikel. L-Ukrajna tipproduċi l-akbar volum ta’ sunflower oil u r-Russja t-tieni l-akbar produzzjoni. Bejniethom it-tnejn jipproduċu madwar 60% mill-ammont globali. Dawn iż-żewġ pajjiżi jesportaw ukoll kwazi 30% mill-qamħ globali. Hekk kif il-produzzjoni tieqaf minħabba il-gwerra, il-prezzijiet ta’ dawn il prodotti kif ukoll prodotti li jiddependu fuqhom, bħal ħalib u għaġin, mistennija jiżdiedu sostanzjalment ukoll.

L-effett tal-inflazzjoni, u b’hekk l-għoli tal-ħajja, tirriżulta wkoll fit-tnaqqis ta’ konsum u ta’ investiment: żewġ pilastri tal-ekonomija. Hekk kif il-konsum u l-investiment jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba l-inċertezza globali, l-ekonomija tibda tistagħġna u minflokk tikber tibda tiċkien. Dan jispiċċa jirrifletti fi problemi għall-impjiegi kif ukoll id-dħul għall-ekonomiji.

Għalhekk l-effett ta’ din il gwerra mistenni jkun dirett u indirett kif ukoll effetti ta’dak li huwa immedjat u dak li glad irid jinħass għat-tul ta’ żmien. It-tama hi li s-soluzzjonijiet ma jdumux ma jinstabu u li l-għajnuna tingħata diretta u kif meħtieġa, partikolarment għal min ikun l-aktar affettwat.

Enable Notifications OK No thanks