Select Page
Imut il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

Imut il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fl-età ta’ 65 sena.

Huwa miet fl-isptar l-Italja fejn kien ilu mis-26 ta’ Diċembru, minħabba kumplikazzjoni serja minħabba disfunzjoni tas-sistema immuni tiegħu.

Sassoli, politiku Taljan, ġie wkoll ikkurat fi sptar Franċiż għal pulmonite f’Settembru.

David Sassoli beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalist, u kompla jevolvi fil-karriera meta ingħaqad max-xandir tal-Istat Taljan RAI. Fl-2009, ingħaqad mal-Partit Demokratiku u rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Huwa ilu president tal-parlament ta’ 705 siġġu mill-2019. Huwa rwol fil-biċċa l-kbira ċerimonjali u l-mandat tiegħu kellu jintemm dan ix-xahar.

Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Viċi President iddeterminat skont il-preċedenza, isir President jekk ir-rwol jiġi vakanti.

Roberta Metsola tokkupa l-kariga ta’ Viċi President, għaldaqstant se tkun qed isservi bħala President tal-Parlament Ewropew sakemm jiġi elett President ġdid.

L-elezzjoni se ssir nhar l-Erbgħa d-19 ta’ Jannar u Metsola hija l-kandidata tal-PPE għar-rwol.

Titħabbar ir-riżenja tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana

Titħabbar ir-riżenja tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana

Aktar kmieni, il-Gvern ħabbar li Justyne Caruana tat ir-riżenja tagħha minn Ministru tal-Edukazzjoni li ġiet aċċettata mill-Prim Ministru Robert Abela.

Dan wara li fl-aħħar jiem ħareġ rapport li Justyne Caruana nstabet ħatja ta’ ksur ta’ etika mill-Kummissarju għall-Istandards, fuq kuntratt li tat lil persuna qrib tagħha.

Fuq il-midja soċjali, Justyne Caruana qalet hija daħlet fil-politika biex isservi, u qatt ma kienet marbuta mas-siġġu tal-poter u għalhekk ħasset li din hija l-aħjar deċiżjoni fil-mument għall-Gvern u l-Partit Laburista.

Hija żiedet tgħid li minkejja li mhix se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, se tkun qed tikkontesta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards biex tiddefendi r-reputazzjoni tagħha u tal-familja tagħha.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li tilqa’ r-riżenja ta’ Justyne Caruana, u li kienet waħda meħtieġa.

Roberta Metsola tirbaħ it-tellieqa għall-kandidatura Presidenzjali tal-PE

Roberta Metsola tirbaħ it-tellieqa għall-kandidatura Presidenzjali tal-PE

Ilbieraħ, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola rebħet it-tellieqa biex tkun kandidata għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Popolari Ewropew, fis-17 ta’ Jannar.

Iż-żewġ kandidati MPEs l-oħra kienu l-Awstrijak Othmar Karas u l-Olandiża Esther de Lange.

Hija kisbet 112-il vot minn 174 membru li vvutaw.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil Roberta Metsola tar-riżultat prestiġjuż u qal li Roberta għamlet isem għaliha u għal pajjiżna billi ddefendiet il-valuri Ewropej tal-libertà, il-verità u l-ġustizzja.

Bosta oħrajn esprimew fuq il-midja soċjali l-awguri tagħhom għal Roberta, fosthom Dr Lawrence Gonzi, Dr Simon Busuttil u David Casa.

F’intervista li saret fuq TVAM, li jixxandar fuq TVMNews+, Roberta Metsola qalet li jekk tkun eletta f’Jannar hija se tkun l-ewwel President mara fl-aħħar 20 sena u l-ewwel waħda minn pajjiż żgħir.

Hija qalet li se tkun kawta imma tinsab ottimista li tista’ tagħmel dak li ilha tagħmel minn meta kienet eletta, tibni l-pontijiet ma’ kull min hu lest li jaħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.

Therese Comodini Cachia mhix se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali

Therese Comodini Cachia mhix se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali

Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ħabbret li mhix se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Hija qalet li l-politika parlamentari partiġġjana mhix l-aħjar mod għaliha biex tkun tista’ tibqa’ tistinka għal komunità aħjar.

B’reazzjoni għal dan, il-PN irringrazzja lil Therese Comodini Cachica għall-ħidma tagħha fi ħdan il-Partit, kif ukoll indika li hija se tkompli taħdem fl-istrutturi tal-Partit.

Enable Notifications    OK No thanks