Austin – Ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali

Austin – Ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali

Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Austin, ir-raġel li ddedika ħajtu kompletament għall-annimali.

Skoprejna dwar l-imħabba u d-dedikazzjoni kbira ta’ Austin għall-annimali madwar 11-il sena ilu, meta Xarabank wassal l-istorja tiegħu.

Għal ħafna snin, Austin għex waħdu ma’ aktar minn 80 kelb u qattus, mingħajr elettriku, għaliex kien aktar importanti għalih li jagħti dak kollu li jista’ lill-annimali u jieħu ħsiebhom milli li jgħix f’ambjent aktar komdu għalih.

Minkejja dan, huwa kien jgħix kuntent u ma kienx jimmaġina ħajtu modieħor.

Austin trabba mas-sorijiet tal-Ursolini, u l-imħabba tiegħu lejn l-annimali nibtet minn ta’ età żgħira. Fil-filmat ta’ Xarabank, huwa stqarr li kellu ħajja pjuttost iebsa iżda l-annimali kienu ħajtu u li kieku ma kellux lilhom ma kien ikollu lil ħadd.

Minħabba li Austin kien marad u kellu bżonn il-kura, l-Island Sanctuary għenuh ħadulu ħafna mill-klieb u l-qtates u ħalla ftit biss miegħu.

Ċertament li dak ir-raġel, li seraq il-qlub ta’ ħafna, partikolarment dawk li jħobbu lill-annimali, madwar 11-il sena ilu, se jibqa’ mfakkar għall-persuna speċjali li kien.

L-aħħar tislima lil Austin se tingħata nhar il-Ħamis it-2 ta’ Ġunju fis-14:30 fil-knisja tal-Madonna tad-Duluri, il-Ħamrun.

Insellmulek Austin!

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

Kull gwerra tħalli effetti diżastrużi, primarjament fit-telfiet tal-ħajja ta’ diversi persuni. Effett ieħor tal-gwerra huwa wkoll fuq l-ekonomija kemm dak tal-pajjiżi li direttament huma affettwati mill-gwerra u anke ta’ pajjiżi li indirettement ukoll jiġu affettwati.

Il-gwerra fl-Ukrajna ġiet fiż-żmien fejn pajjiżi diġà bdew jesperjenzaw inflazzjoni għolja ikkawżata mill-effett tal-Covid. Fl-Ewropa, l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet kwazi 3%, rata li ilha ma tiġi reġistrata għal aktar minn għaxar snin. Bl-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni mistennija tiżdied ħafna iktar. Ir-raġuni primarjament hija minħabba l-importanza tar-Russja fl-ekonomija globali kif ukoll tal-Ukrajna.

Biss biss, mill-aspett ta‘ enerġija, kwazi 40% mill-elettriku fl-Ewropa huwa ġenerat mill-fossil fuels u l-ikbar sors ta‘ gass u żejt ġej mir-Russja. Iċ-ċaqliq fil-kwantità tirrifletti fil-prezzijiet taż-żejt, tant hu hekk li l-prezz taż-żejt beda jeskala b’rata allarmanti. Dan iċ-ċaqliq jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tad-dawl li jħalli impatt qawwi fuq l-enterpriżi kif ukoll familji, partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Sfortunatement l-Ewropa għadha ma ddiversifikatx biżżejjed is-settur tal-energija u b‘hekk id-dipendenza fuq ir Russja għadha wisq gholja.

L-effett fuq l-ekonomija mistenni jinħass ukoll fuq l-ikel. L-Ukrajna tipproduċi l-akbar volum ta’ sunflower oil u r-Russja t-tieni l-akbar produzzjoni. Bejniethom it-tnejn jipproduċu madwar 60% mill-ammont globali. Dawn iż-żewġ pajjiżi jesportaw ukoll kwazi 30% mill-qamħ globali. Hekk kif il-produzzjoni tieqaf minħabba il-gwerra, il-prezzijiet ta’ dawn il prodotti kif ukoll prodotti li jiddependu fuqhom, bħal ħalib u għaġin, mistennija jiżdiedu sostanzjalment ukoll.

L-effett tal-inflazzjoni, u b’hekk l-għoli tal-ħajja, tirriżulta wkoll fit-tnaqqis ta’ konsum u ta’ investiment: żewġ pilastri tal-ekonomija. Hekk kif il-konsum u l-investiment jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba l-inċertezza globali, l-ekonomija tibda tistagħġna u minflokk tikber tibda tiċkien. Dan jispiċċa jirrifletti fi problemi għall-impjiegi kif ukoll id-dħul għall-ekonomiji.

Għalhekk l-effett ta’ din il gwerra mistenni jkun dirett u indirett kif ukoll effetti ta’dak li huwa immedjat u dak li glad irid jinħass għat-tul ta’ żmien. It-tama hi li s-soluzzjonijiet ma jdumux ma jinstabu u li l-għajnuna tingħata diretta u kif meħtieġa, partikolarment għal min ikun l-aktar affettwat.

Kevin Borg jirrispondi d-domandi tagħkom

Kevin Borg jirrispondi d-domandi tagħkom

Kif forsi ħafna minnkom drajtu issa, Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċ-ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Tistgħu wkoll tgħidulna liema personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna.

Kevin Borg huwa s-sitt personalità ta’ Staqsini u Skoprini, u dawn huma r-risposti tiegħu għad-domandi tagħkom:

X’differenza tagħmel il-mużika f’ħajtek? – Maria Gatt

Insellimlek Maria. Il-mużika hija parti importanti ħafna minn ħajti. Il-mużika hija għodda sabiex inti tferraħ lin-nies u dik hija xi ħaġa li jien ngħix biex nagħmel. Nuża t-talent tiegħi sabiex indawwal ftit il-ġurnata ta’ ħaddieħor. Il-mużika tagħtini wkoll sodisfazzjon kbir għaliex parti prinċipali minn dak li nagħmel internazzjonalment huwa li nipproduċi u nikteb kanzunetti għall-artisti barranin, speċjalment ġewwa l-Asja. Is-sodisfazzjon li inti toħloq xi ħaġa u mbagħad tismagħha kantanta minn xi ħadd li għandu eluf kbar ta’ nies quddiemu hija inkredibbli.

Liem huma l-ħames affarijiet li ma tgħaddix mingħajrhom kuljum? – Christine Sammut

Insellimlek Christine. Il-ħames affarijiet li ma ngħaddix mingħajrhom huma: It-tfajla tiegħi Maria Francesca, li nsib support inkredibbli mingħandha u li hija persuna li jiena verament ixxurtjat li qegħda f’ħajti u ngħidilha li nħobbha ħafna ħafna, Il-qtates tagħna, li għandna erbgħa b’kollox, il-mużika ovvjament għax minn xħin inqum sakemm norqod dejjem għaddej inkanta u niżfen, Il-kuntatt man-nies u s-sapporters tiegħi fuq il-paġni tiegħi ta’ Facebook u Instagram, li ta’ kuljum ikun ta’ pjaċir kbir għalija li nara x’se ntella’ għaliex ir-rispons huwa inkredibbli u li dejjem inqum b’mentalità li noħloq proġetti ġodda u għandi mhux ħażin!

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fl-Iżvezja? – Sylvia Sultana

Insellimlek Sylvia. L-esperjenza tiegħi ġewwa l-Iżvezja hija waħda kontinwa nista’ ngħid, għaliex minn meta rbaħt Swedish Idol il-bibien dejjem baqgħu jinfetħu u rnexxieli li sal-ġurnata tal-lum ma niqafx bi proġetti differenti kemm fl-Iżvezja u kemm f’Malta. Minn wara dik l-esperjenza rnexxieli ndur l-Iżvezja kollha b’iktar minn 600 kunċert madwar l-Iskandinavja, naħseb issa ġew 602 għax ftit ilu kont hemm erġajt! Ġewwa l-Iżvezja ppremjawni wkoll bħala l-persuna tan-north of Sweden tas-Sena, li hija xi ħaġa inkredibbli, speċjalment jekk inti ma tkunx mill-pajjiż.

Darba minnhom, ma ninsiha qatt, kelli 82 kunċert fi tliet xhur! Kont nagħmel 2 kuljum ġieli u f’kull kunċert dejjem ikollok iktar minn tlett elef ruħ jistennewk. Xi ħaġa sabiħa ħafna. Apparti minn hekk l-eseprjenza tal-Iżvezja se nkun qed nabbinaha ma’ Malta fuq proġett li jekk Alla jrid isir realtà fi ftit xhur oħra.

Kemm huma importanti għalik il-fans lokali? Nixtieq ngħidlek li jien minn dejjem kont leali lejk, mill-bidu tal-karriera tiegħek, għadni u nibqa’. Inselli għalik ħafna. – Roberta Abela

Insellimlek Roberta. Grazzi ħafna tal-mistoqsija tiegħek u napprezza dejjem li mill-bidu dejjem kont hemm tagħtini s-sapport. Mingħajr il-fans, kemm lokali u kemm internazzjonali, dak li nagħmlu aħna jkun għalxejn. Jien peress li bdejt verament mill-ewwel tarġa u tlajt waħda waħda verament napprezza kull persuna li tgħidli prosit, għaliex naf li l-fans li għandi huma ġenwinament interessati li jarawni nagħmel suċċess u ħafna mis-suċċess tiegħi huwa grazzi għas-sapport tal-fans lokali tiegħi u b’hekk ikolli ħafna iktar enerġija u entużjażmu li nagħmel ħafna iktar proġetti ġodda ‘l quddiem. Grazzi verament mill-qalb.

Li kieku kellek tmur toqgħod barra minn Malta, terġa’ tmur? – Francesca Farrugia

Insellimlek Francesca. Ngħidlek il-verità, kien hemm żmien fejn proġett kbir li kont qed nagħmel ġewwa Los Angeles, Kalifornja, kien se jżommni noqgħod hemm. Iżda mbagħad erġajt inżilt nagħmel iktar kunċerti ġewwa l-Iżvezja u Malta. Dort xi 35 pajjiż fuq xogħol imma naħseb li kieku kelli noqgħod xi mkien nagħżel l-Amerika. Però jien għandi wkoll post li verament jogħġobni u kelli hsieb ieħor li meta niġi lura Malta mmur noqgħod hemm, dan il-post jismu Għawdex!! Nispera li ‘l quddiem din il-ħolma ssir realtà. L-aqwa li dejjem immorru bħala familja.

Kieku jkollok titgħallem sengħa, xi tkun? – Marica Hili

Insellimlek Marica. Naħseb li kieku kelli nitgħallem sengħa ġdida, tkun dik ta’ bniedem li jaf jibni kollox waħdu ġod-dar tiegħu stess. Hawn nies li jafu jgħaddu l-elettriku, ikaħħlu u jagħmlu huma u kull proġett li jkollhom ġewwa d-dar jibnuh huma. Jien nibqa’ impressjonat u nipprova dejjem nitgħallem imma fl-istess ħin frankajtha wkoll li ma nafx għax hekk ma jistgħux iqabbduni peress li jafu li mgħawġin jiġu l-affarijiet jekk nagħmilhom jien!!

Però hemm sengħa ġdida li se nkun qed naħdem fuqha. Għandha ħafna x’taqsam ma’ dak li nagħmel, però din id-darba minflok se nkun fiż-żarbun ta’ kantant, se nkun qed nilbes iż-żarbun ta’ dak li jmexxi kantant biex isir artist komplut.

Fil-pjanijiet għandna f’moħħna li niftħu Academy of Vocal Music and Performance. Sibt ħafna għajnuna minn persuni ta’ fama mondjali li huma stess jagħmlu dan u b’dak kollu li jien tgħallimt mill-Iżvezja speċjalment, se nkun qed ngħaddih lill-istudenti futuri tiegħi, sabiex mhux isiru kantanti tajbin ħafna biss, iżda importanti ħafna li fuq il-palk jieħdu pjaċir u l-mod kif tiċċaqlaq, hija importanti ħafna, allura jien se nkun kemm l-għalliem fuq kant iżda wkoll nara li jkunu artisti kompluti bħala movimenti. Niftakar li wara li kantajt minflok Chris Brown, kienet ġiet tkellimni Jordin Sparks li kienet rebħet American Idol u qaltli, “Int artist komplut”. Dan kien qaluli wkoll Desmond Child, li kiteb uħud mid-diski li biddlu x-xena tal-mużika fid-dinja kollha. Kien qalli li diska ta’ ħaddieħor nagħmilha tiegħi u dak huwa wieħed mil-ikbar punti li se nkun qed nenfasizza dwaru mal-istudenti tiegħi f’Malta fix-xhur li ġejjin.

Kif jirnexxilek tibqa’ umli daqshekk, minkejja s-suċċessi kbar li ksibt? – Irene Magri

Insellimlek Irene. Din hija mistoqsija li diffiċli nweġibha jien, però nemmen li qatt m’għandek tinsa minn fejn bdejt u lanqas lin-nies li kienu hemm meta bdejt. Jista’ jkun li tiġi mill-karattru wkoll ma nafx imma dejjem nibqa’ grat lejn it-trobbija li tawna missieri u ommi, li sfortunament m’għadhiex magħna llum, għaliex rabbewna napprezzaw kollox u naraw u nifhmu dak li huwa tajjeb u ħażin fil-ħajja.

Kemm huma importanti l-annimali f’ħajtek? – Doreen Zammit

Insellimlek Doreen, L-annimali huma parti importanti ħafna ħafna f’ħajti. Meta konna zgħar kellna amorin jismu Billy. Missieri kien għallmu, mhux biċ-ċajt din, li filgħodu jiftaħ il-gaġġa u joqgħod itir sakemm jinżel fuq biċċa injama mwaħħla ma’ mera fil-kċina u joqgħod jitkellem miegħu nnifsu, u meta jismagħna deħlin mill-iskola jiġġennen kien. Imbagħad filgħaxija kien jidħol fil-gaġġa u jagħlaq il-bieba bil-munqar jerġa’. Inkredibbli. Kelli wkoll kelb ġewwa l-Iżvezja li sfortunatament kien marad u ħalliena. Iżda llum għandna erbat iqtates. Jien qatt ma kont daqsekk close tagħhom meta kont żgħir imma llum inqishom qishom it-tfal. M’ilux marditilna Misty li kienet il-ħames waħda. Għamilna minn kollox biex nippruvaw insalvawha però sfortunatament ma rnexxilniex u dejjem se tibqa’ f’qalbna. L-annimali m’għandhomx mibgħeda, jagħtu mħabba biss u bihom f’ħajjitna ħafna iktar kuntenti.

Liema memorji mal-mamà tiegħek tgħożż l-aktar? – Janet Grech

Insellimlek Janet. Jien għalkemm tlift lill-ommi ta’ 16-il sena, xorta nħossni xxurtjat li kelli ċans inqatta’ ħin magħha, ngħaddi minn esperjenzi li kelli tat-tfulija biha fihom u ngħannaqha. Jien qatt ma kont xi kwiet, dejjem niġri ma’ saqajn ommi u missieri u kull fejn imorru huma dejjem irrid immur magħhom jiġifieri għandi ħafna memorji. Tant għandi rikordji li nista’ nikteb ktieb fuqhom.

Dawn huma affarijiet li sfortunatament it-tfajla tiegħi Maria Francesca ma rnexxilhiex tagħmel minħabba li tilfet lil ommha meta kellha biss 5 snin. Però nara fiha l-omm inkredibbli li jekk Alla jrid għad trid tkun, la nippjanaw li nibnu familja, u nerġa’ ngħidilha li nħobbha mmens.

Kevin, uħud mis-segwaċi ta’ skoperta.net, semmewlek il-Eurovision, u li jixtiquk li tirrappreżenta lil Malta f’dan il-festival. Oħrajn esprimew ix-xewqa li tikteb innu ġdid tal-Furjana. X’inhuma r-reazzjonijiet u l-kummenti tiegħek dwar dawn iż-żewġ xewqat?

Nixtieq verament nirringrazzja lil kulħadd ta’ dawn id-domandi kollha. Verament qatt ma stennejt li se nara rispons sabiħ bħal dan. Għal dawk li staqsewni għall-Eurovision, qatt ma tista’ tgħid x’se jiġri ‘l quddiem!

Bħal ma kulħadd jaf, jiena mill-Furjana u nirringrazzja verament lill-Furjanizi li dejjem issapportjawni f’kull m’għamilt. Madanakollu nixtieq nirringrazzja lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha talli meta għamilt xi ħaġa dejjem sibt lil kulħadd warajja. Xi ħaġa inkredibbli. Bħalissa qed naħdmu fuq proġett bis-sens, jiena flimkien ma’ wieħed mill-aqwa mużiċisti Żvediżi u se nkunu qegħdin inħabbru kollox fil-gimgħat li ġejjin ukoll.

Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lilek Roberta, tal-ħin u d-dedikazzjoni tiegħek sabiex tkompli tmexxi dan il-portal SKOPERTA li tant qed jagħmel suċċess. Sakemm nerġgħu nagħmlu intervista oħra, nixtieq nawgura lilkom u lill-familji kollha tagħkom is-saħħa u s-sliem. GRAZZI!

Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom!

Riċetta: Kejk bil-Frawli

Riċetta: Kejk bil-Frawli

Għandek bżonn (għal turtiera ta’ 9 inches):

250g dqiq plain

Żewġ bajdiet kbar (temperatura tal-kamra)

200g zokkor

230g ġobon li jidellek (Philadelphia)

Żewġ imgħaref ħalib

108ml żejt (vegetable jew light olive oil)

Kuċċarina essenza tal-vanilla

Zewġ kuċċarini baking powder

Niskata melħ

350g frawli

Mgħarfa meraq tal-lumi

Biex tagħmel il-ġulepp tal frawli:

300g frawli mħallat fi blender ma’ 50g zokkor.

Metodu għall-kejk:

  • L-ewwel, idlek id-dixx tiegħek u poġġi l-karta tal-forn fil-qiegħ.
  • Issa ipprepara l-frawli.
  • Aqta’ 200g mill-frawli f’biċċiet żgħar.
  • Aqta’ l-150g li jifdal f’nofsijiet.
  • Saħħan il-forn fuq 180 grad.

Nota: Il-ħinijiet li ġejjin huma għall-użu ta’ mixer tal-ikel elettriku. Jekk qed tagħmel dan bl-idejn, ikollok bżonn iżżid aktar ħin.

  • Fi skutella kbira, ħawwad il-bajd u z-zokkor għal 5 minuti sakemm it-taħlita tkun ta’ kulur ċar u taqgħad ftit.
  • Żid il-ġobon, il-ħalib, il-meraq tal-lumi, iż-żejt, u l-essenza tal-vanilla. Ħabbat b’veloċità baxxa sakemm l-ingredjenti kollha jkunu mħalltin.
  • Fi skutella oħra, ħawwad flimkien id-dqiq, il-baking powder u l-melħ sakemm jitħalltu sew.
  • Żid it-taħlita tad-dqiq mat-taħlita tal-ġobon u ħawwad b’veloċità baxxa sakemm id-dqiq ikun imħallat kompletament mal-bqija tal-ingredjenti.
  • Tħallatx iżżejjed. Ieqaf ħallat hekk kif ma tkunx għadek tara d-dqiq.
  • Ferra nofs it-taħlita tal-kejk fil-landa tal-kejk.
  • Ifrex il-biċċiet żgħar tal-frawli fuq it-taħlita.
  • Imbagħad agħtti bit-taħlita li jifdal.
  • Agħtti l-wiċċ tal-kejk bil-frawli li kont qsamt min-nofs, ippressahom kemm kemm fit-taħlita.
  • Aħmi għal madwar 50 minuta, jew sakemm toothpick imdaħħal fin-nofs joħroġ nadif.
  • Ħalli l-kejk jibred kompletament qabel ma sservi.
  • Servi ma’ ġulepp tal-frawli.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

‘Earthing’ jew ‘Grounding’ fir-rutina tagħna – Dan xi jkun?

‘Earthing’ jew ‘Grounding’ fir-rutina tagħna – Dan xi jkun?

🌎🏡👉 Qatt smajt b’Earthing jew “grounding”?

Bażikament, huwa meta l-ġilda tiegħek tiġi f’kuntatt mad-dinja … mingħajr il-barriera ta’ drappijiet sintetiċi u materjali (bħal kalzetti u żraben).

Huwa qasam relattivament ġdid li qed jiġi studjat, u għal raġuni tajba!

😮🌅 Li tiddedika l-ħin biex toħroġ barra (jew fuq il-bejt/bitħa) u tkun f’kuntatt mad-dinja (l-ideali hu ramel jew ħamrija) jista’ jgħin biex tinqata’ l-infjammazzjoni, tnaqqas l-uġigħ u l-istress, ittejjeb l-irqad u markaturi oħra tas-saħħa.

⚡ Fil-fatt, ara ftit din:

🌎 “Ir-riċerka emerġenti wriet li kuntatt fiżiku dirett mal-wiċċ tal-pjaneta jiġġenera tip ta’ nutriment elettriku, b’effetti anti-infjammatorji u anti-ossidanti sorprendenti qawwija u rapidi.”

🌟 Interessanti, hux?

🌐🌲 Jeħtieġ iktar riċerka biex insiru nafu jekk taħdimx u kif taħdem.

Minkejja dan, hemm xi ħaġa partikolari li tnaqqas l-istress dwar li toħroġ barra u tgawdi l-arja friska … kemm jekk tkun mixja jew sempliċement tqatta’ ħin barra.

🌳 Din il-ġimgħa l-isfida tiegħek hi li tiddedika ħin għall-earthing!

⤵️⤵️⤵️ Int se tingħaqad magħna? Għidilna!

Enable Notifications OK No thanks